Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisuh id-divorzju?
Aħna nżommu mal-ħarsa li għandha l-Bibbja lejn iż-żwieġ u d-divorzju. Alla ħalaq iż-żwieġ biex ikun rabta perfetta bejn raġel u mara. L-unika bażi Skritturali għal divorzju hi l-immoralità sesswali.—Mattew 19:5, 6, 9.
Ix-Xhieda jipprovdu għajnuna għal koppji fi żwiġijiet b’ħafna problemi?
Iva, b’diversi modi:
Pubblikazzjonijiet. Dawn regolarment ikun fihom materjal li jsaħħaħ iż-żwiġijiet, anki dawk li forsi jidhru li ma jistgħux jitranġaw. Pereżempju, ara l-artikli “Żomm l-Impenn fiż-Żwieġ Tiegħek,” “Kif Taħfer,” u “Kif Terġaʼ Tinbena l-Fiduċja.”
Laqgħat. Aħna niddiskutu l-pariri prattiċi tal-Bibbja għaż-żwieġ, u dan nagħmluh fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, fl-assembleat, u fil-konvenzjonijiet tagħna.
Anzjani. Anzjani tal-kongregazzjoni, li huma rġiel kwalifikati Skritturalment, jipprovdu għajnuna personali għal koppji miżżewġin, billi jidderieġu l-attenzjoni tagħhom lejn skritturi bħal Efesin 5:22-25.
Għandhom l-anzjani tal-kongregazzjoni japprovaw id-divorzju taʼ Xhud?
Le. Anki meta l-anzjani jiġu mitluba jgħinu koppja biex ikampaw maʼ diffikultajiet fiż-żwieġ, huma m’għandhomx l-awtorità jgħidu lill-koppja x’għandha tagħmel. (Galatin 6:5) Madankollu, xi ħadd li jagħżel li jiddivorzja mingħajr bażi Skritturali mhuwiex Skritturalment ħieles biex jerġaʼ jiżżewweġ.—1 Timotju 3:1, 5, 12.
Ix-Xhieda kif iqisuha s-separazzjoni?
Il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-miżżewġin biex jibqgħu flimkien saħansitra f’ċirkustanzi li mhumiex ideali. (1 Korintin 7:10-16) Ħafna problemi jistgħu jissolvew permezz taʼ talb mill-qalb, billi jiġu applikati prinċipji Bibliċi, u billi tintwera l-imħabba.—1 Korintin 13:4-8; Galatin 5:22.
Minkejja dan, f’każi estremi bħal dawn li ġejjin, xi Kristjani ddeċidew li jisseparaw minn mas-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ:
Nuqqas taʼ manteniment magħmul bi ħsieb.—1 Timotju 5:8.
Abbuż fiżiku estrem.—Salm 11:5.
Periklu assolut għall-ħajja spiritwali. Pereżempju, raġel jew mara miżżewġa tistaʼ tipprova ġġiegħel Xhud jikser il-kmandamenti t’Alla b’xi mod, u s-sieħeb jew sieħba mhedda għandha mnejn tiddeċiedi li s-separazzjoni tkun l-uniku mod biex ‘tobdi lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.’—Atti 5:29.