Privacy Settings

To provide you with the best possible experience, we use cookies and similar technologies. Some cookies are necessary to make our website work and cannot be refused. You can accept or decline the use of additional cookies, which we use only to improve your experience. None of this data will ever be sold or used for marketing. To learn more, read the Global Policy on Use of Cookies and Similar Technologies. You can customize your settings at any time by going to Privacy Settings.

Mur fil-kontenut

Żagħżugħ iħossu ansjuż l-iskola

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nkampa mal-ansjetà?

Kif nistaʼ nkampa mal-ansjetà?

 X’jagħmlek ansjuż?

 Jiddeskrivu kif ġieli tħossok int l-​istqarrijiet li ġejjin?

 “Jien il-​ħin kollu naħseb dwar x’jistaʼ jinqalaʼ: ‘Xieraq jiġri. . . ?’ ‘Xieraq ikollna aċċident bil-​karozza?’ ‘Xieraq jaqaʼ l-​ajruplan li nkunu fuqu?’ Jien ansjuż dwar affarijiet li persuna iktar raġunevoli ma toqgħodx tinkwieta fuqhom.”​—Charles.

 “Jien inħossni ansjuża l-​ħin kollu, bħallikieku kont ħamster li jdur il-​ħin kollu fuq rota imma qatt ma jasal imkien. Naħdem bi lsieni barra imma ma nkun qed inwettaq xejn!”​—Anna.

 “Meta n-​nies jgħiduli li għandi xorti li għadni l-​iskola, bejni u bejn ruħi ngħid, ‘M’għandhomx idea kemm hi stressanti l-​iskola!’”​—Daniel.

 “Inħoss li jien kontinwament taħt pressjoni kbira. Dejjem ninkwieta dwar dak li se jiġri jew dwar dak li rrid nagħmel.”​—Laura.

 Fatt tal-​ħajja: Qed ngħixu f’dak li l-​Bibbja ssejħilhom “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Minħabba f’hekk, l-​ansjetà tistaʼ teffettwa ż-​żgħażagħ daqskemm teffettwa lill-​adulti.

 L-​ansjetà dejjem hi ħażina?

 It-​tweġiba hija le. Infatti, il-​Bibbja tgħid li hu tajjeb li n-​nies ikunu ansjużi biex jogħġbu lil dawk li jħobbu.—1 Korintin 7:32-​34; 2 Korintin 11:28.

 Ukoll, irridu nammettu li l-​ansjetà tistaʼ tkun xi ħaġa li timmotivana għat-​tajjeb. Pereżempju, ejja ngħidu li l-​ġimgħa d-​dieħla għandek eżami l-​iskola. L-​ansjetà tistaʼ ġiegħlek tistudja din il-​ġimgħa—u dan jistaʼ jgħinek iġġib marka aħjar!

 Ukoll, ftit ansjetà tistaʼ ġġiegħlek toqgħod attent għall-​perikli. “Jaf tħossok ansjuż għax tkun taf li qed tagħmel xi ħaġa ħażina u li għandek bżonn tagħmel xi bidliet biex ma tniggżekx il-​kuxjenza,” tgħid żagħżugħa jisimha Serena.—Qabbel Ġakbu 5:14.

 Fatt tal-​ħajja: L-​ansjetà tistaʼ taħdem favurik—dment li tqanqlek biex tieħu l-​pass it-​tajjeb.

 Imma xi ngħidu jekk minħabba l-​ansjetà tħossok il-​ħin kollu mitluf fi ħsibijiet negattivi?

Raġel jgħin lil żagħżugħ joħroġ minn labirint

Minħabba l-ansjetà tistaʼ tħossok bħallikieku int mitluf f’labirint, imma xi ħadd li jara l-affarijiet minn ħarsa differenti jistaʼ jgħinek toħroġ minnu

 Eżempju: “Moħħi jiġri bija meta noqgħod naħseb dwar modi differenti taʼ kif tistaʼ tiżvolġi sitwazzjoni stressanti,” jgħid Richard li għandu 19-​il sena. “Noqgħod il-​ħin kollu nhewden fuq is-​sitwazzjoni sal-​punt li tgħidx kemm niġi ansjuż.”

 Il-​Bibbja tgħid li “qalb kalma hija l-​ħajja tal-​ġisem.” (Proverbji 14:30) Min-​naħa l-​oħra, l-​ansjetà tistaʼ ġġib magħha għadd taʼ sintomi fiżiċi xejn sbieħ, bħal uġigħ taʼ ras, stordament, uġigħ fl-​istonku, u l-​qalb tħabbat b’rata iktar mgħaġġla.

 X’tistaʼ tagħmel jekk l-​ansjetà donnha qed taħdem kontrik minflok favurik?

 Dak li tistaʼ tagħmel

  •   Staqsi lilek innifsek jekk l-​ansjetà tiegħek hijiex raġunevoli. ‘Li taħseb dwar ir-​responsabbiltajiet tiegħek hi ħaġa; li tkun ansjuż iżżejjed hi ħaġ’oħra. Dan hu bħal meta xi ħadd jipprova jgħum kontra l-​kurrent għal sigħat sħaħ f’baħar imqalleb. Jaħli dik l-​enerġija kollha imma ma jasal imkien.’​—Katherine.

     Il-​Bibbja tgħid: “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?”—Mattew 6:27.

     Dan xi jfisser: Sakemm l-​ansjetà ma twasslekx għal soluzzjoni, din se tkabbarlek il-​problema—jew issir il-​problema tiegħek.

  •   Imxi ġurnata b’ġurnata. “Aħseb ftit. Dak li int ansjuż dwaru llum se jkun importanti għada? xahar ieħor? sena oħra? jew ħames snin oħra?”​—Anthony.

     Il-​Bibbja tgħid: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.”—Mattew 6:34.

     Dan xi jfisser: Ma tantx jagħmel sens li toqgħod tinkwieta fuq il-​problemi t’għada—xi problemi minnhom jaf qatt ma jseħħu.

  •   Tgħallem għix b’dak li ma tistax tbiddel. “L-​iktar li tistaʼ tagħmel hu li tipprepara kemm jistaʼ jkun għal xi sitwazzjonijiet, imma aċċetta l-​fatt li xi sitwazzjonijiet m’għandekx kontroll fuqhom.”​—Robert.

     Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija, . . . u lanqas dawk li għandhom l-​għarfien ma jkollhom l-​approvazzjoni; għax iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”—Ekkleżjasti 9:11.

     Dan xi jfisser: Xi kultant ma tistax tbiddel iċ-​ċirkustanzi tiegħek, imma tistaʼ tbiddel il-​mod kif tħares lejhom.

  •   Ħares lejn is-​sitwazzjoni b’mod realistiku. “Sibt li għandi nara l-​istampa kollha u mhux noqgħod ninkwieta fuq l-​irqaqat. Imbagħad niddeċiedi x’inhu l-​iktar importanti u nuża l-​enerġija tiegħi biex nagħmel dawn l-​affarijiet.”​—Alexis.

     Il-​Bibbja tgħid: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.

     Dan xi jfisser: Nies li jkollhom ħarsa xierqa lejn l-​affarijiet, għandhom inqas ċans li jinħakmu mill-​ansjetà.

  •   Tkellem maʼ xi ħadd. “Meta kelli ħdax-​il sena, kont nispiċċa mmur id-​dar vera ansjuża u nibżaʼ niffaċċja l-​għada. Ommi u missieri kienu joqogħdu jisimgħuni hekk kif kont niftaħ qalbi magħhom. Imnalla kienu huma. Stajt nafdahom u nitkellem magħhom bil-​libertà kollha. Dan għenni niffaċċja l-​ġurnata taʼ wara.”​—Marilyn.

     Il-​Bibbja tgħid: “L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha, imma l-​kelma t-​tajba tferraħha.”—Proverbji 12:25.

     Dan xi jfisser: Ġenitur jew ħabib għandu mnejn ikun jistaʼ jagħtik suġġerimenti prattiċi dwar kif tistaʼ tnaqqas l-​ansjetà.

  •   Itlob. “It-​talb jgħinni, speċjalment meta nitlob b’mod li nismaʼ lili nnifsi. Għax b’hekk nesprimi dak li qed jagħmilni ansjuża, u mhux noqgħod inżomm kollox ġo fija. Dan jgħinni nirrealizza wkoll li Ġeħova hu akbar mill-​ansjetà tiegħi.”​—Laura.

     Il-​Bibbja tgħid: ‘Itfaʼ l-​ansjetà kollha tiegħek fuq Alla, għax hu jimpurtah minnek.’—1 Pietru 5:7.

     Dan xi jfisser: It-​talb mhux qiegħed hemm biex insolvu l-​problemi tagħna waħedna. Hu komunikazzjoni reali m’Alla Ġeħova, li jwiegħed: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn [jew, tkunx ansjuż], għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Isaija 41:10.