IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Għala għandek tiċħad l-istampa li tpinġi l-midja?—It-2 parti: Għall-ġuvintur
Il-midja xi stampa tpinġi tal-ġuvintur?
Agħti daqqa t’għajn lejn il-kwalitajiet t’hawn taħt, u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin.
L-1 kolonna |
It-2 kolonna |
---|---|
Ribelluż |
Juri rispett |
Egoist |
Leali |
Vjolenti |
Jaħseb f’ħaddieħor |
Għażżien |
Jaħdem iebes |
Mhux responsabbli |
Responsabbli |
Qarrieq |
Onest |
Liema kwalitajiet jiddeskrivu lill-ġuvintur skont kif is-soltu tpinġihom il-midja (inkluż fil-films, fuq it-televixin, u fir-reklami)?
Liema kwalitajiet jiddeskrivu kif int tixtieq li tkun magħruf?
Wisq probabbli, użajt kwalitajiet mill-1 kolonna biex twieġeb l-ewwel mistoqsija u użajt kwalitajiet mit-2 kolonna biex twieġeb it-tieni mistoqsija. Jekk inhu hekk, tajjeb. Għala ngħidu hekk? Għax dan ifisser li l-mod kif il-midja tpinġi l-ġuvintur x’aktarx ma jaqbilx mal-persuna li int verament—jew mat-tip taʼ persuna li għandek issir. Ikkunsidra għala.
Il-midja spiss tpinġi lill-ġuvintur bħala wħud vjolenti u ribellużi. Il-ktieb Why Boys Don’t Talk—and Why It Matters joħroġ il-punt li l-iktar karattri popolari fuq it-televixin, fil-films, u fl-isports huma ġuvintur “li huma b’saħħithom ħafna fiżikament u li huma aggressivi. . . . Dan iwassal il-messaġġ li biex wieħed ikun popolari jrid ikun vjolenti u ribelluż.”
Aħseb dwar dan: Jekk tkun aggressiv, jew vjolenti, se tkun int ħabib, kollega, jew raġel miżżewweġ aħjar? Meta xi ħadd jipprovokak, jew iġiegħlek tirrabja, liema minn dawn ir-reazzjonijiet teħtieġ l-iktar sforz min-naħa tiegħek: li tiżvoga r-rabja tiegħek jew li tikkontrollaha? Liema reazzjoni turi li int raġel matur?
Il-Bibbja tgħid: “Min ma jirrabjax malajr hu aħjar minn raġel setgħan, u dak li qed jikkontrolla l-ispirtu tiegħu aħjar minn wieħed li qed jirbaħ belt.”—Proverbji 16:32.
Il-midja tpinġi lill-ġuvintur bħala wħud iffissati fuq is-sess. Chris, li għandu 17-il sena, jgħid: “Fil-films u fuq it-televixin, il-ġuvintur jibdlu t-tfajliet tagħhom iktar spiss milli jibdlu ħwejjiġhom.” Gary, li għandu 18-il sena, iżid maʼ dan u jgħid: “Il-ġuvni tipiku fil-midja hu ffissat fuq is-sess.” Pereżempju, xi films ipinġu lill-ġuvintur bħallikieku l-unika ħaġa li jridu jagħmlu f’ħajjithom hi li jixxalaw, jixorbu, u jmorru mat-tfajliet.
Aħseb dwar dan: Din l-istampa li tpinġi l-midja tirrifletti t-tip taʼ reputazzjoni li tixtieq li jkollok int? Raġel matur jittratta lin-nisa bħala oġġetti għas-sess, jew jittrattahom bir-rispett?
Il-Bibbja tgħid: “Kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ġismu bil-qdusija u bl-unur, mhux b’aptit sesswali mimli xenqa.”—1 Tessalonikin 4:4, 5.
Il-midja tpinġi lill-ġuvintur bħala wħud mhux responsabbli. F’ħafna mill-films u l-programmi tat-televixin popolari, il-ġuvintur jidhru bħala wħud għażżenin u li ma jafu jagħmlu xejn. Forsi hu għalhekk li xi adulti ftit li xejn għandhom fiduċja fil-potenzjal tal-ġuvintur. Gary, li semmejna qabel, jgħid: “Meta għalaqt 16-il sena, tgħidx kemm sibtha bi tqila biex insib xogħol għax l-imgħallmin fl-inħawi tiegħi riedu jimpjegaw in-nisa biss. Ħassew li l-ġuvintur kollha ma kinux responsabbli jew taʼ min jafdahom!”
Aħseb dwar dan: Din l-istampa li l-ġuvintur mhumiex responsabbli jew taʼ min jafdahom, hi stampa ġusta? Kif tistaʼ turi li int differenti?
Il-Bibbja tgħid: “Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek. Għall-kuntrarju, kun t’eżempju għall-uħud leali, fil-kliem, fil-kondotta, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.”—1 Timotju 4:12.
Dak li għandek tkun taf
Il-midja jistaʼ jkollha effett profond fuqek. Pereżempju, il-midja tistaʼ ġġiegħlek tħoss li biex tkun popolari trid timxi mal-moda. Colin, li għandu 17-il sena, jgħid: “Ir-reklami juru kif għandhom ikunu lebsin il-ġuvintur, u juru kif dawn huma mdawrin bi tfajliet li għandhom grazzja magħhom. Iġiegħlu lil dak li jkun ikun irid imur jixtri dawk il-ħwejjeġ. Jien ġieli għamiltu dan!”
Aħseb dwar dan: Il-mod kif tilbes int jikxef min int verament, jew sempliċement qed tilbes bħalma jilbes ħaddieħor? Min se jibbenefika l-iktar meta toqgħod tonfoq il-flus biex ikollok ħwejjeġ tad-ditta u tal-aħħar moda?
Il-Bibbja tgħid: “Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema.”—Rumani 12:2.
Jekk timita lill-ġuvintur skont kif tpinġihom il-midja, fir-realtà t-tfajliet jistgħu inqas jinġibdu lejk. Ikkunsidra ftit kummenti minn tfajliet:
“Ngħid għalija, nippreferi ġuvni li ma jipprovax ikun bħal ħaddieħor milli ġuvni li jaħseb li mhuwiex tajjeb biżżejjed u li jipprova jimpressjona lil oħrajn. Fir-realtà, ġuvni li moħħu f’li jimpressjona lil oħrajn jispiċċa jaqaʼ għaċ-ċajt!”—Anna.
“Ir-riklami jġiegħlu lill-ġuvintur iħossuhom li jrid ikollhom ċertu apparat elettroniku jew iridu jidhru ċertu mod biex it-tfajliet jinġibdu lejhom. Imma, hekk kif it-tfajliet jikbru, dawn l-affarijiet ma jibqgħux jagħmlu bihom. Minflok, iktar jibda jinteressahom il-kwalitajiet ġewwinin taʼ ġuvni u l-mod taʼ kif jittratta lin-nies. Pereżempju, it-tfajliet togħġobhom meta ġuvni jkun onest u leali.”—Danielle.
“Ħafna drabi, il-‘ġuvni li jidher perfett’ ikun arroganti, u jien ma rridx inqattaʼ ħin maʼ xi ħadd bħal dan. Jistaʼ jkun l-iktar ġuvni ħelu fid-dinja, imma xejn ma jiġbidni jekk il-personalità tiegħu ma tkunx sabiħa wkoll.”—Diana.
Aħseb dwar dan: Meta tiddeskrivi lil Samwel, l-Iskrittura tgħid li baqaʼ “jikber u jingħoġob iktar, sew quddiem Ġeħova u sew quddiem il-bnedmin.” (1 Samwel 2:26) Fuq liema kwalitajiet għandek bżonn taħdem biex ikollok din it-tip taʼ reputazzjoni?
Il-Bibbja tgħid: “Kunu rġiel.”—1 Korintin 16:13.
Dak li tistaʼ tagħmel
Taqbadx u taċċetta l-istampa li tpinġi l-midja. Innota din l-istqarrija fil-Bibbja: “Kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja.”—1 Ġwanni 2:16.
Il-midja tipprofitta ruħha minn dawn ix-xewqat u tpinġihom bħala xi ħaġa normali. Għalhekk, taqbadx u taċċetta dak li tara fil-midja. Spiss dan ma jkun xejn ħlief xi ħaġa li vvintaw in-negozjanti biex jagħmlu l-flus minn fuq in-nies.
Agħmel il-miri tiegħek dwar it-tip taʼ persuna li tixtieq tkun. Il-Bibbja tgħid: “Ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz taʼ l-għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha”—u mhux skont ix-xbieha li l-midja tippromwovi.—Kolossin 3:10.
Sabiex issegwi dan il-parir, erġaʼ aħseb fil-kwalitajiet li għażilt fil-bidu tal-artiklu, jiġifieri, il-kwalitajiet li tixtieq li tkun magħruf għalihom. Għala ma tibdiex taħdem minn issa biex tiksibhom jew biex ittejjibhom?
Ammira u imita nies t’eżempju tajjeb. Il-Bibbja tgħid: “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref.” (Proverbji 13:20) Liema rġiel fil-ħajja tiegħek urew li huma għorrief? Tistaʼ ssib nies bħal dawn fil-familja tiegħek, pereżempju missierek jew zijuk. Oħrajn jistgħu jkunu wħud li taf jew ħbieb li huma rġiel maturi. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom ħafna rġiel eżemplari fil-kongregazzjoni Kristjana. Il-Bibbja stess issemmi rġiel li tistaʼ tammira, fosthom Titu, li ħallew eżempju tajjeb biex iż-żgħażagħ jimitaw.—Titu 2:3-5.
Suġġeriment: Uża l-ktieb Imita l-fidi tagħhom biex titgħallem dwar eżempji Bibliċi mill-aħjar taʼ rġiel li tistaʼ timitahom, inkluż Abel, Noè, Abram, Samwel, Elija, Ġona, Ġużeppi, u Pietru.