IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinni?—It-2 parti: Kif tieħu pjaċir taqra l-Bibbja
“Il-Bibbja tistaʼ tidher li mhix interessanti jekk ma tkunx taf kif għandek taqraha,” jgħid żagħżugħ jismu Will.
Jekk tixtieq tkun taf is-sigriet taʼ kif tieħu pjaċir taqra l-Bibbja, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek.
Idħol fir-rakkont
Involvi ruħek f’dak li taqra. Tistaʼ tipprova dan li ġej:
Agħżel rakkont tal-Bibbja li tixtieq tistudja fuqu. Tistaʼ tagħżel ġrajja fil-Bibbja jew parti minn Evanġelju, jew tistaʼ tagħżel rakkont mill-qari drammatiku mill-Bibbja minn fuq jw.org/mt.
Aqra r-rakkont. Tistaʼ taqrah waħdek, jew inkella taqrah b’leħen għoli mal-ħbieb jew mal-familja. Xi ħadd jistaʼ jaqra l-parti tan-narratur u l-oħrajn ikollhom l-irwol taʼ karattri oħra.
Ipprova xi suġġerimenti minn dawn:
Penġi stampi biex tkun tistaʼ timmaġina r-rakkont. Jew penġi stampi sempliċi mir-rakkont li juru kif ġraw l-affarijiet wara xulxin. Ħdejn kull stampa, ikteb deskrizzjoni żgħira taʼ x’qed jiġri.
Penġi diagrams. Pereżempju, waqt li taqra dwar karattru leali, ikteb kwalità li kellu, imbagħad oħroġ il-barkiet li rċieva minħabba li wera din il-kwalità.
Immaġina li int ġurnalist li qed tikteb dwar ir-rakkont. Iddeskrivi dak li ġara fir-rakkont minn lenti differenti, u immaġina li qed tintervista l-karattri prinċipali u dawk li kienu preżenti fil-ġrajja.
Jekk wieħed mill-karattri fir-rakkont ħa deċiżjoni ħażina, immaġina kif kienu jmorru l-affarijiet kieku aġixxa mod ieħor. Pereżempju, ikkunsidra meta Pietru ċaħad lil Ġesù. (Marku 14:66-72) Pietru kif setaʼ aġixxa aħjar f’din is-sitwazzjoni diffiċli?
Jekk tħobb tkun iktar kreattiv, ipprova ikteb drama fuq ir-rakkont tal-Bibbja. Inkludi l-lezzjonijiet li jistgħu joħorġu mir-rakkont.—Rumani 15:4.
Fittex fil-fond!
Jekk teżamina d-dettalji tar-rakkont, se tkun tistaʼ tiskopri l-ġawhar moħbi li fih. Xi drabi, kelma waħda f’rakkont tal-Bibbja tistaʼ tkun importanti ħafna.
Pereżempju, qabbel Mattew 28:7 maʼ Marku 16:7.
Marku għala semma d-dettall li Ġesù kien dalwaqt se jidher lid-dixxipli u “lil Pietru”?
Ħjiel: Marku ma kienx preżenti f’dawn il-ġrajjiet; milli jidher, hu ġab din l-informazzjoni mingħand Pietru.
Il-ġawhra moħbija: Pietru għala setaʼ ħassu inkuraġġit meta semaʼ li Ġesù ried jerġaʼ jarah? (Marku 14:66-72) Ġesù kif wera li hu ħabib veru taʼ Pietru? Kif tistaʼ timita lil Ġesù u tkun ħabib veru għal oħrajn?
Meta tidħol f’rakkont u tfittex fil-fond dwar id-dettalji, se tieħu iktar pjaċir taqra l-Bibbja.