Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

X’għandi nkun naf dwar is-sexting?

X’għandi nkun naf dwar is-sexting?

 X’inhu s-sexting?

 Is-“sexting” hu l-prattika li jintbagħtu messaġġi, ritratti, jew vidjows sesswali bil-mowbajl. “Donnu sar normali li tikkomunika hekk issa,” jgħid wieħed raġel. “Tnejn jibdew jibagħtu messaġġi lil xulxin u f’kemm ilni ngħidlek jispiċċaw jibagħtu ritratti ħamalli.”

 In-nies għala jagħmluh dan? Xi adoloxxenti jqisuh b’dan il-mod: “Li jkollok ritratt fuq il-mowbajl tiegħek li fih is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tkun għarwiena hu reklam li int attiv sesswalment,” jgħid avukat tal-esperjenza kwotat f’The New York Times. Adoloxxenti waħda saħansitra ssejjaħlu “sess bla periklu.” Wara kollox, hi tgħid, “ma tistax toħroġ tqila u ma tistax tlaqqat xi marda trasmessa sesswalment.”

 Raġunijiet oħra għala l-adoloxxenti jibagħtu s-sexts jinkludu dawn li ġejjin:

  •   Biex jifflertjaw maʼ xi ħadd li jridu jkunu f’relazzjoni miegħu.

  •   Għax xi ħadd diġà jkun bagħtilhom ritratt ħamallu u jħossuhom taħt pressjoni biex jagħmlu l-istess.

 X’inhuma l-konsegwenzi tas-sexting?

 Ladarba tkun bgħatt ritratt bil-mowbajl, ma jkunx għadu tiegħek, u lanqas ma tkun tistaʼ tikkontrolla kif jistaʼ jintuża​—jew kif se jeffettwa r-reputazzjoni tiegħek. “Qatt ma kien daqshekk faċli biex in-nies jibagħtu u jżommu evidenza taʼ kondotta mhix xierqa,” tgħid Amanda Lenhart, speċjalista fir-riċerka u awtriċi taʼ rapport dwar is-sexting għall-Pew Research Center.

 F’xi każi

  •    Dak li jirċievi r-ritratti taʼ persuna għarwiena jibgħathom lil sħabu kollha għall-pjaċir tagħhom.

  •    Ġuvintur li t-tfajla tagħhom tkun telqithom bagħtu ritratti tagħha għarwiena biex ipattuhielha.

 KONT TAF? F’ħafna każi, is-sexting taʼ ritratti taʼ nies għarwenin tqies l-istess bħall-abbuż tat-tfal jew it-tqassim tal-pornografija bit-tfal. Xi minorenni li bagħtu sexts saħansitra ttellgħu l-qorti fuq akkużi taʼ offiżi sesswali.

 X’tgħid il-Bibbja?

 Il-Bibbja titkellem favur il-pjaċir sesswali fiż-żwieġ. (Proverbji 5:18) Però, tieħu waqfa ċara kontra mġiba sesswali bejn nies mhux miżżewġin. Ikkunsidra l-versi li ġejjin:

  •   “Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-żína u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-regħba, . . . lanqas imġiba taʼ mistħija, kliem iblah jew ċajt oxxen.”​—Efesin 5:3, 4.

  •   “Mewtu l-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art fejn tidħol iż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li twassal għall-ħsara, u x-xenqa b’għira.”​—Kolossin 3:5.

 Dawn il-versi ma jwissux biss kontra “ż-żína” (relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ) imma wkoll kontra affarijiet bħan-“nuqqas taʼ ndafa” (terminu li jirreferi għal kull tip taʼ tinġis morali) u “l-aptit sesswali” (li ma jirreferix għal sentimenti romantiċi normali li jistgħu jiġu sodisfati fiż-żwieġ imma għal passjoni li x’aktarx twassal għal kondotta mhix xierqa).

 Staqsi lilek innifsek:

  •   Is-sexting taʼ ritratti taʼ nies għarwenin kif inhu “nuqqas taʼ ndafa”?

  •   B’liema mod iqanqal “aptit sesswali” mhux xieraq?

  •   Ix-xewqa li tara jew tqassam ritratti taʼ nies għarwenin għala tagħmel il-“ħsara”?

 Il-versi Bibliċi li ġejjin jenfasizzaw raġuni saħansitra iktar konvinċenti għala għandek twarrab is-sexting.

  •   “Agħmel l-almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi.”​—2 Timotju 2:15.

  •    “Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.”​—2 Pietru 3:11.

 Dawn l-iskritturi jiddeskrivu r-riżultati pożittivi li jiġu meta tkun nadif moralment. Meta l-kondotta tiegħek tkun taʼ min ifaħħarha, m’għandekx għalfejn tinkwieta li se jiddispjaċik mill-azzjonijiet tiegħek.​—Galatin 6:7.

 Staqsi lilek innifsek:

  •    X’tip taʼ persuna jien?

  •    Jinteressani mir-reputazzjoni t’oħrajn?

  •    Irrid nieħu pjaċir b’xi ħaġa li tweġġaʼ lil oħrajn?

  •    Is-sexting kif jistaʼ jeffettwa r-reputazzjoni tiegħi?

  •    Is-sexting kif jistaʼ jkisser il-fiduċja li l-ġenituri tiegħi għandhom fija?

 STORJA VERA “Għandi ħabiba li żammet ir-relazzjoni tagħha maʼ ġuvni sigrieta. Imbagħad bagħtitlu ritratt tagħha għarwiena, u hu bagħtilha wieħed tiegħu. Lanqas kienu għaddew jumejn meta missierha ddeċieda li jiċċekkja l-mowbajl tagħha. Hu sab il-messaġġi u ħassu mweġġaʼ ħafna. Hu tkellem magħha wiċċ imb wiċċ u hi ammettiet kollox. Naf li jiddispjaċiha għal dak li għamlet, imma l-ġenituri tagħha ma setgħux jemmnu x’kien ġara u kienu diżappuntati ħafna! Mhumiex ċerti jekk jistgħux jibqgħu jafdawha.”

 Fatt tal-ħajja: Is-sexting ibaxxi kemm lil dak li jibgħat il-messaġġ u kemm lil dak li jarah. “Iġegħelni nħossni diżgustata u diżappuntata bija nnifsi,” tgħid adoloxxenti li l-għarus tagħha għamlilha pressjoni biex tibgħatlu s-sexts.

 Meta tqis il-konsegwenzi morali, etiċi, u forsi anki legali tas-sexting, tagħmel sew jekk issegwi l-pariri tal-Bibbja:

  •   “Aħrab mix-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija.”​—2 Timotju 2:22.

  •   “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.”​—Salm 119:37.

 Int kieku x’tagħmel?

 Applika l-pariri tal-Bibbja f’sitwazzjoni reali. Aqra l-istqarrija taʼ Janet, u mbagħad agħżel l-aħjar raġunar fl-opinjoni tiegħek.

 “Darba minnhom iltqajt maʼ ġuvni u tajna n-numru tagħna lil xulxin. Fi żmien ġimgħa kien qed jitlobni biex nibgħatlu ritratti tiegħi bil-bikini.”​—Janet.

 X’taħseb li messha għamlet Janet? Int kieku x’tagħmel?

  •  GĦAŻLA A Tistaʼ tirraġuna: ‘B’daqshekk! Wara kollox, li kieku morna l-baħar, xorta kien se jarani bil-malja.’

  •  GĦAŻLA B Tistaʼ tirraġuna: ‘Ma nafx x’għandu f’moħħu. Ħa nibgħatlu ritratt li fih m’iniex daqshekk imqaċċta u mbagħad naraw x’jiġri wara.’

  •  GĦAŻLA Ċ Tistaʼ tirraġuna: ‘Dan il-ġuvni moħħu biss fis-sess. Ħa nħassar il-messaġġ tiegħu.’

 Għażla Ċ tidher li hi l-aħjar, hux veru? Wara kollox, il-Bibbja tgħid: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.”​—Proverbji 22:3, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

 Dan l-eżerċizzju jenfasizza kwistjoni li spiss hi l-kaġun tas-sexting kif ukoll taʼ tipi taʼ kondotta mhix xierqa oħrajn: Toqgħod attent int lil min tagħżel bħala ħbieb? (Proverbji 13:20) “Issieħeb maʼ nies li taf li mhumiex se jittolleraw imġiba mhix xierqa,” tgħid żagħżugħa jisimha Sarah. Żagħżugħa jisimha Delia taqbel magħha. “Xi wħud li jgħidu lil huma sħabek mhux talli ma jkunux qed jipprovaw jgħinuk iżżomm il-morali tiegħek, imma talli jipprovaw iġibuhom fix-xejn,” tgħid hi. “Jekk il-kondotta tagħhom tkun kuntrarju għal-liġijiet t’Alla, ikunu qed iħeġġuk biex tmur kontra dak li taf li hu sewwa. Int verament trid tagħmel hekk?”