Xi jfisser in-numru 666?
It-tweġiba tal-Bibbja
Skont l-aħħar ktieb tal-Bibbja, 666 huwa n-numru, jew l-isem, tal-bhima salvaġġa b’sebat irjus u għaxart iqrun li toħroġ mill-baħar. (Rivelazzjoni 13:1, 17, 18) Din il-bhima hi simbolu tas-sistema politika madwar id-dinja, li taħkem fuq “kull tribù u poplu u lsien u ġens.” (Rivelazzjoni 13:7) L-isem 666 jidentifika s-sistema politika bħala falliment kbir f’għajnejn Alla. Kif?
Iktar minn tikketta. L-ismijiet li jagħti Alla jkollhom tifsira. Pereżempju, Alla ta lir-raġel Abram, li jfisser “Missier Hu fl-Għoli,” l-isem Abraham, li jfisser “Missier Kotra,” meta Alla wiegħed li Hu kien se jagħmel lil Abraham “missier kotra taʼ ġnus.” (Ġenesi 17:5, noti taʼ taħt) Bl-istess mod, Alla semmaʼ l-bhima 666 bħala simbolu tal-karatteristiki tagħha li jispikkaw.
In-numru sitta jistaʼ jfisser imperfezzjoni. Spiss, fil-Bibbja n-numri jintużaw bħala simboli. In-numru sebgħa ġeneralment jirrappreżenta l-kompletezza jew il-perfezzjoni. In-numru sitta, peress li hu wieħed inqas minn sebgħa, jistaʼ jirreferi għal xi ħaġa mhix kompleta jew difettuża f’għajnejn Alla, u jistaʼ jkun assoċjat mal-għedewwa t’Alla.—1 Kronaki 20:6; Danjel 3:1.
Tliet darbiet għall-enfasi. Il-Bibbja kultant tenfasizza xi ħaġa billi tirripetiha tliet darbiet. (Rivelazzjoni 4:8; 8:13) Allura l-isem 666 jenfasizza b’mod qawwi l-fatt li Alla jqis is-sistemi politiċi tal-bnedmin bħala fallimenti kbar. Dawn ma rnexxilhomx iġibu paċi u sigurtà dejjiema—xi ħaġa li s-Saltna t’Alla biss se jirnexxilha twettaq.
Il-marka tal-bhima
Il-Bibbja tgħid li xi nies jirċievu “l-marka tal-bhima salvaġġa” għax isegwuha “b’ammirazzjoni,” sal-punt li jqimuha. (Rivelazzjoni 13:3, 4; 16:2) Dan jagħmluh billi tant jagħtu ġieħ lill-pajjiż tagħhom, lis-simboli tiegħu, jew lill-qawwa militari tiegħu li bħallikieku jqimuhom. Bħalma tgħid The Encyclopedia of Religion: “In-nazzjonaliżmu sar forma taʼ reliġjon dominanti fid-dinja tal-lum.”
Il-marka tal-bhima kif titpoġġa fuq l-id il-leminija jew il-ġbin taʼ xi ħadd? (Rivelazzjoni 13:16) Rigward il-kmandi tiegħu lill-ġens t’Iżrael, Alla qal: ‘Orbtuhom bħala sinjal fuq idkom, u jridu jservu bħala strixxa fuq ġbinkom.’ (Dewteronomju 11:18) Dan ma kienx ifisser li l-Iżraelin kellhom jimmarkaw idhom u ġbinhom letteralment, imma li l-kliem t’Alla kien se jiggwida l-azzjonijiet u l-ħsibijiet kollha tagħhom. Bl-istess mod, il-marka tal-bhima mhijiex xi ħaġa letterali, bħal xi tatù tan-numru 666, imma din b’mod simboliku tidentifika lil dawk li jħallu s-sistema politika taħkmilhom ħajjithom. Dawk bil-marka tal-bhima jagħmlu lilhom infushom opponenti t’Alla.—Rivelazzjoni 14:9, 10; 19:19-21.