X’Tgħid il-Bibbja Dwar it-Tatù?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja ssemmi t-tpinġija, jew it-tatù, darba biss, f’Levitiku 19:28 li jgħid: “Tagħmlux tpinġija fuqkom.” Alla ta dan il-kmand lill-ġens taʼ Iżrael, u b’hekk isseparahom mill-popli taʼ madwarhom li kienu jimmarkaw il-ġilda tagħhom bl-ismijiet jew bis-simboli tal-allat tagħhom. (Dewteronomju 14:2) Filwaqt li l-Liġi li ngħatat lill-Iżraelin mhijiex obbligatorja għall-Kristjani, il-prinċipju li jappoġġa din il-liġi hu taʼ min jikkunsidrah bis-serjetà.
Għandu Kristjan jagħmel tatù jew tpinġija?
Il-versi mill-Bibbja li ġejjin jistgħu jgħinuk tirraġuna fuq dan is-suġġett:
“In-nisa għandhom jiżżejnu . . . bil-modestja.” (1 Timotju 2:9, New American Bible) Dan il-prinċipju japplika kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Għandna nirrispettaw is-sentimenti t’oħrajn u ma niġbdux attenzjoni żejda lejna nfusna.
Xi wħud ikunu jridu jistabbilixxu l-identità jew l-indipendenza tagħhom, waqt li oħrajn jagħmlu tatù sabiex juru li għandhom id-dritt jagħmlu li jridu b’ġisimhom. Madankollu, il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani: ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni tagħkom.’ (Rumani 12:1) Uża ‘l-qawwa tar-raġuni’ tiegħek biex tanalizza għala trid tagħmel tpinġija. Jekk trid tagħmilha biex timxi mal-moda jew biex turi li int membru taʼ ċertu grupp, ftakar li iktar ’il quddiem fehmtek tistaʼ tbiddilha imma t-tpinġija hija permanenti. Li teżamina l-motivi tiegħek jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjoni għaqlija.—Proverbji 4:7.
“Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih, imma kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-bżonn.” (Proverbji 21:5) Ħafna drabi d-deċiżjoni biex dak li jkun jagħmel tpinġija tittieħed bl-għaġla; madankollu jistaʼ jkollha impatt dejjiemi fuq ir-relazzjonijiet u l-impjieg. Biex jitneħħew, it-tatù jistgħu jiswewlek ħafna flus u jkunu taʼ wġigħ. Ir-riċerka, kif ukoll in-negozju tat-tneħħija tat-tatù li qed jiffjorixxi, juru li ħafna minn dawk li jagħmlu t-tatù eventwalment ikunu jixtiequ li qatt m’għamluhom.