Mur fil-kontenut

X’inhuma l-Għaxar Kmandamenti t’Alla?

X’inhuma l-Għaxar Kmandamenti t’Alla?

It-tweġiba tal-Bibbja

 L-Għaxar Kmandamenti huma liġijiet li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem. Dawn il-liġijiet huma magħrufin ukoll bħala l-Għaxar Kelmiet. Din il-frażi hi traduzzjoni letterali tal-espressjoni Ebrajka ʽaseret hadvarimʹ. Din l-espressjoni tidher tliet darbiet fil-Pentatewku (Tora), l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja. (Eżodu 34:28; Dewteronomju 4:13; 10:4) Mill-espressjoni ekwivalenti bil-Grieg, dika (għaxra) logus (kliem), ħareġ it-terminu “Dekalogu.”

 Alla kiteb l-Għaxar Kmandamenti fuq żewġ twavel tal-ġebel u tahom lill-profeta tiegħu Mosè fuq il-Muntanja Sinaj. (Eżodu 24:12-18) L-Għaxar Kmandamenti nsibuhom f’​Eżodu 20:​1-17 u f’​Dewteronomju 5:​6-21.

 Lista tal-Għaxar Kmandamenti

  1.   Qim biss lil Alla Ġeħova.—Eżodu 20:3.

  2.   Tagħmilx idoli u tadurahomx.—Eżodu 20:4-6.

  3.   Tużax l-isem t’Alla b’mod ħażin.—Eżodu 20:7.

  4.   Ħares is-Sabat.—Eżodu 20:8-11.

  5.   Onora lill-ġenituri tiegħek.—Eżodu 20:12.

  6.   La toqtolx.—Eżodu 20:13.

  7.   La tagħmilx adulterju.—Eżodu 20:14.

  8.   La tisraqx.—Eżodu 20:15.

  9.   La tixhidx falz.—Eżodu 20:16.

  10.   La tixxennaqx b’għira għall-affarijiet taʼ ħaddieħor.—Eżodu 20:17.

 Il-listi tal-Għaxar Kmandamenti għala jvarjaw?

 Il-Bibbja ma tagħmilx numru maʼ kull kmandament. Minħabba f’hekk, hemm opinjonijiet differenti dwar f’liema ordni għandhom ikunu l-kmandamenti. Il-lista t’hawn fuq hi arranġament komuni taʼ dawn il-liġijiet. Madankollu, xi listi tal-Għaxar Kmandamenti jvarjaw. Id-differenzi jinvolvu l-ewwel, it-tieni, u l-aħħar kmandament. a

 X’kien l-iskop tal-Għaxar Kmandamenti?

 L-Għaxar Kmandamenti kienu parti mil-Liġi Mosajka. Din il-kodiċi tal-Liġi kienet tinkludi iktar minn 600 kmandament u dawn kienu t-termini t’arranġament, jew patt, bejn Alla u l-ġens taʼ Iżrael tal-qedem. (Eżodu 34:27) Alla wiegħed lill-poplu taʼ Iżrael li jekk jobdu l-Liġi Mosajka kienu se jiġu mberkin. (Dewteronomju 28:1-14) Però, l-iskop prinċipali tal-liġi kien biex jipprepara lill-Iżraelin għall-Messija mwiegħed, jew għal Kristu.—Galatin 3:24.

 Għandhom il-Kristjani jżommu mal-Għaxar Kmandamenti?

 Le. Alla ta l-Liġi tiegħu, inkluż l-Għaxar Kmandamenti, speċifikament lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem. (Dewteronomju 5:2, 3; Salm 147:19, 20) Il-Liġi Mosajka mhijiex obbligatorja għall-Kristjani, u saħansitra l-Kristjani Lhud kienu ‘meħlusin mil-Liġi.’ (Rumani 7:6) b “Il-liġi tal-Kristu,” li tinkludi dak kollu li Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu, ħadet post il-Liġi Mosajka.—Galatin 6:2; Mattew 28:19, 20.

 Għadhom l-Għaxar Kmandamenti jgħoddu għal żmienna?

 Iva. Għax l-Għaxar Kmandamenti juru l-ħarsa t’Alla, u għalhekk aħna nistgħu nibbenefikaw jekk nistudjawhom. (2 Timotju 3:16, 17) L-Għaxar Kmandamenti huma bbażati fuq prinċipji taʼ min joqgħod fuqhom u li dejjem jibqgħu jgħoddu. (Salm 111:7, 8) Infatti, ħafna minn dawn il-prinċipji huma l-bażi għat-tagħlim taʼ dak li spiss hu magħruf bħala t-Testment il-Ġdid.—Ara “ Prinċipji mill-Għaxar Kmandamenti li nsibuhom fit-Testment il-Ġdid.”

 Ġesù għallem li l-Liġi Mosajka kollha, inkluż l-Għaxar Kmandamenti, kienet ibbażata fuq żewġ kmandamenti fundamentali. Hu qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ Fuq dawn iż-żewġ kmandamenti żżomm il-Liġi kollha.” (Mattew 22:34-40) B’hekk, għalkemm il-Kristjani mhumiex mistennija li jobdu l-Liġi Mosajka, huma kkmandati biex iħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħhom.—Ġwanni 13:34; 1 Ġwanni 4:20, 21.

  Prinċipji mill-Għaxar Kmandamenti li nsibuhom fit-Testment il-Ġdid

Prinċipju

Referenza fit-Testment il-Ġdid

Qim biss lil Alla Ġeħova

Rivelazzjoni 22:​8, 9

Tagħmilx idoli u tadurahomx

1 Korintin 10:14

Onora l-isem t’Alla

Mattew 6:9

Qim lil Alla regolarment

Ebrej 10:24, 25

Onora lill-ġenituri tiegħek

Efesin 6:​1, 2

La toqtolx

1 Ġwanni 3:​15

La tagħmilx adulterju

Ebrej 13:4

La tisraqx

Efesin 4:​28

La tixhidx falz

Efesin 4:​25

La tixxennaqx b’għira għall-affarijiet taʼ ħaddieħor

Luqa 12:15

a L-arranġament tradizzjonali tal-Lhud ‘jagħmel Eżodu 20 vers 2 l-ewwel “kelma,” jiġifieri l-ewwel kmandament, u versi 3-6 huma meqjusin bħala wieħed; jiġifieri, it-tieni.’ (The Jewish Encyclopedia) Mill-banda l-oħra, il-Kattoliċi jikkunsidraw l-ewwel sitt versi taʼ Eżodu kapitlu 20 bħala kmandament wieħed. B’hekk, il-kmand biex ma jiġix diżonorat l-isem t’Alla jiġi t-tieni kmandament. Biex xorta jżommu l-istess numru taʼ kmandamenti, huma jaqsmu l-aħħar kmandament f’żewġ liġijiet separati—la tixtieqx nisa tal-oħrajn u la tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn.

b Rumani 7:7 juża l-għaxar kmandament bħala eżempju tal-“Liġi,” u dan jagħti prova li l-Liġi Mosajka kienet tinkludi l-Għaxar Kmandamenti.