Mur fil-kontenut

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA

Kif tgħin lit-tfal tiegħek imorru aħjar fl-eżamijiet

Kif tgħin lit-tfal tiegħek imorru aħjar fl-eżamijiet

 It-tifel tiegħek donnu ma jimpurtahx mill-iskola, ma jistudjax u lanqas ma jagħmel il-homework. X’inhu r-riżultat? Il-marki u l-imġiba tiegħu jmorru l-baħar. Kif tistaʼ tgħin lit-tifel tiegħek iġib riżultati aħjar?

 Dak li għandek tkun taf

 Il-pressjoni żżid mal-problema. Li tagħmel pressjoni fuq it-tfal tiegħek iġegħelhom ikunu ansjużi fl-iskola u fid-dar! Biex inaqqsu mill-istress, għandhom mnejn jigdbu, ma jgħidux li ġabu marki baxxi, jiffirmaw ir-riżultati tal-eżamijiet minflokok, jew jiskartaw l-iskola. Il-problema tistaʼ tiggrava biss.

 Li tagħti rigal għall-marki tajbin jistaʼ jaħdem bil-kontra. “Biex nimmotivaw it-tifla tagħna, konna nagħtuha xi rigal jekk iġġib marki tajbin,” jgħid missier jismu Andrew, “imma dan kien iġegħelha tiffoka fuq ir-rigal biss. Meta kienet tmur ħażin fl-eżami, kienet tkun iktar iddiżappuntata minħabba li ma konniex se ntuha r-rigal milli għax ġabet marka baxxa.”

 It-tfal mhux se jibbenefikaw jekk twaħħal fl-għalliema. It-tfal għandhom mnejn jikkonkludu li m’hemmx bżonn jagħmlu sforz biex iġibu marki tajbin. Apparti minn hekk, għandhom mnejn jibdew iwaħħlu f’oħrajn għall-iżbalji li jkunu għamlu u jippretendu li oħrajn isolvulhom il-problemi tagħhom. Fi ftit kliem, jistaʼ jkun li t-tfal mhux se jitgħallmu kwalità importanti li se jiġu bżonnha meta jikbru—jiġifieri li jkunu responsabbli għal dak li jagħmlu.

 Dak li tistaʼ tagħmel

 Ikkontrolla s-sentimenti tiegħek. Jekk tħossok irrabjat, iddiskuti l-marki mat-tfal darb’oħra. “Jien u marti jirnexxilna ngħinu t-tfal meta nkunu kalmi u nidħlu fiż-żarbuna tagħhom,” jgħid missier jismu Brett.

 Prinċipju Bibliku: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.”—Ġakbu 1:19.

 Ifhem x’qed jikkaġuna l-problema. Ġeneralment it-tfal iġibu marki ħżiena minħabba li jkunu qed jiġu bbuljati, ikunu bidlu l-iskola, taqbadhom l-anzjetà qabel u waqt l-eżami, ikollhom problemi fil-familja, ma jorqdux biżżejjed, ma jkollhomx skeda tajba, jew ma jkunux jistgħu jikkonċentraw fit-tul. Taqbadx u tikkonkludi li t-tfal tiegħek huma għażżenin.

 Prinċipju Bibliku: “Min qed juri d-dehen fi kwistjoni [jiġifieri jifhem il-kwistjoni] se jsib it-tajjeb.”—Proverbji 16:20.

 Ara li ma jkollhomx affarijiet xi jtellfuhom. Agħmel skeda biex ikunu jafu meta għandhom jagħmlu l-homework u jistudjaw. Ara li fil-post fejn it-tfal jagħmlu l-homework ma jkunx hemm xi jtellifhom (bħal televixin u mowbajl). Qassam il-ħin tal-homework f’sessjonijiet qosra biex tgħin ’l uliedek jikkonċentraw. Hector, missier mill-Ġermanja, jgħid, “Meta nkunu nafu li se jkun hemm test, aħna nirrevedu ftit kuljum minflok ma nħallu kollox għall-aħħar minuta.”

 Prinċipju Bibliku: “Għal kollox hemm żmien stabbilit.”—Ekkleżjasti 3:1.

 Inkuraġġihom jitgħallmu. Iktar kemm it-tfal jifhmu li l-iskola hi taʼ benefiċċju għalihom minn issa, iktar se jħossuhom immotivati biex jitgħallmu. Pereżempju, il-maths jistaʼ jgħinhom ikunu jafu kif jonfqu l-pocket money.

 Prinċipju Bibliku: “Ikseb l-għerf, ikseb l-abbiltà li tifhem. . . . Għożżu ferm.”—Proverbji 4:5, 8.

 Suġġeriment: Għin lit-tfal jagħmlu l-homework, imma tagħmilhulhomx int. Andrew jammetti, “It-tifla kienet tistrieħ fuqna minflok ma tuża moħħha biex tagħmel il-homework.” Għallem lit-tfal tiegħek kif jagħmlu l-homework waħedhom.