Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TITTRATTA MAL-ANSJETÀ

Ansjetajiet kullimkien!

Ansjetajiet kullimkien!

“Mort nixtri l-ikel imma sibt biss gallettini—għal 10,000 darba l-prezz normali! L-għada, il-ħwienet ma kellhom xejn ikel.”—Paul, iż-Żimbabwe.

“Żewġi poġġieni bilqiegħda u qal li kien se jitlaqna. Kif stajt inġerragħ dan it-tradiment? X’kien se jsir minnhom uliedi?”—Janet, l-Istati Uniti.

“Meta jibdew idoqqu s-sireni, insib fejn nistkenn u nibqaʼ mal-art waqt li jisplodu r-rokits. Idejja jkunu għadhom jirtogħdu sa sigħat wara.”—Alona, l-Iżrael.

Ngħixu fi żmien taʼ ansjetà, “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Ħafna ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom minħabba kriżijiet finanzjarji, tkissir taʼ familji, gwerer, epidemiji qattelin, u diżastri naturali jew dawk ikkaġunati mill-bniedem. Żid maʼ dan varjetà taʼ inkwiet persunali: ‘Tgħid il-boċċa li sibt f’ġismi se tiżviluppa f’xi kanċer?’ ‘X’tip taʼ dinja se jitrabbew fiha t-tfal tat-tfal?’

Mhux l-ansjetà kollha hi ħażina. Hu naturali li tħossok stressat qabel xi eżami, qabel ma tkun se ddoqq xi strument quddiem in-nies, jew qabel intervista għax-xogħol. U ċertu biżaʼ mill-periklu jgħinek tevita l-ħsara. Imma ansjetà estrema jew dejjiema hi qerrieda. Serje taʼ studji reċenti taʼ iżjed minn 68,000 adult urew li anki ftit ansjetà żżid ir-riskju tal-mewt qabel iż-żmien. Mela Ġesù kellu raġun meta staqsa: “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?” Tabilħaqq, l-inkwiet ma jtawwal il-ħajja taʼ ħadd. Għalhekk, Ġesù ta l-parir: “Tibqgħux tkunu ansjużi.” (Mattew 6:25, 27) Imma dan kif jistaʼ jkun possibbli?

It-tweġiba tinvolvi li tapplika l-għerf prattiku, trawwem fidi vera f’Alla, u tibni tama li tistaʼ toqgħod fuqha għall-futur. Anki jekk ma nħabbtux wiċċna maʼ ċirkustanzi xejn sbieħ issa, dan jistaʼ jiġri fil-futur. Għalhekk, ejja naraw kif dawn il-passi li ġejjin għenu lil Paul, lil Janet, u lil Alona jittrattaw mal-ansjetà.