IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
Kont ngħix ħajja egoistika
-
SENA TAT-TWELID: 1951
-
POST TAT-TWELID: IL-ĠERMANJA
-
PASSAT: ATTITUDNI MKABBRA U INDIPENDENTI
IL-PASSAT TIEGĦI:
Għall-ewwel ftit snin taʼ ħajti, il-familja tiegħi għexet qrib Leipzig, fil-Ġermanja tal-Lvant, mhux ’il bogħod mill-fruntiera Ċeka u dik Pollakka. Meta kelli sitt snin, minħabba x-xogħol taʼ missieri konna ngħixu barra l-pajjiż—l-ewwel fil-Brażil u mbagħad fl-Ekwador.
Taʼ 14-il sena ntbgħatt ngħix fi skola fil-Ġermanja. Peress li l-ġenituri kienu ’l bogħod fl-Amerika t’Isfel, kelli nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Sirt indipendenti ħafna. Ma kontx inħabbel rasi kif l-azzjonijiet tiegħi kienu jeffettwaw lil ħaddieħor.
Meta kelli 17-il sena, il-ġenituri rritornaw il-Ġermanja. Għall-ewwel, kont ngħix taħt is-saqaf tagħhom. Imma l-attitudni indipendenti tiegħi għamlithieli impossibbli li nerġaʼ nintegra ruħi fil-familja. Meta kelli 18-il sena tlaqt mid-dar.
Sirt iżjed bla sabar, dejjem infittex skop fil-ħajja. Wara li kkunsidrajt diversi stili taʼ ħajja u organizzazzjonijiet, ikkonvinċejt ruħi li l-aħjar ħaġa li stajt nagħmel fil-ħajja kienet li nesplora din il-pjaneta mill-isbaħ qabel ma tinqered mill-bniedem.
Tlaqt mill-Ġermanja, xtrajt mutur, u rħejtilha lejn l-Afrika. F’qasir żmien kelli nirritorna lejn l-Ewropa biex insewwi l-mutur. Ftit wara sibt ruħi fuq xatt il-baħar fil-Portugall. Iddeċidejt li nħalli l-mutur warajja u nibda nivvjaġġa bil-baħar.
Ingħaqadt maʼ grupp taʼ żgħażagħ li kienu qed jippreparaw biex jaqsmu l-Oċean Atlantiku. Fosthom iltqajt mal-mara futura tiegħi, Laurie. L-ewwel baħħarna lejn il-gżejjer tal-Karibew. Imbagħad, wara waqfa qasira fi Puerto Rico rritornajna l-Ewropa. Konna qed nisperaw li nsibu dgħajsa tal-qlugħ li stajna nikkonvertu f’waħda bil-mutur u li stajna ngħixu fiha. Imma wara tfittxija qasira taʼ tliet xhur biss, il-proġett spiċċa ħesrem. Inqbadt bil-lieva mill-armata Ġermaniża.
Qattajt 15-il xahar mal-flotta Ġermaniża. Matul dak iż-żmien, jien u Laurie żżewwiġna u ppreparajna biex inkomplu bl-istil taʼ ħajja tal-ivvjaġġar. Ftit qabel spiċċajt
mil-lieva, konna xtrajna qoxra taʼ dgħajsa tas-salvataġġ. Waqt li kont qiegħed fil-militar, bil-mod il-mod ikkonvertejna l-qoxra f’dgħajsa tal-qlugħ żgħira. Konna qed nippjanaw li ngħixu fiha u nibqgħu nesploraw din il-pjaneta mill-isbaħ. Kien f’dan il-punt—wara s-servizz militari tiegħi imma qabel ma lestejna d-dgħajsa—li kkuntattjawna x-Xhieda taʼ Ġeħova u bdejna nistudjaw il-Bibbja.KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
Għall-ewwel ma kontx nara li kelli bżonn wisq tibdil f’ħajti. Kont miżżewweġ lill-mara li kont qed ngħix magħha, u diġà kont qtajt is-sigaretti. (Efesin 5:5) Inkwantu għall-pjanijiet li kellna li nduru d-dinja, kont naħseb li l-fatt li niddedikaw ħajjitna f’li nosservaw il-ħolqien meraviljuż t’Alla żgur li kien sforz taʼ min jagħmlu.
Però, fir-realtà, kelli bżonn nagħmel tibdil—speċjalment fil-personalità tiegħi. Peress li kont estremament kburi u indipendenti ħafna, kont medhi għalkollox fl-abbiltajiet tiegħi stess u f’dak li rnexxieli nagħmel. Kont ngħix ħajja egoistika.
Darba qrajt il-famuża Prietka taʼ fuq il-Muntanja taʼ Ġesù. (Mattew, kapitli 5-7) Għall-ewwel, ma stajtx nifhem x’kien qed jgħid Ġesù dwar li tkun ferħan. Pereżempju, qal li dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx ikollhom il-ferħ. (Mattew 5:6) Kont ngħid, “Persuna kif tistaʼ tkun ferħana jekk tkun fil-bżonn?” Hekk kif komplejt nistudja rrealizzajt li lkoll għandna bżonn spiritwali, imma bl-umiltà għandna bżonn napprezzaw dak il-bżonn qabel ma jkun jistaʼ jimtela. Huwa bħalma qal Ġesù: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.
Wara li bdejna l-istudju tal-Bibbja fil-Ġermanja, jien u Laurie morna noqogħdu Franza, u iżjed tard, l-Italja. Kull fejn morna sibna lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Bqajt impressjonat bil-kbir bl-imħabba sinċiera għal xulxin u bl-unità li għandhom. Rajt li x-Xhieda verament huma fratellanza globali. (Ġwanni 13:34, 35) Maż-żmien jien u Laurie tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova.
Wara l-magħmudija, komplejt nagħmel tibdil fil-personalità tiegħi. Jien u Laurie ddeċidejna nbaħħru lejn il-kosta Afrikana u mbagħad qsamna l-Oċean Atlantiku għall-Istati Uniti. Kien hemm barra fl-oċean—it-tnejn li aħna fuq naqra taʼ dgħajsa mdawrin b’eluf taʼ kilometri t’ilma—li rrealizzajt kemm m’jien xejn meta mqabbel mal-Ħallieq grandjuż tagħna. Peress li kelli ħafna ħin liberu (ma tantx issib x’tagħmel f’nofs oċean), tajtha għall-qari tal-Bibbja. Bqajt impressjonat speċjalment bir-rakkonti tal-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art. Kien raġel perfett b’abbiltajiet li kienu bil-wisq aħjar minn kulma stajt nimmaġina, madankollu qatt ma ġibed l-attenzjoni lejh innifsu. Ħajtu kienet dwar Missieru tas-sema u mhux dwaru stess.
Rajt il-bżonn li npoġġi s-Saltna t’Alla l-ewwel f’ħajti
Hekk kif immeditajt fuq l-eżempju taʼ Ġesù, rajt il-bżonn li npoġġi s-Saltna t’Alla l-ewwel f’ħajti iktar milli ndaħħalha fejn stajt madwar id-diversi affarijiet l-oħra li ridt nagħmel. (Mattew 6:33) Meta jien u Laurie fl-aħħar wasalna l-Istati Uniti, iddeċidejna nissetiljaw hemm u niffokaw fuq il-qima tagħna.
KIF IBBENEFIKAJT:
L-istil taʼ ħajja egoistika li kelli qabel kienet iġġib magħha inċertezza kbira. Madankollu, issa sibt sors taʼ għerf biex jiggwidani li ma jiżbaljax. (Isaija 48:17, 18) Ksibt ukoll skop fil-ħajja li qatt ma kelli qabel—li nqim lil Alla u ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwaru.
Li napplikaw prinċipji Bibliċi għen lili u lil Laurie nsaħħu iżjed iż-żwieġ tagħna. Ġejna mberkin ukoll b’tifla mill-isbaħ, li saret taf u tħobb lil Ġeħova.
Dan ma jfissirx li ħajjitna dejjem kienet ward u żahar. Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna determinati li qatt ma naqtgħu qalbna jew nieqfu nafdaw fih.—Proverbji 3:5, 6.