IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
Qatt ma mort imkien mingħajr ir-rivolver
-
SENA TAT-TWELID: 1958
-
POST TAT-TWELID: L-ITALJA
-
PASSAT: MEMBRU TAʼ KLIKKA VJOLENTI
IL-PASSAT TIEGĦI:
Jien twilidt u trabbejt f’raħal fit-trufijiet taʼ Ruma, fi nħawi fejn kienu jgħixu nies foqra tal-klassi tal-ħaddiema. Il-ħajja kienet iebsa. Qatt ma sirt naf lil ommi proprja, u ma kellix relazzjoni tajba maʼ missieri. Tgħallimt ngħix f’akkwati b’nies taʼ qattagħni.
Sakemm kelli għaxar snin, kont diġà qbadt nisraq. Meta kelli 12-il sena, ħrabt mid-dar għall-ewwel darba. Missieri kellu jiġi għalija fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija kemm-il darba u jiħodni d-dar. Kont nargumenta man-nies il-ħin kollu—kont vjolenti u rrabjat maʼ kulħadd. Meta kelli 14, tlaqt mid-dar għalkollox. Bdejt nieħu d-drogi u ngħix fit-triq. Peress li ma kelli mkien fejn norqod, kont inkisser ħġieġa taʼ karozza u nibqaʼ fiha sas-sigħat bikrin taʼ filgħodu. Imbagħad kont insib funtana u ninħasel fiha.
Sirt tas-sengħa f’li nisraq kollox—minn ħtif taʼ basktijiet sa serq minn appartamenti u vilel matul il-lejl. Beda jkolli reputazzjoni ħażina u fi ftit żmien ġejt mistieden ningħaqad maʼ klikka vjolenti, u dan tani l-“opportunità” nibda nisraq mill-banek. Minħabba l-personalità aggressiva tiegħi, malajr sirt membru rispettat tal-klikka. Qatt ma mort imkien mingħajr ir-rivolver; infatti, kont norqod bih taħt l-imħadda. Il-vjolenza, id-drogi, is-serq, il-kliem baxx, u l-immoralità saru l-istil taʼ ħajti. Il-pulizija kienu dejjem ifittxuni. Ġejt arrestat bosta drabi, u qattajt snin dieħel u ħiereġ il-ħabs.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
Darba minnhom meta ħriġt mill-ħabs, iddeċidejt li mmur inżur lil waħda miz-zijiet. Bla ma kont naf, ziti u tnejn mill-kuġini tiegħi kienu saru Xhieda taʼ Ġeħova. Stidnuni nattendi laqgħa tax-Xhieda. Għall-kurżità, iddeċidejt li mmur magħhom. Meta wasalna s-Sala tas-Saltna, insistejt li npoġġi ħdejn il-bieb biex inkun nistaʼ nżomm għajnejja fuq kull min kien jidħol jew joħroġ. M’għandniex xi ngħidu, kont armat.
Dik il-laqgħa biddlitli ħajti. Niftakarni naħseb li qisni kont f’xi dinja oħra. Nies bi tbissima dħulija ġew jilqgħuni. F’moħħi għad għandi stampa ċara tal-ħarsa sinċiera u onesta li kellhom f’għajnejhom ix-Xhieda. Dan żgur li kien miljun mil ’il bogħod mid-dinja li kont imdorri fiha!
Bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda. Iktar ma tgħallimt, iktar bdejt ninduna li kelli bżonn inbiddel kompletament l-istil taʼ ħajti. Ħadt bis-serjetà l-kliem imniżżel fi Proverbji 13:20: “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-istupidi se jaħbatlu ħażin.” Irrealizzajt li kelli bżonn nitbiegħed minn mal-klikka. Dan ma kienx faċli nagħmlu, imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova, irnexxieli.
Għall-ewwel darba f’ħajti, bdejt nikkontrolla l-aġir tiegħi stess
Ukoll, tnaddaft fiżikament. Bi sforz kbir, qtajt is-sigaretti u d-drogi. Qtajt xagħri għax kien twil, ħlist mill-imsielet, u waqaft nitkellem baxx. Għall-ewwel darba f’ħajti, bdejt nikkontrolla l-aġir tiegħi stess.
Qatt ma ħadt pjaċir naqra u nistudja, u għalhekk kienet sfida kbira biex nikkonċentra u nistudja l-Bibbja. Madankollu, hekk kif għamilt l-isforz, bil-mod il-mod bdejt insir inħobb lil Ġeħova, u xi ħaġa bdiet tinbidel ġo fija—il-kuxjenza bdiet tniggiżni. Spiss kien ikolli ħsibijiet negattivi dwari nnifsi u bdejt niddubita jekk Ġeħova qattx setaʼ jaħfirli tal-affarijiet ħżiena kollha li kont għamilt. F’dawk il-mumenti sibt ħafna faraġ billi kont naqra dwar kif Ġeħova ħafer lis-Sultan David wara li dan kien ikkommetta dnubiet serji.—2 Samwel 11:1–12:13.
Sfida oħra kienet li naqsam it-twemmin tiegħi m’oħrajn fil-ministeru minn dar għal dar. (Mattew 28:19, 20) Kont imwerwer li niltaqaʼ maʼ xi ħadd li b’xi mod kont weġġajt jew għamiltlu d-deni fil-passat! Imma gradwalment irnexxieli negħleb il-biżaʼ tiegħi. Bdejt insib sodisfazzjon taʼ veru f’li ngħin lil ħaddieħor jitgħallem dwar Missierna ħanin tas-sema, li jaħfer bil-kbir.
KIF IBBENEFIKAJT:
Li sirt naf lil Ġeħova salvali ħajti! Il-maġġoranza tal-ħbieb li kelli fil-passat mietu jew qegħdin il-ħabs, imma jien għandi ħajja sodisfaċenti ħafna u futur sabiħ quddiemi. Tgħallimt inkun umli, ubbidjenti, u nikkontrolla t-tempra vjolenti li kelli. Minħabba f’hekk, ingawdi relazzjoni aħjar man-nies taʼ madwari. Jien kuntent fiż-żwieġ tiegħi mas-sabiħa marti, Carmen. Flimkien, insibu ferħ kbir f’li ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar il-Bibbja.
Eh, u issa għandi xogħol onest—kultant għadu jinvolvi l-banek, imma minflok nisraqhom, innaddafhom!