Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Taħlit ta’ twemmin differenti—Japprovah Alla?

Taħlit ta’ twemmin differenti—Japprovah Alla?

“Ir-reliġjon tgħaqqadna jew tifridna?” Din il-mistoqsija tpoġġiet lill-qarrejja taʼ The Sydney Morning Herald. Minn dawk li wieġbu, il-biċċa l-kbira—xi 89 fil-mija—ħassew li r-reliġjon tifridna.

PERÒ, dawk li huma favur it-taħlit tat-twemmin għandhom ħarsa differenti mhux ħażin. “Urini reliġjon li ma jimpurtahiex mill-mogħdrija . . . , li ma jimpurtahiex mill-ħarsien tal-ambjent . . . , li ma jimpurtahiex mill-ospitalità,” qal Eboo Patel, li waqqaf l-Interfaith Youth Core.

Tabilħaqq, il-Buddisti, il-Kattoliċi, il-Protestanti, il-Ħindu, il-Misilmin, u ħafna oħrajn, kultant jingħaqdu flimkien sabiex jiġġieldu kontra l-faqar, jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, jaħdmu biex jiġu pprojbiti l-isplużivi li jinħbew taħt l-art, jew jiġbdu l-attenzjoni lejn kwistjonijiet ambjentali. Gruppi taʼ nies taʼ twemmin differenti pparteċipaw fi sforzi biex jintlaħaq qbil bejniethom u jinkuraġġixxu ’l xulxin. Huma jiċċelebraw id-differenzi taʼ bejniethom permezz taʼ ċerimonji li fihom tinxtegħel ix-xemaʼ, festi, mużika, talb, u nibqgħu sejrin.

Hu taħlit reliġjuż bħal dan mod kif jiġi solvut il-frid fost twemmin differenti? Juża Alla t-taħlit taʼ twemmin differenti biex iġib dinja aħjar?

L-UNITÀ—B’KOMPROMESS?

Waħda mill-ikbar organizzazzjonijiet tat-taħlit taʼ twemmin differenti tiftaħar li għandha membri li jirrappreżentaw lil iktar minn 200 reliġjon u li hi attiva f’76 pajjiż. Hi ddikjarat li l-iskop tagħha hu “li tippromwovi kooperazzjoni dejjiema u taʼ kuljum fit-taħlit tat-twemmin.” Però, dan wera li kien eħfef li tgħidu milli tagħmlu. Pereżempju, skont l-organizzaturi, fl-istatut tagħhom kellhom joqogħdu attenti kif jitpoġġa l-kliem sabiex ma joffendux il-ħafna reliġjonijiet li ffirmaw id-dokument. Għala? Raġuni waħda kienet li kien hemm nuqqas taʼ qbil dwar jekk kellux jissemma Alla fl-istatut. Għaldaqstant, ġiet evitata kwalunkwe referenza għal jew li jissemma Alla.

Jekk ma ddaħħalx lil Alla, xi rwol għandu t-twemmin? Iktar minn hekk, moviment taʼ taħlit taʼ twemmin bħal dan kif inhu differenti minn kwalunkwe organizzazzjoni karitattiva jew filantropika? Mhux taʼ b’xejn, mela, li l-għaqda tat-taħlit tat-twemmin li semmejna ma tiddeskrivix lilha nfisha bħala entità reliġjuża, imma bħala organizzazzjoni li tippromwovi l-kooperazzjoni.

BIŻŻEJJED L-INKURAĠĠIMENT GĦAT-TAJJEB?

“It-tradizzjonijiet tal-reliġjonijiet ewlenin kollha għandhom bażikament l-istess messaġġ: jiġifieri l-imħabba, il-mogħdrija, u l-maħfra,” jgħid id-Dalai Lama, proponent magħruf tat-taħlit tat-twemmin. Hu jżid: “L-importanti hu li  dawn [il-kwalitajiet] għandhom ikunu parti mill-ħajja taʼ kuljum.”

Veru, ma tistax tisħaq biżżejjed dwar il-valur taʼ virtujiet bħalma huma l-imħabba, il-mogħdrija, u l-maħfra. F’dik li tissejjaħ ir-Regola tad-Deheb, Ġesù qal: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Imma twemmin veru jinvolvi sempliċement inkuraġġiment biex tagħmel dak li hu tajjeb?

L-appostlu Pawlu, dwar ħafna li sostnew li kienu qed jaqdu lil Alla fi żmienu, qal: “Nixhdilhom li għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt.” X’kienet il-problema? “Minħabba li ma kinux jafu l-ġustizzja t’Alla,” qal Pawlu, huma “pprovaw jistabbilixxu l-ġustizzja tagħhom stess.” (Rumani 10:2, 3) Minħabba li ma kellhomx għarfien dwar dak li Alla riedhom jagħmlu, iż-żelu u t-twemmin tagħhom kienu fiergħa.—Mattew 7:21-23.

KIF IL-BIBBJA TQIS IT-TAĦLIT TA’ TWEMMIN DIFFERENTI

Ġesù qal: “Henjin dawk li jġibu l-paċi.” (Mattew 5:9) Ġesù poġġa fil-prattika dak li għallem billi inkuraġġixxa lin-nies ma jkunux vjolenti u billi ta messaġġ taʼ paċi lil nies taʼ diversi sfondi reliġjużi. (Mattew 26:52) Dawk li laqgħu kliemu saru parti minn għaqda taʼ mħabba li ma titkissirx. (Kolossin 3:14) Imma kien l-objettiv taʼ Ġesù li jgħin lil nies minn sfondi differenti sabiex ikunu jistgħu jgħixu fil-paċi? Ingħaqad hu m’oħrajn fil-prattiki reliġjużi tagħhom?

Il-mexxejja reliġjużi tas-setet tal-Fariżej u s-Sadduċej opponew lil Ġesù bl-aħrax—saħansitra pprovaw joqtluh. Hu kif irreaġixxa? Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħalluhom. Dawk gwidi għomja.” (Mattew 15:14) Ġesù rrifjuta li jkollu assoċjazzjoni spiritwali maʼ individwi bħal dawn.

Xi żmien wara, ġiet ifformata kongregazzjoni Kristjana f’Korintu, il-Greċja—belt magħrufa għal kultura varjata u multi-reliġjuża. Il-Kristjani hemmhekk kif kellhom jaġixxu f’dak l-ambjent? L-appostlu Pawlu kitbilhom: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.” Għala le? Pawlu rraġuna: “Xi qbil hemm bejn Kristu u Beljal? Jew x’sehem għandu min hu leali maʼ min ma jemminx?” Imbagħad ta dan il-parir: “Għalhekk, oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minn magħhom.”—2 Korintin 6:14, 15, 17.

Jidher ċar li l-Bibbja titkellem kontra l-prattika tat-taħlit taʼ twemmin differenti. Imma għandu mnejn taħseb, ‘Allura, kif tistaʼ tintlaħaq l-unità vera?’

MNEJN TIĠI L-UNITÀ VERA

L-Istazzjon Spazjali Internazzjonali—meravilja teknoloġika ddur mad-dinja fl-ispazju—hu frott ix-xogħol tal-isforzi magħqudin taʼ xi 15-il pajjiż. Tistaʼ timmaġina dan il-proġett jitwettaq jekk il-pajjiżi parteċipanti ma qablux fuq liema bluprint kellu jintuża?

Bażikament din hi s-sitwazzjoni tal-movimenti tat-taħlit tat-twemmin illum. Għalkemm jiftaħru bil-kooperazzjoni u r-rispett, ma ftiehmu fuq ebda bluprint biex jinbena t-twemmin. B’riżultat taʼ dan, kwistjonijiet morali u duttrinali għadhom diviżivi bħalma dejjem kienu.

Il-Bibbja fiha l-livelli t’Alla li huma bħal bluprint. Aħna nistgħu nibnu ħajjitna fuq dak li tgħid il-Bibbja. Dawk li ħaddnuha għelbu preġudizzji razzjali u reliġjużi u tgħallmu jaħdmu flimkien fil-paċi u l-unità. Alla bassru dan meta qal: “Se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura, biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.” L-unità tirriżulta mil-“lingwa pura,” il-livell t’Alla għall-qima.—Sofonija 3:9; Isaija 2:2-4.

Bil-qalb kollha, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistidnuk iżżur Sala tas-Saltna fl-inħawi tiegħek biex tara għalik innifsek il-paċi rimarkevoli u l-unità li teżisti fosthom.—Salm 133:1.