Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-​QARREJJA TAGĦNA JISTAQSU . . .

Alla għala jħalli lil min hu b’saħħtu jaħqar lid-dgħajjef?

Alla għala jħalli lil min hu b’saħħtu jaħqar lid-dgħajjef?

Fil-​Bibbja nsibu sitwazzjonijiet inkwetanti li fihom dawk b’saħħithom ħaqru lil dawk dgħajfin. F’moħħna jiġi l-​każ taʼ Nabot. * Aħab, sultan taʼ Iżrael fl-​għaxar seklu QK, ħalla lil martu Ġeżabel toqtol lil Nabot u lil uliedu sabiex is-​sultan ikun jistaʼ jakkwista l-​għalqa tad-​dwieli taʼ Nabot. (1 Slaten 21:1-​16; 2 Slaten 9:26) Alla għala ppermetta abbuż taʼ poter kbir bħal dan?

“Alla . . . ma jistax jigdeb.”—Titu 1:2

Ejja niffokaw fuq raġuni importanti waħda: Alla ma jistax jigdeb. (Titu 1:2) Dan x’għandu x’jaqsam m’atti mill-​agħar taʼ moħqrija? Fil-​bidu nett, Alla wissa lill-​bnedmin li r-​ribelljoni kontrih kienet se ġġib riżultat ikrah ferm—il-​mewt. Eżatt bħalma qal Alla, il-​mewt ilha parti mill-​ġrajjiet tal-​bniedem sa mir-​ribelljoni fil-​ġnien tal-​Għeden. Fil-​fatt, l-​ewwel mewt umana seħħet minħabba att taʼ moħqrija—meta Kajjin qatel lil ħuh Abel.—Ġenesi 2:16, 17; 4:8.

Rigward l-​istorja tal-​bniedem minn dak iż-​żmien ’l hawn, il-​Kelma t’Alla tgħid hekk: “Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.” (Ekkleżjasti 8:9) Twettaq dan il-​kliem? Ġeħova wissa lill-​ġens taʼ Iżrael, li kien il-​poplu tiegħu, li s-​slaten tagħhom kienu se jaħqruhom u jġiegħlu lin-​nies iduru lejn Alla. (1 Samwel 8:11-​18) Anki l-​għaref Sultan Salamun kien ġiegħel lill-​poplu tiegħu jbati żżejjed. (1 Slaten 11:43; 12:3, 4) Is-​slaten mill-​agħar, bħalma kien Aħab, kienu juru ferm iktar ħruxija. Ikkunsidra: Kieku Alla waqqaf dawn l-​atti kollha taʼ dominanza, ma kienx hu, fil-​fatt, ikun qed igiddeb kliemu stess?

“Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9

Ftakar ukoll, li Satana jsostni li n-​nies jaqdu lil Alla għal raġunijiet egoistiċi biss. (Ġob 1:9, 10; 2:4) Li kieku Alla pproteġa lill-​qaddejja kollha tiegħu minn kull xorta taʼ ħakma, ma kienx dan jagħti x’jifhem li dak li sostna Satana kien minnu? U kieku Alla ma ħalla lil ħadd iġarrab il-​moħqrija, ma kienx hu jkun responsabbli għal gidba saħansitra akbar? Kieku kellhom protezzjoni bħal din, ħafna forsi kienu jassumu li l-​bnedmin jistgħu jaħkmu lilhom infushom b’suċċess mingħajr Alla. Imma l-​Kelma t’Alla tgħid preċiż l-​oppost—li l-​bniedem assolutament mhux kapaċi jmexxi lilu nnifsu. (Ġeremija 10:23) Għandna bżonn li tiġi s-​Saltna t’Alla; u dak iż-​żmien biss se tispiċċa l-​inġustizzja.

Allura, ifisser dan li Alla ma jagħmel xejn dwar il-​moħqrija? Le. Ikkunsidra żewġ affarijiet li hu jagħmel: L-​ewwel, jikxef x’inhi verament it-​tirannija. Pereżempju, il-​Kelma tiegħu tikxef kull aspett mill-​konfoffa taʼ Ġeżabel kontra Nabot. Il-​Bibbja tirrivela wkoll li għemejjel mill-​agħar bħal dawn jiġu inkuraġġiti minn ħakkiem potenti li jrid jaħbi l-​identità tiegħu. (Ġwanni 14:30; 2 Korintin 11:14) Il-​Bibbja tikxef li dan hu Satana x-​Xitan. Billi jikxef il-​ħażen u l-​moħqrija flimkien mas-​sors veru tagħhom, Alla jgħinna biex aħna stess nibqgħu ħelsin mill-​ħażen. B’hekk, hu jipproteġi l-​futur etern tagħna.

It-​tieni, Alla jipprovdi tama soda għal tmiem il-​moħqrija. Il-​mod kif kixef, iġġudika, u kkastiga lil Aħab u lil Ġeżabel—kif ukoll lil ħafna oħrajn bħalhom—jgħinna nkunu fiduċjużi fil-​wegħdi tiegħu li xi darba se jikkastiga lil dawk kollha li jagħmlu l-​ħażen. (Salm 52:1-​5) Alla jipprovdi wkoll tama taʼ min jorbot fuqha li hu dalwaqt se jreġġaʼ lura l-​effetti ħżiena tal-​ħażen għal dawk li jħobbuh. * B’hekk, il-​leali Nabot se jara ż-​żmien meta hu u wliedu se jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna ħielsa mill-​inġustizzji.—Salm 37:34.

^ par. 3 Ara l-​artiklu “Imita l-​fidi tagħhom” f’din il-​ħarġa.

^ par. 8 Ara kapitlu 11 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.