‘Ibqgħu fil-Kelma Tiegħi’
“Jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.”—ĠWANNI 8:31, 32.
Xi Tfisser: Il-“kelma” taʼ Ġesù tfisser it-tagħlim tiegħu, li ġie minn sors iktar għoli. “Il-Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem,” qal Ġesù. (Ġwanni 12:49) F’talba lil Missieru tas-sema, Alla Ġeħova, Ġesù qal: “Kelmtek hi l-verità.” Hu spiss ikkwota l-Kelma t’Alla biex jappoġġa t-tagħlim tiegħu. (Ġwanni 17:17; Mattew 4:4, 7, 10) Il-Kristjani veri, mela, ‘jibqgħu fil-kelma tiegħu,’ jiġifieri, jaċċettaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, bħala “verità” u l-ogħla awtorità għat-twemmin u l-prattiki tagħhom.
Din il-Karatteristika fil-Kristjani tal-Bidu: Il-kittieb Kristjan li l-iktar kiteb kotba tal-Bibbja, l-appostlu Pawlu, kellu l-istess rispett għall-Kelma t’Alla bħal Ġesù. Hu kiteb: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa.” (2 Timotju 3:16) L-irġiel li nħatru biex jgħallmu lil Kristjani sħabhom kellhom “iżommu sod mal-Kelma t’Alla li hi żgura u taʼ min jafdaha.” (Titu 1:7, 9, The Amplified Bible) Il-Kristjani tal-bidu kienu mwissijin biex jiċħdu “filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.”—Kolossin 2:8.
Min Għandu Din il-Karatteristika Llum? Skont il-kostituzzjoni tal-Vatikan (Dogmatic Constitution on Divine Revelation), adottata fl-1965 u kwotata fil-ktieb Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Il-Knisja [Kattolika] . . . ma tiksibx iċ-ċertezza tagħha dwar kull ma ġie rrivelat mill-Iskrittura Mqaddsa biss. Għalhekk kemm it-Tradizzjoni u kemm l-Iskrittura Mqaddsa għandhom jiġu milqugħin u miqjuma bl-istess sentiment taʼ tjieba u taʼ qima.” Artiklu fir-rivista2201 Maclean’s ikkwota ministru tar-reliġjon f’Toronto, il-Kanada, li staqsiet: “Għala għandna bżonn taʼ leħen ‘rivoluzzjonarju’ minn żewġ millennji ilu biex jiggwidana? Għandna ideat meraviljużi tagħna stess li qed jiddgħajfu l-ħin kollu peress li aħna mistennijin li nġibuhom fi qbil maʼ Ġesù u l-Iskrittura.”
Enċiklopedija minnhom (New Catholic Encyclopedia) tistqarr dan dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova: “Huma jqisu l-Bibbja bħala l-uniku sors tagħhom taʼ twemmin u regoli taʼ kondotta.” Dan l-aħħar, raġel fil-Kanada interrompa waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova hekk kif kienet qed tintroduċi lilha nfisha. “Naf min int,” qalilha waqt li pponta lejn il-Bibbja, “mill-firma tiegħek.”