Tgħallem mill-Kelma t’Alla
Kif Tistaʼ Tagħraf il-Qima Vera?
Dan l-artiklu jqajjem mistoqsijiet li għandek mnejn ġieli staqsejt u juri fejn tistaʼ taqra t-tweġibiet fil-Bibbja tiegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-tweġibiet miegħek.
1. Hemm biss reliġjon waħda vera?
Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu reliġjon waħda biss, ir-reliġjon il-vera. Hija bħal triq li twassal għall-ħajja. Dwar din it-triq, Ġesù qal: “Ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:14) L-unika qima li jaċċetta Alla hi dik ibbażata fuq il-Kelma tiegħu tal-verità. L-aduraturi veri kollha huma magħqudin f’fidi waħda.—Aqra Ġwanni 4:23, 24; 14:6; Efesin 4:4, 5.
2. Għala hemm tant reliġjonijiet differenti li jgħidu li huma Kristjani?
Profeti foloz ikkorrompew il-Kristjanità u użawha biex iressqu ’l quddiem l-interessi tagħhom stess. Kif bassar Ġesù, huma jpinġu lilhom infushom bħala n-“nagħaġ” tiegħu imma jaġixxu bħala lpup imġewħin. (Mattew 7:13-15, 21, 23) Il-Kristjanità falza żviluppat speċjalment wara l-mewt tal-appostli taʼ Ġesù.—Aqra Atti 20:29, 30.
3. X’inhuma xi affarijiet li jagħmlu l-qima vera differenti minn oħrajn?
L-aduraturi veri jirrispettaw il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla. Huma jistinkaw biex jgħixu fi qbil mal-prinċipji tagħha. B’hekk, ir-reliġjon il-vera hija differenti minn reliġjon ibbażata fuq l-ideat tal-bnedmin. (Mattew 15:7-9) L-aduraturi veri ma jippritkawx ħaġa u mbagħad jagħmlu oħra.—Aqra Ġwanni 17:17; 2 Timotju 3:16, 17.
Ir-reliġjon il-vera tonora l-isem t’Alla, Ġeħova. Ġesù għamel l-isem t’Alla magħruf. Hu għen lin-nies isiru jafu lil Alla u għallimhom jitolbu biex jitqaddes l-isem t’Alla. (Mattew 6:9) Fejn tgħix int, liema reliġjon tippromwovi l-użu t’isem Alla?—Aqra Ġwanni 17:26; Rumani 10:13, 14.
4. Kif tistaʼ tagħraf l-aduraturi veri?
Il-Kristjani veri jippritkaw dwar is-Saltna t’Alla. Alla bagħat lil Ġesù biex jipprietka dwar is-Saltna. Is-Saltna t’Alla hi l-unika tama għall-umanità. Ġesù kompla jitkellem dwarha sal-ġurnata li miet. (Luqa 4:43; 8:1; 23:42, 43) Hu qal lis-segwaċi tiegħu biex jippritkaw dwar is-Saltna t’Alla. Jekk xi ħadd javviċinak biex jitkellem dwar is-Saltna t’Alla, wisq probabbli x’reliġjon għandu?—Aqra Mattew 10:7; 24:14.
Is-segwaċi taʼ Ġesù mhuma l-ebda parti minn din id-dinja mill-agħar. Ma jiħdux sehem fi kwistjonijiet politiċi jew f’konflitti soċjali. (Ġwanni 17:16) Ukoll, ma jimitawx il-prattiki u l-attitudnijiet taʼ ħsara taʼ din id-dinja.—Aqra Ġakbu 1:27; 4:4.
5. X’jidentifika lill-Kristjanità vera l-aktar?
Il-Kristjani veri għandhom imħabba li tispikka għal xulxin. Mill-Kelma t’Alla huma jitgħallmu jirrispettaw membri tal-gruppi etniċi kollha. Għalkemm ir-reliġjon falza spiss appoġġat b’saħħa l-gwerer tal-ġnus, l-aduraturi veri rrifjutaw li jagħmlu dan. (Mikea 4:1-4) Minflok, membri tar-reliġjon vera bla egoiżmu jużaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom biex jgħinu u jinkuraġġixxu lil oħrajn.—Aqra Ġwanni 13:34, 35; 1 Ġwanni 4:20, 21.
Liema grupp jibbaża t-tagħlim kollu tiegħu fuq il-Kelma t’Alla, jonora l-isem t’Alla, u jxandar is-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-bnedmin? Liema grupp jipprattika l-imħabba u ma jappoġġax il-gwerra? Il-fatti jippontaw lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova.—1 Ġwanni 3:10-12.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 15 taʼ dan il-ktieb, Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 16]
“Huma jistqarru pubblikament li jafu lil Alla, imma jiċħduh b’dak li jagħmlu.”—Titu 1:16