Il-5 Profezija. Il-Qerda tal-Art
‘[Alla se] jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’—RIVELAZZJONI 11:18.
● Is-Sinjur Pirri xogħlu hu li jiġbor il-meraq tal-palm fi Kpor, in-Niġerja. Is-sengħa tiegħu ġiet imħarbta mit-tixrid taʼ żejt kbir ħafna fid-Delta tan-Niġer. “Joqtol lill-ħut tagħna, jagħmel il-ħsara lill-ġilda tagħna, iħassar lix-xmajjar tagħna,” jgħid hu. “M’għadx fadalli mod kif naqlaʼ l-għajxien.”
X’JURU L-FATTI? Skont xi esperti, 6.5 miljuni tunnellata skart jidħol fl-oċeani tad-dinja kull sena. Madwar 50 fil-mija minn dan l-iskart hu plastik li se jitmexxa mill-kurrent għal mijiet taʼ snin qabel ma jitfarrak. Minbarra li jniġġsu l-art, il-bnedmin qed ibattluha mir-riżorsi naturali tagħha b’rata allarmanti. Xi studji juru li l-art għandha bżonn sena u ħames xhur biex tirrestawra dak li l-bnedmin jużaw f’sena. “Jekk ma jkunx hemm bidla fil-popolazzjoni u l-konsum, se jkollna bżonn l-ekwivalenti taʼ żewġ Dinjiet sal-2035,” tgħid il-gazzetta Awstraljana Sydney Morning Herald.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? Il-bnedmin huma intelliġenti u kapaċi jsibu soluzzjonijiet tajbin għall-problemi. Nistgħu rreġġgħu lura dawn il-problemi u nsalvaw id-dinja.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Ħafna individwi u gruppi li jaħdmu iebes qed jagħmlu lin-nies iktar konxji taʼ kwistjonijiet ambjentali. Madankollu, l-art għadha titniġġes fuq skala kbira.
INT X’TAĦSEB? Hemm bżonn li Alla jintervieni u jsalva l-pjaneta tagħna milli tinqered—sewwasew bħalma wiegħed li se jagħmel?
Minbarra l-ħames profeziji li għadna kif ikkunsidrajna, il-Bibbja bassret ukoll żviluppi pożittivi għall-aħħar jiem. Ikkunsidra eżempju wieħed fis-sitt profezija.
[Kumment f’paġna 8]
“Inħoss li fejn qabel kelli ġenna tal-art issa għandi miżbla taʼ skart tossiku.”—ERIN TAMBER, RESIDENTA TAL-KOSTA TAL-GOLF, L-ISTATI UNITI, RIGWARD L-EFFETTI TAT-TIXRID TAŻ-ŻEJT FIL-GOLF TAL-MESSIKU FL-2010.
[Kaxxa f’paġna 8]
Huwa Alla Responsabbli?
Ladarba l-Bibbja bassret il-kundizzjonijiet ħżiena li naraw illum, ifisser dan li Alla hu responsabbli għalihom? Jikkaġuna hu t-tbatija tagħna? Tistaʼ ssib tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet f’kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
U.S. Coast Guard photo