Ersaq Qrib Lejn Alla
“Semmiegħ it-Talb”
TASSEW li Alla Ġeħova jwieġeb it-talb sinċier tal-aduraturi devoti? Ir-rakkont Bibliku dwar raġel bl-isem taʼ Ġabes, li ftit li xejn nafu dwaru, juri li Ġeħova hu tassew “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Dan ir-rakkont qasir jinsab f’post li jistaʼ jidher stramb—fost il-listi ġenealoġiċi li nsibu fil-bidu tal-ktieb tal-Ewwel Kronaki. Ejja neżaminaw l-1 Kronaki 4:9, 10.
Kulma nafu dwar Ġabes jinsab f’dawn iż-żewġ versi. Skont vers 9, ommu “semmietu Ġabes, għax qalet: ‘Ulidtu fl-uġigħ.’” a Għala għażlet dan l-isem? Wildet hi lil dan l-iben b’uġigħ tal-ħlas iktar min-normal? Kienet hi forsi armla, u b’hekk uriet dispjaċir għall-fatt li żewġha ma kienx hemm biex jilqaʼ lit-tarbija tagħhom fid-dinja? Il-Bibbja ma tgħidx. Iżda xi darba din l-omm kien se jkollha għal xiex tkun kburija b’mod speċjali b’dan l-iben. Jistaʼ jkun li ħut Ġabes kienu rġiel retti, iżda “Ġabes kien onorat iktar minn ħutu.”
Ġabes kien jitlob spiss u mill-qalb. Hu beda t-talba tiegħu billi talab bil-ħniena għall-barka t’Alla. Imbagħad, hu għamel tliet rikjesti li juru li kellu fidi soda.
L-ewwel, Ġabes talab lil Alla bil-ħniena billi qal: ‘Kabbarli t-territorju tiegħi.’ (Vers 10) Dan ir-raġel onorat ma kienx xi bniedem rgħib li ried jikseb iktar artijiet għax kien jixxennaq għal dak li kien jappartjeni lil bnedmin oħrajn. Ir-rikjesta bil-ħrara tiegħu x’aktarx kienet relatata iktar man-nies milli mal-artijiet. Hu setaʼ kien qed jitlob għat-tkabbir paċifiku tat-territorju tiegħu sabiex ikun jinkludi iktar aduraturi tal-Alla l-veru. b
It-tieni, Ġabes talab bil-ħniena biex ‘id’ Alla tkun miegħu. L-id simbolika t’Alla hi l-qawwa tiegħu fl-azzjoni, u din jużaha biex jgħin lill-aduraturi tiegħu. (1 Kronaki 29:12) Sabiex jirċievi dawn ir-rikjesti li għamel minn qalbu, Ġabes dar lejn l-Alla li m’għandux idu qasira maʼ dawk li juru fidi fih.—Isaija 59:1.
It-tielet, Ġabes talab: ‘Ħarisni mill-gwaj, sabiex ma jagħmillix ħsara.’ L-espressjoni “sabiex ma jagħmillix ħsara” għandha mnejn tindika li Ġabes ma talabx biex jiskansa l-gwaj, iżda biex ma jitħalliex jitnikket jew jinħakem mill-effetti tal-ħażen.
It-talba taʼ Ġabes uriet it-tħassib tiegħu għall-qima vera u l-fidi u l-fiduċja tiegħu f’Semmiegħ it-talb. Ġeħova kif wieġeb? Dan ir-rakkont qasir jikkonkludi bil-kliem: “Għaldaqstant, Alla tah dak li kien talab.”
Semmiegħ it-talb ma nbidilx. Hu jitgħaxxaq bit-talb tal-aduraturi tiegħu. Dawk li jpoġġu l-fidi u l-fiduċja tagħhom fih jistgħu jkollhom din l-assiguranza: “Kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.”—1 Ġwanni 5:14.
[Noti taʼ taħt]
a L-isem Ġabes jiġi minn għerq li jistaʼ jfisser “uġigħ.”
b It-Targumi, parafrażijiet bil-Lhudi tal-Iskrittura Mqaddsa, ipoġġu kliem Ġabes hekk: “Berikni bi tfal, u kabbar il-konfini tiegħi b’dixxipli.”