Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Sitt Ħrafa: Alla Japprova l-Użu tax-Xbihat u tal-Ikoni fil-Qima

Is-Sitt Ħrafa: Alla Japprova l-Użu tax-Xbihat u tal-Ikoni fil-Qima

Kif bdiet il-ħrafa?

“Ix-xbihat ma kinux jintużaw mill-Kristjani tal-bidu fil-qima tagħhom . . . Id-dħul tax-xbihat fil-knisja fir-rabaʼ u fil-ħames seklu ġie ġustifikat bit-teorija li n-nies injoranti setgħu jitgħallmu minnhom il-fatti dwar il-Kristjanità aħjar milli mill-prietki jew mill-kotba.”— Cyclopedia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature, taʼ McClintock u Strong, Volume 4, paġni 503 u 504.

Il-Bibbja x’tgħid?

“La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx.” (Eżodu 20:4, 5, Għaqda Biblika Maltija) L-appostlu Ġwanni kiteb lill-Kristjani tal-ewwel seklu: “Ulied ċkejknin, ħarsu ruħkom mill-idoli.”—1 Ġwanni 5:21.

Huma x-xbihat, bħalma jsostnu l-knejjes, sempliċement mezz kif wieħed jersaq lejn dak li jirrappreżentaw u jonorah? “Għall-ewwel,” tgħid The Encyclopedia of Religion, “ix-xbihat forsi kienu jservu primarjament għal skopijiet didattiċi [taʼ tagħlim] u dekorattivi; għall-inqas din il-bażi kienet tintuża biex tiġġustifika l-użu tagħhom. Imma jrid jingħad li malajr bdew jintużaw bħala oġġetti taʼ qima. Dan kien speċjalment minnu fil-każ tal-ikoni li saru parti prominenti mill-Ortodossija tal-Lvant.” Madankollu, il-profeta Isaija bix-xieraq staqsa: “Maʼ min ixxebbhuh ’l Alla, u liema xbiha tqabblu miegħu?”—Isaija 40:18, Saydon.

Qabbel dawn il-versi Bibliċi: Isaija 44:13-19; Atti 10:25, 26; 17:29; 2 Korintin 5:7

FATT:

Alla ma japprovax l-użu tax-xbihat u tal-ikoni

IĊĦAD IL-ĦREJJEF, ŻOMM SOD MAL-VERITÀ

X’nistgħu nikkonkludu minn din ir-reviżjoni qasira dwar ħrejjef li għadhom jiġu mgħallmin minn ħafna knejjes? Dawn “il-ħrejjef [bil-Grieg, mitos] minsuġin bil-għaqal” ma jistgħux iħabbtuha mal-veritajiet tal-Bibbja li huma sempliċi u taʼ faraġ.—2 Pietru 1:16, Saydon.

Għalhekk, b’moħħ miftuħ, taħsibhiex darbtejn biex tqabbel dak li ġejt mgħallem maʼ dak li tgħid il-Kelma t’Alla—is-sors tal-verità. (Ġwanni 17:17) Imbagħad din il-wegħda se tkun tgħodd għalik: ‘Tkun taf il-verità, u l-verità teħilsek.’—Ġwanni 8:32.