Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Kif setaʼ raġel li beda jpejjep il-​marijuana u t-​tabakk meta kien għadu żgħir isib is-​saħħa biex jaqtaʼ l-​vizzju? X’għen lil membru taʼ klikka vjolenti jikkontrolla r-​rabja tiegħu u jegħleb il-​mibegħda razzjali? Ara x’għandu x’jgħid kull wieħed minnhom.

DETTALJI

ISEM: HEINRICH MAAR

ETÀ: 38

POST TAT-​TWELID: KAZAKSTAN

STORJA: VIZZJAT BIL-​MARIJUANA U T-​TABAKK

IL-​PASSAT TIEGĦI: Twilidt fin-​Nofsinhar tal-​Kazakstan, xi 120 kilometru ’l bogħod mill-​belt taʼ Tashkent. Dawn l-​inħawi jkunu xotti u sħan fis-​sajf, b’temperaturi li jilħqu l-​45 grad Celsius, u fix-​xitwa t-​temperatura tinżel madwar 10 gradi Celsius taħt iż-​żero—kundizzjonijiet ideali għat-​tkabbir tal-​għeneb u l-​marijuana.

Il-​ġenituri tiegħi kellhom dixxendenza Ġermaniża. It-​tnejn li huma kienu Kristjani evanġeliċi imma ma kinux jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom. Madankollu, għallmuni ngħid it-​talba tal-​Missierna bl-​amment. Meta kelli 14-il sena, ommi u oħti akbar minni għal xi żmien studjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Darba qgħadt nissemmaʼ meta ż-​żewġ Xhieda li studjaw m’ommi wrewha l-​isem divin, Ġeħova, mill-​Bibbja qadima tagħha stess. Dan laqatni. Ommi waqqfet l-​istudju u jien m’għamilt xejn iżjed biex nitgħallem dwar Alla. Madankollu, xi żmien wara fl-​iskola l-​għalliema tagħna rripetiet kull xorta taʼ storja falza dwar l-​hekk imsejħa setta tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Peress li kont mort għal xi laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova m’oħti, lill-​għalliema għedtilha li l-​affarijiet li kienet qed tirripeti ma kinux veri.

Meta għalaqt 15-il sena ntbgħatt Leningrad, issa San Pietruburgu, ir-​Russja, biex nitgħallem sengħa. Il-​ftit li kont tgħallimt dwar Ġeħova kont naqsmu maʼ dawk li kienu joqogħdu fl-​istess kamra miegħi. Madankollu, bdejt inpejjep. Meta kont immur id-​dar fil-​Kazakstan kien faċli għalija li nixtri l-​marijuana, avolja kien illegali li nagħmel dan. Ukoll, kont nixrob ħafna vodka u nbid magħmul fid-​djar.

Spiċċajt l-​iskola tas-​snajjaʼ u mbagħad dħalt fl-​armata Sovjetika għal sentejn. Imma xorta bqajt niftakar xi ftit mill-​fatti li kont tgħallimt mill-​Bibbja meta kont żgħir. Hekk kif kienet tqum xi opportunità kont nitkellem maʼ sħabi s-​suldati dwar Ġeħova u ddefendejt lix-​Xhieda meta kien jintqal il-​gideb dwarhom.

Wara li spiċċajt is-​servizz militari mort il-​Ġermanja. Waqt li kont f’kamp għall-​immigranti rċivejt kopja taʼ ktejjeb għall-​istudju tal-​Bibbja maħruġ mix-​Xhieda. Qrajtu b’entużjażmu kbir u ddeċidejt li dak li kien fih kien il-​verità. Madankollu, ma stajtx naqtaʼ l-​vizzju tat-​tabakk u l-​marijuana. Wara ftit mort noqgħod qrib il-​belt taʼ Karlsruhe. Hemmhekk iltqajt maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u beda jagħmilli studju tal-​Bibbja.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Għal ħafna żmien kelli l-​idea li l-​Bibbja kienet il-​Kelma t’Alla. U wara li qrajt il-​ktejjeb għall-​istudju tal-​Bibbja li kont irċivejt, kont konvint li l-​Bibbja wieġbet il-​mistoqsijiet importanti kollha tal-​ħajja. Xorta waħda, ħadt ħafna żmien biex qtajt il-​vizzji tiegħi. Maż-​żmien, il-​parir li hemm fil-​Bibbja fit-​2 Korintin 7:1 laqatli qalbi u ddeċidejt li nitnaddaf minn “kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu,” li kien ifisser li naqtaʼ l-​marijuana u t-​tabakk.

Kont kapaċi nieqaf mit-​tipjip tal-​marijuana kważi mill-​ewwel. Imma ħadt sitt xhur li veru rajthom twal biex ninħeles mill-​vizzju tat-​tabakk. Jum wieħed, ix-​Xhud li kien jagħmilli l-​istudju tal-​Bibbja staqsieni, “Xi skop għandek f’ħajtek?” Dan ġegħelni naħseb bis-​serjetà dwar kemm kont niddependi mit-​tabakk. Kont ipprovajt nieqaf mit-​tipjip għal ħafna drabi. Iżda issa ddeċidejt li nitlob qabel nieħu sigarett minflok ma nitlob maħfra lil Alla wara. Fl-​1993 iffissajt data meta kelli nieqaf. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova ma messejtx sigarett ieħor minn dak iż-​żmien ’l hawn.

KIF IBBENEFIKAJT: Issa li jien ħieles mill-​vizzju għali u taʼ ħsara tal-​marijuana u t-​tabakk, saħħti marret għall-​aħjar. Illum għandi l-​privileġġ li naħdem bħala volontier fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Ġermanja. Kemm jien ferħan li tgħallimt napplika l-​għerf tal-​Bibbja f’ħajti! Il-​fatt li naf x’tgħallem il-​Bibbja tani skop veru f’ħajti.

DETTALJI

ISEM: TITUS SHANGADI

ETÀ: 43

POST TAT-​TWELID: NAMIBJA

STORJA: MEMBRU TAʼ KLIKKA VJOLENTI

IL-​PASSAT TIEGĦI: Trabbejt f’raħal imwarrab fir-​reġjun taʼ Ohangwena fit-​Tramuntana tan-​Namibja. In-​nies fir-​raħal tiegħi kienu jiġu msawtin u maqtulin matul il-​gwerra li kien hemm f’dan ir-​reġjun fis-​snin tmenin tas-​seklu għoxrin. Fir-​raħal tiegħi, tifel ma kienx jitqies li kiber jekk ma kienx ikun ġellied tajjeb u kapaċi jsawwat lil subien oħrajn. Għalhekk, tgħallimt niġġieled!

Meta spiċċajt l-​iskola mort noqgħod maʼ zijuwi fil-​belt taʼ Swakopmund, li qiegħda max-​xatt. Ftit wara li wasalt, ngħaqadt maʼ klikka taʼ rġiel żgħażagħ ribellużi. Konna mmorru f’postijiet fil-​belt, bħal lukandi u ħwienet tax-​xorb, fejn ma kinux jieħdu pjaċir bi rġiel suwed, sempliċement biex nibdew il-​ġlied. Ġieli ġġilidna maʼ gwardji tas-​sigurtà u mal-​pulizija. Kull filgħaxija kont inkun armat b’sikkina kbira u taqtaʼ, jew machete, għal-​lest biex nattakka lil min kien idejjaqni.

Lejla waħda, waqt ġlieda maʼ klikka taʼ kontrina kważi qatluni. Wieħed mill-​klikka li kienet topponina ġie minn warajja u kien kważi se jaqtagħli rasi barra meta ieħor minn tal-​klikka tagħna tah daqqa u tilfu minn sensih. Għalkemm ġejt wiċċ imb wiċċ mal-​mewt, il-​vjolenza baqgħet tiddominali ħajti. Jekk kont nidħol f’argument maʼ xi ħadd, raġel jew mara, dejjem kont inkun jien li nagħti l-​ewwel daqqa.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Meta ltqajt l-​ewwel darba maʼ waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, hi qratli xi versi minn Salm 37 u mbagħad qaltli li l-​ktieb Bibliku tar-​Rivelazzjoni kien fih iktar wegħdi meraviljużi għall-​futur. Imma la ma qaltlix fejn fil-​ktieb kienu dawn il-​wegħdi, akkwistajt Bibbja u dik il-​lejla qrajt il-​ktieb kollu tar-​Rivelazzjoni. Għoġbitni l-​wegħda li qrajt f’Rivelazzjoni 21:3, 4 li “ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” Meta x-​Xhieda reġgħu ġew, aċċettajt l-​offerta taʼ studju tal-​Bibbja.

Kien diffiċli ferm biex inbiddel il-​mod kif naħseb u naġixxi. Imma minn Atti 10:34, 35 tgħallimt li “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.” Ħdimt iebes ukoll biex napplika Rumani 12:18: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.”

Flimkien maʼ li nitgħallem nikkontrolla r-​rabja tiegħi, kelli wkoll naqtaʼ l-​vizzju iebes tat-​tabakk. Spiss, bid-​dmugħ f’għajnejja, tlabt lil Ġeħova jgħinni. Imma għall-​ewwel, jien ovvjament għamilt l-​affarijiet bil-​maqlub billi kont ngħid li se npejjep “l-​aħħar” sigarett tiegħi u mbagħad nitlob wara. Ix-​Xhud li għamlitli l-​istudju tal-​Bibbja għenitni nara kemm jiswa li nitlob qabel naqbad xi sigarett b’idi. Kelli bżonn ukoll nevita li nkun qrib oħrajn li kienu jpejpu. Iżjed minn hekk, smajt mis-​suġġeriment biex nitkellem maʼ sħabi tax-​xogħol dwar kemm kien ħażin it-​tipjip. Dan veru għamel effett, għax ma stajtx niddobba sigaretti b’xejn—min kien ipejjep fuq ix-​xogħol ma baqax joffrihomli iktar.

Eventwalment, kont kapaċi nwaqqaf it-​tipjip u abbandunajt l-​istil taʼ ħajja li kelli qabel. Wara sitt xhur li bdejt nitgħallem u napplika l-​prinċipji Bibliċi kkwalifikajt biex nitgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT: Sirt konvint li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jipprattikaw ir-​reliġjon vera meta rajt l-​imħabba evidenti fosthom, minkejja r-​razza jew il-​kulur tagħhom. Saħansitra qabel tgħammidt bħala Xhud, membru abjad tal-​kongregazzjoni stidinni għall-​ikel f’daru. Kienet qisha ħolma. Qatt qabel ma kont qgħadt bilqiegħda fil-​paċi maʼ xi ħadd abjad, aħseb u ara li niekol f’daru. Issa kont parti minn fratellanza internazzjonali ġenwina.

Fil-​passat, il-​gwardji tas-​sigurtà u l-​pulizija kienu pprovaw jisforzawni nbiddel il-​mod taʼ kif naħsibha u naġixxi, imma ma rnexxilhomx. Il-​Bibbja biss kellha l-​qawwa li tgħinni nbiddel il-​personalità tiegħi u nsir raġel hieni.

[Kumment f’paġna 29]

“Spiss, bid-​dmugħ f’għajnejja, tlabt lil Ġeħova jgħinni”