Il-Vittmi taċ-Ċiklun fil-Mjanmar Sabu l-Għajnuna
FIT-2 taʼ Mejju, 2008, iċ-Ċiklun Nargis laqat il-Mjanmar b’qawwa qerrieda u malajr ġie rapportat fl-aħbarijiet internazzjonali. a Kważi 140,000 persuna ġew rapportati mejtin jew neqsin wara li ċ-ċiklun resaq lejn ix-xatt u l-ilma tal-baħar telaʼ l-art fir-reġjun tad-Delta Irrawaddy.
Hija ħaġa taʼ l-iskantament li ħadd ma weġġaʼ mill-ħafna Xhieda taʼ Ġeħova li joqogħdu fl-inħawi. Fil-maġġorparti, huma baqgħu ħajjin minħabba li waqt il-maltempata stkennew fis-Swali tas-Saltna tagħhom li huma mibnijin sew. F’post wieħed, 20 Xhud u 80 ruħ oħra mill-villaġġ poġġew fuq is-saqaf tas-Sala tas-Saltna għal disaʼ sigħat hekk kif l-ilma telaʼ iktar minn 4 metri u nofs. Ilkoll kemm huma salvaw. B’dispjaċir, 300 ruħ oħra f’dak il-villaġġ ma jafux x’sar minnhom. F’ħafna villaġġi, is-Sala tas-Saltna kienet l-uniku bini li ma ġġarrafx.
Jumejn wara ċ-ċiklun, l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Yangon bagħat tim li joffri l-għajnuna lill-kongregazzjoni f’Bothingone, lejn id-daħla tad-delta. It-tim wasal f’Bothingone bi kwantitajiet kbar taʼ ross, għaġin, ilma, u xemgħat wara li għadda minn inħawi li kellhom ħsarat kbar, ipprova jevita li jiġi misruq, u għadda minn ħdejn iġsma mejtin li kienu qed jitmermru. Huma kienu l-ewwel tim li joffri l-għajnuna li wasal fil-post. Wara li ta l-provvisti għall-għajnuna lix-Xhieda lokali, it-tim ta taħditiet mill-Bibbja biex jinkuraġġihom u ħallielhom Bibbji u letteratura bbażata fuq il-Bibbja, ladarba dak kollu li kellhom inġarr miċ-ċiklun.
L-attitudni tax-Xhieda li ġew effettwati miċ-ċiklun kienet tassew tispikka. Xhud wieħed, minn kongregazzjoni fir-reġjun li ġie meqrud taʼ Irrawaddy, qal: “Ma baqgħalna xejn. Id-djar kollha tagħna huma meqrudin. Ir-rabaʼ tagħna m’għadux jeżisti. L-ilma kollu li kien tajjeb għax-xorb tħammeġ minħabba d-dilluvju. Madankollu, l-aħwa m’humiex inkwetati daqs l-oħrajn. Huma jafdaw f’Ġeħova u fl-organizzazzjoni tiegħu. Aħna se nsegwu kwalunkwe direzzjoni li nirċievu kemm jekk nibqgħu fil-villaġġ u kemm jekk immorru xi mkien ieħor.”
Grupp taʼ 30 Xhud, li wkoll tilfu kollox, b’ferħ kantaw għanjiet tas-Saltna fil-vjaġġ tagħhom t’għaxar sigħat lejn il-post fejn it-timijiet li joffru l-għajnuna kellhom ikel, ħwejjeġ, u kenn għalihom. Qabel laħqu d-destinazzjoni tagħhom, huma semgħu li assemblea tas-circuit tax-Xhieda taʼ Ġeħova kienet qed tinżamm f’belt viċin. Huma ddeċidew li l-ewwel jattendu l-assemblea biex jirċievu ikel spiritwali u jgawdu sħubija Kristjana.
Fl-inħawi kollha li ntlaqtu miċ-ċiklun, 35 dar tax-Xhieda ġew meqrudin, 125 mid-djar tagħhom ġarrbu xi ħsarat, u 8 Swali tas-Saltna ġarrbu ħsarat żgħar. Fortunatament, il-bini tal-fergħa ma ġarrabx ħsara kbira.
Għall-ewwel, minħabba ċ-ċiklun, ħadd ma setaʼ jilħaq l-uffiċċju tal-fergħa jew jitlaq minnu għax waqgħu siġar kbar u dawn imblokkaw it-toroq taʼ l-inħawi. Ftit sigħat biss wara li l-maltempata taffiet, iktar minn 30 membru tal-fergħa ngħaqdu flimkien biex ineħħu s-siġar b’idejhom stess. Hekk kif kienu qed jaħdmu, in-nies sempliċement baqgħu mgħaġġbin. Grupp taʼ Xhieda nisa ma damux wisq ma waslu b’xorb kiesaħ u frott frisk għall-ħaddiema kif ukoll għall-ġirien, li ma setgħux jemmnu dak li kienu qed jaraw. Meta wieħed ġurnalist osserva dak li kien qed jiġri, hu staqsa: “Min huma dawn in-nies li qed jaħdmu daqshekk tajjeb?” Wara li wiġbuh, hu qal: “Nixtieq li iktar nies juru dan l-ispirtu veru taʼ komunità bħalma juru x-Xhieda taʼ Ġeħova!”
Ix-Xhieda malajr ħatru żewġ kumitati għall-għajnuna fid-diżastri f’postijiet differenti tal-pajjiż biex iwasslu l-provvisti lill-aħwa kollha fl-inħawi milqutin. Mijiet taʼ volontieri ħadmu mat-timijiet li joffru l-għajnuna. Fi ftit jiem, inbnew djar ġodda għax-Xhieda li kienu tilfu djarhom. Meta wieħed mill-gruppi li joffri l-għajnuna wasal biex jibni dar ġdida għal waħda Xhud, il-ġirien tagħha sempliċement baqgħu ċċassati għax ma setgħux jemmnu. Waħda mill-ġirien qalet: “Il-knisja taʼ din ix-Xhud qed terġaʼ tibnilha darha. Ħadd mill-ħbieb Buddisti tiegħi ma ġie jgħinni. Imissni sirt Xhud meta ġiet tippridkali!”
Meta ħaddiema tal-kostruzzjoni u l-kumitat għall-għajnuna spezzjonaw dar f’Thanlyn, li kienet kważi meqruda għalkollox, laqathom profondament il-kliem tal-familja taʼ Xhieda li qaltilhom: “Ma ġara xejn. Id-dar tagħna ma ġralha xejn gravi. Nistgħu ngħixu hawn—mhix problema! Xi Xhieda lanqas biss għandhom dar. Morru għinu lilhom l-ewwel!”
F’naħa waħda taʼ Yangon, xi nies ipprovaw jistkennu f’waħda mill-knejjes lokali. Madankollu, il-bieb tal-knisja ġie msakkar u ħadd ma setaʼ jidħol. In-nies ħaduha bi kbira wisq u riedu jkissru l-bieb tal-knisja. B’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għenu lil ħafna nies jistkennu fis-Swali tas-Saltna matul iċ-ċiklun. Per eżempju, koppja Xhieda daħħlu fis-Sala tas-Saltna f’Dala 20 ġar iddisprati li kienu ħarbu hemmhekk għas-sigurtà. Fil-għodu, dawn il-familji ma kellhomx djar fejn jirritornaw u kienu bil-ġuħ. Ix-Xhud sab lil xi ħadd li kien qed ibigħ ir-ross u xtara biżżejjed biex jitmaʼ lil kulħadd.
Xi membri minn familja waħda f’Yangon huma Xhieda taʼ Ġeħova, waqt li oħrajn jattendu knejjes differenti. Wara ċ-ċiklun, il-familja kollha marret il-laqgħa fis-Sala tas-Saltna. Għala? Membru tal-familja spjegat: “Dawk
tal-knisja tagħna qalu li se jiġu jżurna wara l-maltempata, imma qatt ma ġew. Ix-Xhieda biss ġew. Intom tajtuna r-ross u l-ilma. Intom differenti mill-knejjes l-oħrajn!” Il-membri tal-familja li ma kinux Xhieda għoġobhom dak li semgħu waqt id-diskussjoni t’artiklu mit-Torri taʼ l-Għassa bit-titlu “Ġeħova Jismaʼ l-Għajat Tagħna għall-Għajnuna” u saħansitra kkummentaw matul il-laqgħa.Waħda mara li kienet qed tistudja l-Bibbja max-Xhieda marret il-laqgħa tal-kongregazzjoni fil-ġimgħa taʼ wara li seħħ iċ-ċiklun. Matul il-laqgħa, inqrat ittra mill-uffiċċju tal-fergħa li spjegat x’sar biex tingħata l-għajnuna wara ċ-ċiklun kif ukoll inqraw minnha xi esperjenzi taʼ dawk li baqgħu ħajjin. Hekk kif l-ittra kienet qed tinqara, il-mara bdiet tibki. Hi kienet tassew impressjonata u ferħana meta semgħet li x-Xhieda kollha nstabu u kienu fis-sigurtà. Wara, ngħatat xi provvisti neċessarji u tpoġġitilha tinda ħdejn id-dar tagħha. Hi qalet li ħasset li x-Xhieda ħadu ħsiebha tassew tajjeb.
Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) U d-dixxiplu Ġakbu enfasizza li l-fidi vera trid tintwera b’għemejjel tajbin. (Ġakbu 2:14-17) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu dan il-kliem tassew bis-serjetà u jistinkaw biex juru mħabba bħal din billi jgħinu u jappoġġaw lil dawk li jkunu fil-bżonn.
[Nota taʼ taħt]
a The Encyclopædia Britannica tispjega: “Fir-reġjuni taʼ l-Atlantiku u l-Karibew, iċ-ċikluni tropikali normalment jissejħu uragani, filwaqt li fil-Paċifiku tal-punent u fil-Baħar taċ-Ċina jintuża t-terminu tifun.”
[Kumment f’paġna 27]
Il-Bibbja tgħid li l-fidi vera trid tintwera b’għemejjel tajbin