Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-mewt, l-aħħar għadu, tinġieb fix-xejn

Il-mewt, l-aħħar għadu, tinġieb fix-xejn

“Bħala l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.”—1 KOR. 15:26.

1, 2. Fil-bidu kif kienet il-ħajja għal Adam u Eva, u liema mistoqsijiet iqumu?

META Adam u Eva ġew maħluqin, ma kellhom l-ebda għadu. Kienu bnedmin perfetti u kienu jgħixu f’ġenna tal-art. Huma gawdew relazzjoni mill-qrib mal-Ħallieq tagħhom bħala wliedu. (Ġen. 2:7-9; Lq. 3:38) Alla tahom inkarigu importanti. (Aqra Ġenesi 1:28.) Kemm kellhom jgħixu biex iwettqu dan l-inkarigu? Biex ‘jimlew l-art u jrażżnuha’ kellhom bżonn ċertu ammont taʼ żmien, imma biex jieħdu ħsieb “kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-art,” kien se jkollhom bżonn jgħixu għal dejjem. Huma setgħu gawdew dan l-inkarigu għall-eternità.

2 Issa l-affarijiet għala huma daqstant differenti? Għala għandna tant għedewwa li jridu jisirqulna l-ferħ, l-akbar wieħed minnhom il-mewt? Alla kif se jeqred lil dawn l-għedewwa? It-tweġibiet taʼ dawn il-mistoqsijiet  insibuhom fil-Bibbja u issa se neżaminawhom flimkien.

TWISSIJA TAʼ MĦABBA

3, 4. (a) Alla liema kmand ta lil Adam u Eva? (b) Kemm kien importanti li jobdu dan il-kmand?

3 Għalkemm kellhom il-prospett li jgħixu għal dejjem, Adam u Eva ma kinux immortali. Biex jibqgħu ħajjin, huma kellhom jieħdu n-nifs, jixorbu, jorqdu, u jieklu. Iktar importanti minn hekk, ħajjithom kienet tiddependi mir-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova, is-Sors tal-Ħajja. (Dt. 8:3) Huma kellhom iħallu lil Ġeħova jiggwidahom biex jibqgħu jgawdu l-ħajja. Saħansitra qabel ma ħalaq lil Eva, Ġeħova b’mod ċar qal lil Adam: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.”—Ġen. 2:16, 17.

4 “Is-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin” indikat li Alla kellu d-dritt li jiddeċiedi x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Adam diġà kien jifhem x’kien tajjeb u x’kien ħażin għax hu kien maħluq fix-xbieha t’Alla u kellu kuxjenza. Is-siġra kienet tfakkar lil Adam u Eva li huma dejjem kien se jkollhom bżonn id-direzzjoni taʼ Ġeħova. Jekk jieklu mis-siġra, huma jkunu qed jgħidu lil Alla, “Aħna m’għandniex bżonn ir-regoli tiegħek.” Bħala konsegwenza serja, huma u wliedhom kienu se jmutu, sewwasew bħalma Alla kien wissiehom.

KIF BDIET IL-MEWT FIL-FAMILJA UMANA

5. Adam u Eva għala m’obdewx lil Ġeħova?

5 Wara li Eva ġiet maħluqa, Adam qalilha x’kien il-kmand t’Alla. Hi kienet tafu sew u setgħet tirripetih kważi kelma b’kelma. (Ġen. 3:1-3) Hi rripetietu lil Satana, li kien qed jitkellem permezz taʼ serp. Satana x-Xitan ħalla x-xewqa għall-poter u l-indipendenza tikber ġo fih. (Qabbel Ġakbu 1:14, 15.) Biex jilħaq l-iskop mill-agħar tiegħu, hu qal li Alla gideb. Hu aċċerta lil Eva li ma kinitx se tmut jekk tipprova tkun indipendenti, imma minflok kienet se ssir bħal Alla. (Ġen. 3:4, 5) Eva emmnitu, aġixxiet b’mod indipendenti billi kielet mill-frotta, u qalet lil Adam biex jagħmel l-istess. (Ġen. 3:6, 17) Satana kien gidbilha. (Aqra l-1 Timotju 2:14.) Minkejja dan, Adam ‘semaʼ minn kliem martu.’ Għalkemm is-serp setaʼ deher li kien ħabib, Satana x-Xitan fir-realtà kien għadu kiefer li kien jaf x’se jkunu l-konsegwenzi fatali tal-gidba tiegħu.

6, 7. Ġeħova kif għamel ħaqq minn Adam u Eva?

6 Kemm Adam u kemm Eva rribellaw kontra l-Wieħed li tahom il-ħajja u kull ħaġa li kellhom. Naturalment, Ġeħova kien konxju taʼ dak kollu li ġara. (1 Kron. 28:9; aqra Proverbji 15:3.) Hu kien ħalla lil Adam, lil Eva, u lil Satana juru kif kienu jħossuhom dwaru. Bħala Missier, żgur li Ġeħova ħassu mweġġaʼ ħafna. (Qabbel Ġenesi 6:6.) Imma bħala Mħallef, hu għamel ħaqq mill-midinbin.

7 Alla qal lil Adam: “Fil-jum li tiekol minnha [is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin] int żgur li tmut.” Adam għandu mnejn fehem li dan il-“jum” kien wieħed t’24 siegħa. Wara li kiser il-kmand t’Alla, hu setaʼ ħaseb li Ġeħova kien se jaġixxi qabel ma tinżel ix-xemx.  Imma iktar tard dakinhar, Ġeħova kellem lil Adam u Eva. (Ġen. 3:8) Bħala Mħallef ġust, hu l-ewwel semaʼ dak li kellhom x’jgħidu. (Ġen. 3:9-13) Imbagħad ikkundanna liż-żewġ midinbin għall-mewt. (Ġen. 3:14-19) Li kieku qabad u qatilhom dakinhar, l-iskop tiegħu għall-bnedmin kien jisfa fix-xejn. (Is. 55:11) Għalkemm l-effetti tad-dnub bdew immedjatament, hu ppermetta li Adam u Eva jkollhom it-tfal. Dawn it-tfal setgħu jibbenefikaw minn provvedimenti oħrajn li Hu kien se jagħmel. B’hekk, mill-ħarsa t’Alla, Adam u Eva mietu dakinhar li dinbu. U ladarba 1,000 sena huma bħal jum wieħed għal Ġeħova, huma mietu f’“jum” wieħed.—2 Pt. 3:8.

8, 9. Id-dnub t’Adam kif effettwa d-dixxendenti tiegħu kollha? (Ara l-ewwel stampa.)

8 Kienu t-tfal t’Adam u Eva se jiġu effettwati minn dak li għamlu l-ġenituri tagħhom? Iva. Rumani 5:12 jispjega: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” L-appostlu Pawlu żied jgħid: “Bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin.” (Rum. 5:19) L-ewwel bniedem li miet kien ir-raġel leali Abel. (Ġen. 4:8) Imbagħad id-dixxendenti l-oħra t’Adam xjaħu u mietu. Il-bnedmin wirtu d-dnub u l-mewt, żewġ għedewwa li ma jistgħux jaħarbuhom. Għalkemm ma nafux eżattament kif id-dnub u l-mewt għaddew fuq it-tfal t’Adam, nistgħu naraw ir-riżultati.

9 B’mod xieraq, il-Bibbja tqabbel id-dnub u l-mewt maʼ “nisġa minsuġa fuq il-ġnus kollha” u li qed “tgħatti lill-popli kollha.” (Is. 25:7) L-ebda bniedem ma jistaʼ jaħrab id-dnub u l-mewt. Huwa għalhekk li l-Bibbja tgħid li “kulħadd qed imut f’Adam.” (1 Kor. 15:22) B’hekk, Pawlu staqsa l-mistoqsija: “Min jeħlisni mill-ġisem li qed iġarrab din il-mewt?” (Rum. 7:24) Setaʼ xi ħadd jeħles lil Pawlu? *

ID-DNUB U L-MEWT SE JINĠIEBU FIX-XEJN

10. (a) Liema versi tal-Bibbja juru li Ġeħova se jġib il-mewt fix-xejn? (b) Dawn il-versi x’juru dwar Ġeħova u Ibnu?

10 Iva, Ġeħova setaʼ jeħles lil Pawlu. Fil-Bibbja naqraw: “Hu jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha.” (Is. 25:8) Bħal missier li jneħħi l-kaġun tat-tbatija taʼ wliedu u jixxottalhom id-dmugħ, hi l-għaxqa taʼ Ġeħova li jġib il-mewt fix-xejn. Ġesù jaħdem id f’id miegħu. L-1 Korintin 15:22 jgħid: “Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.” B’mod simili, wara li Pawlu staqsa, “Min jeħlisni?” hu kompla: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!” (Rum. 7:25) B’mod ċar, l-imħabba li qanqlet lil Ġeħova biex joħloq lill-bnedmin ma naqsitx meta Adam u Eva rribellaw. U l-wieħed li għen lil Ġeħova joħloq l-ewwel koppja baqaʼ jgħożż b’mod speċjali lid-dixxendenti tagħhom. (Prov. 8:30, 31) Imma l-familja  umana kif kienet se tinħeles mid-dnub u l-mewt?

11. Ġeħova x’għamel biex jgħin lill-bnedmin?

11 Meta Adam dineb, Ġeħova kkundannah għall-mewt. Minħabba f’hekk, il-bnedmin kollha wirtu l-imperfezzjoni u l-mewt. (Rum. 5:12, 16) Rumani 5:18 jispjega: “B’nuqqas wieħed ir-riżultat għall-bnedmin taʼ kull xorta kien il-kundanna.” Ġeħova x’setaʼ jagħmel biex jgħin lill-bnedmin mingħajr ma jinjora l-livelli tiegħu stess? Ġesù wieġeb din il-mistoqsija meta qal li hu kien ġie biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Bħala bniedem perfett, Ġesù setaʼ jipprovdi fidwa. Din il-fidwa kif kienet se ġġib ġustizzja?—1 Tim. 2:5, 6.

12. X’kienet il-fidwa ekwivalenti li kienet se ġġib ġustizzja?

12 Bħala bniedem perfett, Ġesù kellu prospetti simili għal dawk li kellu Adam qabel ma dineb. L-iskop taʼ Ġeħova kien li jimla l-art bin-nisel perfett t’Adam. Għalhekk, bi mħabba profonda għal Missieru u għad-dixxendenti t’Adam, Ġesù ta l-ħajja umana tiegħu bħala sagrifiċċju. Iva, Ġesù ta ħajja umana perfetta li kienet ekwivalenti għal dik li tilef Adam. Wara dan, Ġeħova rxoxta lil Ġesù fis-sema bħala spirtu. (1 Pt. 3:18) Ġeħova b’ġustizzja setaʼ jaċċetta s-sagrifiċċju taʼ dan ir-raġel perfett, Ġesù, bħala fidwa, jew bħala l-prezz li kellu jitħallas, biex jixtri lura lill-familja t’Adam u jagħtihom il-prospetti tal-ħajja li hu kien tilef. F’ċertu sens, Ġesù ħa post Adam. Pawlu jispjega: “Saħansitra hekk hemm miktub: ‘L-ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja.’ L-aħħar Adam sar spirtu li jagħti l-ħajja.”—1 Kor. 15:45.

Abel, l-ewwel wieħed li miet, se jibbenefika mill-fidwa taʼ Ġesù (Ara paragrafu 13)

13. “L-aħħar Adam” x’se jagħmel għal dawk li mietu?

13 Dalwaqt, “l-aħħar Adam” se jagħti l-ħajja taʼ dejjem lill-bnedmin inġenerali. Dawn se jinkludu lill-biċċa l-kbira tan-nies li mietu fil-passat. Huma se jiġu rxoxtati, jew jerġgħu jingħataw il-ħajja, fuq l-art.—Ġw. 5:28, 29.

14. Kif se jkun possibbli li l-bnedmin jinħelsu mill-imperfezzjoni?

14 Kif se jkun possibbli li l-bnedmin jinħelsu mill-imperfezzjoni? Ġeħova stabbilixxa gvern fis-sema biex iwettaq dan. Il-ħakkiema huma Ġesù u 144,000 ruħ magħżula minn fost il-bnedmin. (Aqra Rivelazzjoni 5:9, 10.) Peress li l-144,000 kienu bnedmin imperfetti, se jkunu jistgħu jifhmu lis-sudditi tagħhom. Għal elf sena, Ġesù u dawk li jaħkmu miegħu se jgħinu lill-bnedmin isiru perfetti.—Riv. 20:6.

15, 16. (a) X’inhu “l-aħħar għadu,” u meta se jinġieb fix-xejn? (b) Skont l-1 Korintin 15:28, maż-żmien Ġesù x’se jagħmel?

15 Sat-tmiem tal-elf sena tal-ħakma tas-Saltna, il-bnedmin ubbidjenti se jkunu ġew meħlusin mill-għedewwa kollha, jiġifieri d-dnub u l-mewt, li ġew bid-diżubbidjenza t’Adam. Il-Bibbja tgħid: “Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu. Imma kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-ewwel frott; wara, dawk li huma tal-Kristu [dawk li jaħkmu miegħu] matul il-preżenza tiegħu. Imbagħad it-tmiem, meta jgħaddi s-saltna lil Alla tiegħu u Missieru, meta jkun ġab fix-xejn kull gvern u kull awtorità u qawwa. Għax hu jrid isaltan sakemm Alla jkun qiegħed l-għedewwa kollha taħt saqajh. Bħala  l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.” (1 Kor. 15:22-26) Sa fl-aħħar, il-mewt li writna mingħand Adam se tkun spiċċat. Din “l-għata” li qed tifga lill-umanità se titneħħa għal dejjem.—Is. 25:7, 8.

16 L-appostlu Pawlu jkompli jgħid: “Meta kollox ikun ġie suġġettat għalih, imbagħad l-Iben innifsu wkoll jissottometti ruħu lejn Dak li ssuġġettalu kollox, biex Alla jkun kollox għal kulħadd.” (1 Kor. 15:28) L-iskop tal-ħakma tal-Iben se jkun intlaħaq. Imbagħad hu, b’sodisfazzjon kbir, se jagħti lura l-awtorità tiegħu lil Ġeħova u jippreżentalu l-familja umana perfetta.

17. X’se jiġrilu Satana?

17 X’se jiġrilu Satana, il-wieħed li beda din il-miżerja kollha li l-bnedmin qed jesperjenzaw? Rivelazzjoni 20:7-15 jagħti t-tweġiba. Fit-tmiem tal-elf sena, Satana se jitħalla jipprova jqarraq bil-bnedmin perfetti. Ix-Xitan u dawk kollha li jsegwu t-tmexxija tiegħu se jiġu meqrudin għal dejjem fit-“tieni mewt.” (Riv. 21:8) Din il-mewt qatt mhi “se tinġieb fix-xejn” għax dawk li jmutu fit-“tieni mewt” qatt mhu se jerġgħu jgħixu. Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, m’għandniex għalfejn ninkwetaw dwar “it-tieni mewt.”

18. Kif se jitlesta l-inkarigu li Alla ta lil Adam?

18 Imbagħad, il-bnedmin kollha se jkunu perfetti u approvati għalkollox minn Ġeħova biex jgħixu għal dejjem. L-għedewwa kollha li jridu jisirqu l-ferħ tal-bniedem se jkunu spiċċaw. L-inkarigu li Alla ta lil Adam se jkun tlesta mingħajru. Id-dixxendenti tiegħu se jkollhom il-pjaċir li jieħdu ħsieb l-art u l-annimali. Kemm nistgħu nkunu ferħanin li Ġeħova dalwaqt se jġib l-aħħar għadu, il-mewt, fix-xejn!

^ par. 9 Il-ktieb Insight on the Scriptures jgħid li meta x-xjentisti jipprovaw isibu x’jikkawża x-xjuħija u l-mewt, dawn jinjoraw fatt importanti. Huma ma jirrikonoxxux li kien il-Ħallieq li kkundanna lill-ewwel bnedmin għall-mewt. Minħabba f’hekk, ma jistgħux jifhmu bis-sħiħ il-proċess.—Vol. 2, p. 247.