Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-poplu ta’ Ġeħova “jwarrab l-inġustizzja”

Il-poplu ta’ Ġeħova “jwarrab l-inġustizzja”

“Kulmin isejjaħ isem Ġeħova, ħa jwarrab l-inġustizzja.”—2 TIM. 2:19.

1. X’għandu post speċjali fil-qima tagħna?

MADWAR id-dinja, l-isem Ġeħova tistaʼ tarah imnaqqax f’ħafna bini u fuq diversi oġġetti f’mużewijiet. Jekk xi darba rajt dan l-isem f’postijiet bħal dawn, bla dubju ħassejtek kuntent. Għalina bħala Xhieda taʼ Ġeħova, l-isem t’Alla għandu post speċjali fil-qima tagħna. M’hemm l-ebda poplu ieħor li juża l-isem t’Alla kif nużawh aħna. Imma hemm iktar involut milli sempliċement nużaw ismu. Peress li għandna l-privileġġ li nkunu x-Xhieda tiegħu, għandna r-responsabbiltà li nġibu ruħna b’mod li jonorah.

2. Peress li għandna l-privileġġ li nissejħu b’isem Alla, liema responsabbiltà għandna?

2 Biex ikollna l-approvazzjoni t’Alla, irridu nagħmlu iktar milli sempliċement nużaw ismu. Għandna wkoll ngħixu fi qbil mal-livelli morali tiegħu. Għal din ir-raġuni, il-Bibbja tfakkarna li l-poplu taʼ Ġeħova għandu ‘jitbiegħed mill-ħażen.’ (Salm 34:14) L-appostlu Pawlu stqarr dan il-prinċipju b’mod ċar meta kiteb: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova, ħa jwarrab l-inġustizzja.” (Aqra t-2 Timotju 2:19.) Bħala x-Xhieda tiegħu, aħna magħrufin li nsejħu isem Ġeħova. Imma kif nistgħu nwarrbu l-inġustizzja?

 ‘WARRAB’ MILL-ĦAŻEN

3, 4. Liema kliem kien diffiċli għal xi wħud biex jifhmuh, u għala?

3 Fit-2 Timotju 2:19, Pawlu jirreferi għall-“pedament sod t’Alla.” Fuq dan il-pedament hemm żewġ stqarrijiet imnaqqxin. L-ewwel stqarrija, “Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu,” tidher li hi meħuda minn Numri 16:5. (Ara l-artiklu taʼ qabel.) Imma xi ngħidu għat-tieni stqarrija, “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova, ħa jwarrab l-inġustizzja”? Xi wħud isibuha diffiċli biex jifhmu dan il-kliem. Għala?

4 Kliem Pawlu jagħti x’jifhem li kien qed jikkwota minn parti oħra tal-Iskrittura Ebrajka. Imma jidher li m’hemmx vers li jaqbel maʼ din l-istqarrija. Allura, l-appostlu għal xiex kien qed jirreferi meta qal: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova, ħa jwarrab l-inġustizzja”? Eżatt qabel din l-istqarrija, Pawlu kkwota minn Numri kapitlu 16, li jirrakkonta dwar ir-ribelljoni taʼ Koraħ. Jistaʼ jkun li anki t-tieni stqarrija tirreferi għall-istess ġrajja?

5-7. Pawlu għal liema ġrajjiet fi żmien Mosè kien qed jirreferi fit-2 Timotju 2:19? (Ara l-ewwel stampa.)

5 Il-Bibbja tgħid li Datan u Abiram, ulied Eljab, ingħaqdu maʼ Koraħ bħala mexxejja tar-ribelljoni kontra Mosè u Aron. (Num. 16:1-5) Huma b’mod sfaċċat urew nuqqas taʼ rispett lejn Mosè u ċaħdu l-awtorità tiegħu mogħtija minn Alla. Dawn ir-ribelli komplew jgħixu fost il-poplu taʼ Ġeħova, u b’hekk ipperikolaw is-saħħa spiritwali taʼ wħud leali. Meta wasal il-waqt biex Ġeħova jagħmel differenza bejn l-aduraturi leali tiegħu u r-ribelli, hu ta kmand ċar daqs il-kristall.

6 Ir-rakkont jgħid: “Imbagħad, Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: ‘Kellem lill-ġemgħa u għidilha, “Warrab minn madwar it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram!”’ U Mosè qam u mar għand Datan u Abiram, u x-xjuħ taʼ Israel marru miegħu. Imbagħad kellem lill-ġemgħa u qalilha: ‘Jekk jogħġobkom, warrbu minn quddiem it-tined taʼ dawn l-irġiel mill-agħar u tmissu xejn minn tagħhom, biex ma tinqerdux fi dnubiethom kollha.’ Dawn telqu minnufih minn quddiem it-tinda taʼ Koraħ, Datan, u Abiram, minn kull naħa.” (Num. 16:23-27) Ġeħova mbagħad qered lil dawk kollha li kienu rribellaw. Imma dawk li kienu leali lejn Alla salvaw. Kif? Huma ‘warrbu l-inġustizzja’ billi tbiegħdu mir-ribelli.

7 Ġeħova jaqra l-qlub! Hu jinnota l-lealtà taʼ dawk li huma tiegħu. Minkejja dan, l-uħud leali tiegħu kellhom jieħdu azzjoni deċiżiva, jiġifieri jaġixxu b’determinazzjoni soda u bla telf taʼ żmien. Dan għamluh billi sseparaw ruħhom minn dawk mill-agħar. Għalhekk, jistaʼ jkun li Pawlu kien qed jirreferi għar-rakkont f’Numri 16:5, 23-27 meta kiteb: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova, ħa jwarrab l-inġustizzja.” Konklużjoni bħal din kieku tkun fi qbil maʼ kliem Pawlu: “Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu.”—2 Tim. 2:19.

“WARRAB KWISTJONIJIET BLA SENS U STUPIDI”

8. Għala mhuwiex biżżejjed li nużaw isem Ġeħova jew li nkunu parti mill-kongregazzjoni Kristjana?

8 Billi rrefera għal dawk il-ġrajjiet taʼ żmien Mosè, Pawlu kien qed ifakkar lil Timotju dwar il-bżonn li jieħu azzjoni deċiżiva sabiex jipproteġi r-relazzjoni prezzjuża tiegħu maʼ Ġeħova. Il-Kristjani kellhom jagħmlu iktar milli jkunu parti mill-kongregazzjoni, bħalma l-qaddejja leali t’Alla fi żmien Mosè kellhom jagħmlu iktar milli sempliċement  jużaw l-isem taʼ Ġeħova. L-aduraturi leali kollha għandhom iwarrbu l-inġustizzja b’mod deċiżiv. Dan x’kien ifisser għal Timotju? U l-poplu taʼ Ġeħova llum liema lezzjonijiet jistaʼ jislet mill-parir ispirat taʼ Pawlu?

9. “Kwistjonijiet bla sens u stupidi” kif effettwaw lill-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu?

9 Il-Kelma t’Alla tagħti pariri speċifiċi rigward it-tipi taʼ inġustizzja li l-Kristjani għandhom iwarrbu. Pereżempju, fil-kuntest tat-2 Timotju 2:19, insibu li Pawlu jgħid lil Timotju ‘biex ma jiġġilidx dwar kliem’ u biex ‘jaħrab minn diskors vojt.’ (Aqra t-2 Timotju 2:14, 16, 23.) Xi membri tal-kongregazzjoni kienu qed jinkuraġġixxu t-tagħlim tal-apostati. Ukoll, jidher li oħrajn kienu qed idaħħlu ideat kontroversjali. Anki jekk dawn l-ideat ma kinux direttament kontra l-Iskrittura, kienu qed joħolqu l-firda. Dawn ikkaġunaw tilwim u argumenti dwar kliem, u minħabba f’hekk kienu qed joħolqu ambjent li kien taʼ ħsara għall-ispiritwalità tagħhom. Għaldaqstant, Pawlu enfasizza l-bżonn li ‘jwarrbu kwistjonijiet bla sens u stupidi.’

10. X’għandna nagħmlu meta niffaċċjaw l-apostasija?

10 Illum, mhuwiex daqstant komuni li niffaċċjaw l-apostasija fil-kongregazzjoni. Però, xorta nistgħu niġu esposti għal ideat li jmorru kontra t-tagħlim tal-Bibbja. Jiġu minn fejn jiġu dawn l-ideat, irridu nkunu determinati li niċħduhom. Ma jkunx għaqli li nikkomunikaw mal-apostati, la wiċċ imb wiċċ, la fuq l-Internet, u lanqas b’xi mezz ieħor. Anki meta l-intenzjoni tkun li ngħinu lill-individwu, konversazzjoni bħal din tmur kontra d-direzzjoni Skritturali li għadna kif ikkunsidrajna. Minflok, bħala l-poplu taʼ Ġeħova, aħna nevitaw għalkollox, iva nwarrbu, l-apostasija.

11. X’jistaʼ jikkaġuna ‘kwistjonijiet stupidi,’ u l-anzjani Kristjani kif jistgħu jħallu eżempju tajjeb?

11 Hemm affarijiet oħrajn minbarra l-apostasija li jistgħu jfixklu l-paċi tal-kongregazzjoni. Pereżempju, opinjonijiet differenti dwar id-divertiment jistgħu jwasslu għal “kwistjonijiet bla sens u stupidi.” Naturalment, meta individwi jippromwovu divertiment li jmur kontra l-livelli morali taʼ Ġeħova, l-anzjani Kristjani m’għandhomx jittolleraw imġiba bħal din sempliċement biex jevitaw nuqqas taʼ qbil. (Salm 11:5; Efes. 5:3-5) Xorta waħda, l-anzjani joqogħdu attenti li ma jippromwovux l-ideat persunali tagħhom. Huma lealment iżommu mal-parir Skritturali mogħti lill-indokraturi Kristjani: “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, . . . mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma l-wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-merħla.”—1 Pt. 5:2, 3; aqra t-2 Korintin 1:24.

12, 13. (a) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif jiddeċiedu liema divertiment għandhom jagħżlu, u liema prinċipji Bibliċi japplikaw? (b) Il-prinċipji msemmijin f’paragrafu 12 kif japplikaw għal diversi kwistjonijiet persunali?

12 Fil-kwistjoni tad-divertiment, l-organizzazzjoni tagħna ma teżaminax films, kotba, jew diski partikulari sabiex tiddetta dak li għandna nevitaw. Għala le? Il-Bibbja tħeġġeġ lil kull individwu biex iħarreġ ‘is-sensi tiegħu biex jagħraf jagħżel kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.’ (Ebr. 5:14) L-Iskrittura tagħti prinċipji bażiċi li Kristjan jistaʼ jikkunsidra meta jiġi biex jagħżel id-divertiment. F’kull aspett tal-ħajja, l-għan tagħna għandu jkun li ‘nibqgħu naċċertaw ruħna dwar x’inhu aċċettabbli għall-Mulej.’ (Efes. 5:10) Il-Bibbja tgħallem li l-kapijiet tal-familja għandhom ammont t’awtorità, u għalhekk huma jistgħu jagħżlu li ma jippermettux ċertu tip taʼ divertiment  fid-dar tagħhom. *1 Kor. 11:3; Efes. 6:1-4.

13 Il-prinċipji Bibliċi msemmijin hawn fuq ma japplikawx biss għall-għażla tagħna tad-divertiment. Opinjonijiet dwar l-ilbies u d-dehra, is-saħħa u l-ikel, u kwistjonijiet persunali oħra wkoll jistgħu jqanqlu nuqqas taʼ qbil. Imma jekk ma jkun qed jinkiser l-ebda prinċipju Bibliku, m’għandniex nargumentaw dwar x’għandu jagħmel kull Kristjan. Il-Bibbja tgħid li “lsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili [juża t-tattika, ntt.] maʼ kulħadd.”—2 Tim. 2:24.

EVITA SĦUBIJA ĦAŻINA!

14. Pawlu liema tixbiha uża biex jenfasizza l-bżonn li nevitaw sħubija ħażina?

14 B’liema mod ieħor jistgħu dawk li ‘jsejħu isem Ġeħova jwarrbu l-inġustizzja’? Billi jevitaw sħubija mill-qrib maʼ nies li jipprattikaw l-inġustizzja. Taʼ min jinnota li wara t-tixbiha tiegħu tal-“pedament sod t’Alla,” Pawlu ta tixbiha oħra. Hu kiteb dwar “dar kbira” li fiha ma kienx hemm biss “reċipjenti tad-deheb u l-fidda imma wkoll taʼ l-injam u l-fuħħar, u xi wħud għal skop onorabbli imma oħrajn għal skop mhux onorabbli.” (2 Tim. 2:20, 21) Imbagħad inkuraġġixxa lill-Kristjani biex ‘iżommu ’l bogħod’ mir-reċipjenti li jintużaw għal skop “mhux onorabbli,” jew jisseparaw ruħhom minnhom.

15, 16. X’nistgħu nitgħallmu mit-tixbiha dwar “dar kbira”?

15 Xi tfisser din it-tixbiha? Il-metafora taʼ Pawlu tqabbel il-kongregazzjoni Kristjana maʼ “dar kbira” u l-membri individwali tal-kongregazzjoni maʼ “reċipjenti,” jew affarijiet meħtiġin fid-dar. F’dar, xi oġġetti jistgħu jkunu taʼ ħsara jekk jiġu kontaminati, jiġifieri jekk jitħammġu. Meta jiġri hekk, sid id-dar irid jifred l-affarijiet maħmuġin minn dawk  li huma nodfa, bħal pereżempju dawk li juża biex isajjar.

16 Dan hu simili għall-qaddejja t’Alla llum. Jekk irridu nkunu nodfa f’kull aspett taʼ ħajjitna, irridu nisseparaw ruħna minn uħud fil-kongregazzjoni li darba wara l-oħra jirrifjutaw li jobdu l-prinċipji taʼ Ġeħova. (Aqra l-1 Korintin 15:33.) Jekk dan hu minnu dwar xi wħud ġewwa l-kongregazzjoni, mela kemm iktar għandna ‘naħarbu’ milli jkollna sħubija mill-qrib maʼ dawk barra l-kongregazzjoni, li ħafna minnhom ‘iħobbu l-flus, huma diżubbidjenti lejn il-ġenituri, żleali, kalunnjaturi, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, u jħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla’!—2 Tim. 3:1-5.

ĠEĦOVA JBIEREK IL-LEALTÀ TAGĦNA

17. L-Iżraelin leali kif urew li ‘warrbu l-inġustizzja’ b’mod deċiżiv?

17 Il-Bibbja ssemmi b’mod speċifiku kemm l-Iżraelin aġixxew b’mod deċiżiv meta ntqalilhom biex ‘iwarrbu minn madwar it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram.’ Ir-rakkont jgħid li “telqu minnufih.” (Num. 16:24, 27) Ma qagħdux jaħsbuha jew jiħduha bil-lajma. Huma “telqu . . . minn kull naħa.” Dawk leali kienu ħerqanin biex jobdu b’qalbhom kollha. Għamluha ċara daqs il-kristall li kienu jappoġġaw lil Ġeħova u jopponu l-inġustizzja. X’nistgħu nitgħallmu minn dan l-eżempju?

18. Pawlu x’ried ifisser meta qal lil Timotju biex ‘jaħrab mix-xewqat li jistaʼ jkollu fiż-żgħożija’?

18 Il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova hi prezzjuża għalina. Irridu naġixxu minnufih biex nipproteġuha. Pawlu hekk ried ifisser meta qal lil Timotju biex ‘jaħrab mix-xewqat li jistaʼ jkollu fiż-żgħożija.’ (2 Tim. 2:22) Timotju x’aktarx li kellu iktar minn 30 sena. Imma anki l-adulti jistaʼ jkollhom dawn ix-“xewqat” mhux għaqlin. Meta ffaċċja xewqat bħal dawn, Timotju kellu ‘jaħrab’ minnhom. Hu kellu “jwarrab l-inġustizzja.” Ġesù qal xi ħaġa simili: “Jekk għajnek qed tfixklek, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek.” (Mt. 18:9) Kristjani li jridu jobdu dan il-parir u jipproteġu l-ħbiberija tagħhom m’Alla għandhom jaġixxu mingħajr ma joqogħdu jaħsbuha jew jiħduha bil-lajma.

19. Xi wħud illum kif aġixxew b’mod deċiżiv biex jipproteġu ruħhom mill-perikli spiritwali?

19 Xi wħud li kellhom problemi bl-alkoħol qabel ma saru Xhieda ħadu d-deċiżjoni persunali biex ma jieħdu ebda xorb alkoħoliku. Oħrajn li għandhom ċerti dgħufijiet jevitaw kull tip taʼ divertiment li jistaʼ jqanqal fihom xewqat mhux xierqa. (Salm 101:3) Pereżempju, qabel ma sar Xhud, wieħed ħu kien jieħu pjaċir biż-żfin immorali fil-parties li spiss kien imur fihom. Imma minn mindu tgħallem il-verità, hu sar jevita għalkollox li joħroġ jiżfen anki f’laqgħat soċjali tax-Xhieda għax jibżaʼ li jqanqal xewqat jew ħsibijiet mhux xierqa mill-passat tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani mhumiex mitlubin biex jevitaw għalkollox l-alkoħol, iż-żfin, jew affarijiet oħra li fihom infushom mhumiex ħżiena. Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna noqogħdu b’sebaʼ għajnejn u nipproteġu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.

20. Għalkemm forsi ma jkunx faċli li ‘nwarrbu l-inġustizzja,’ xi jfarraġna?

20 Il-privileġġ li nissejħu b’isem Alla jġib miegħu responsabbiltà. Aħna għandna ‘nwarrbu l-inġustizzja’ u ‘nitbiegħdu mill-ħażen.’ (Salm 34:14) Huwa minnu li dan mhuwiex dejjem faċli. Imma kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova dejjem se jħobb “lil dawk li huma tiegħu” u li jobduh.—2 Tim. 2:19; aqra t-2 Kronaki 16:9a.

^ par. 12 Ara l-artiklu “Tipprojbixxu Intom Ċerti Films, Kotba, jew Diski?” fuq jw.org/mt taħt DWARNA > MISTOQSIJIET KOMUNI.