Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Obdi mir-Rgħajja ta’ Ġeħova

Obdi mir-Rgħajja ta’ Ġeħova

“Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom.”—EBR. 13:17.

1, 2. Ġeħova għala jqabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj?

ĠEĦOVA jqabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj. (Eżek. 34:11-14) Dan hu sinifikanti għax jgħinna nifhmu x’tip taʼ persuna hu Ġeħova. Ragħaj li jħobb iħoss li hu responsabbli għall-ħajjiet tan-nagħaġ li jieħu ħsieb. Hu jmexxihom lejn mergħat u postijiet imsoqqijin (Salm 23:1, 2); jgħasses fuqhom binhar u billejl (Lq. 2:8); jipproteġihom mill-annimali salvaġġi (1 Sam. 17:34, 35); iġorr il-ħrief (Is. 40:11); ifittex lill-imferrxin, u jieħu ħsieb sew in-nagħaġ li jkunu mweġġgħin.—Eżek. 34:16.

2 Fl-antik, il-biċċa l-kbira min-nies t’Alla kienu rgħajja u bdiewa. Għalhekk, huma fehmu għala Ġeħova qabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj. Kienu jafu li n-nagħaġ jeħtieġu lil min jieħu ħsiebhom u jagħtihom l-attenzjoni biex ikunu f’saħħithom u jibqgħu ħajjin. F’sens spiritwali, in-nies jeħtieġu l-istess affarijiet. (Mk. 6:34) In-nies isofru meta ma jkollhomx ħarsien u tmexxija spiritwali tajba. Ma jkunux jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u ma jkollhom lil ħadd biex jipproteġihom. Ikunu bħal “nagħaġ mingħajr ragħaj.” (1 Slat. 22:17) Madankollu, Ġeħova bi mħabba jipprovdi għall-ħtiġijiet tan-nies tiegħu.

3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 Aħna wkoll nifhmu kif Ġeħova hu bħal ragħaj. Ġeħova għadu qed jipprovdi għan-nies tiegħu li huma bħal nagħaġ. Ejja naraw kif jidderieġi lin-nagħaġ tiegħu u jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom illum. Se nikkunsidraw ukoll kif in-nagħaġ għandhom iwieġbu għall-interess bi mħabba li jurihom Ġeħova.

IR-RAGĦAJ MILL-AĦJAR JIPPROVDI SOTTORGĦAJJA

4. Ġesù liema rwol għandu f’li jieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova?

4 Ġeħova ħatar lil Ġesù bħala l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. (Efes. 1:22, 23) Bħala “r-ragħaj mill-aħjar,” Ġesù jirrifletti l-interessi, l-iskopijiet, u  l-kwalitajiet taʼ Missieru. Ġesù saħansitra ‘ta ruħu għan-nagħaġ.’ (Ġw. 10:11, 15) X’għotja meraviljuża hi l-fidwa taʼ Kristu għall-umanità! (Mt. 20:28) Hu l-iskop taʼ Ġeħova li “kulmin jeżerċita l-fidi [f’Ġesù] ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem”!—Ġw. 3:16.

5, 6. (a) Ġesù lil min ħatar biex jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu, u n-nagħaġ x’għandhom jagħmlu biex jibbenefikaw minn dan l-arranġament? (b) X’għandha tkun ir-raġuni prinċipali għala rridu nobdu lill-anzjani tal-kongregazzjoni?

5 In-nagħaġ kif juru li Ġesù Kristu hu r-Ragħaj tagħhom? Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u huma jiġu warajja.” (Ġw. 10:27) Li jisimgħu leħen ir-Ragħaj mill-Aħjar ifisser li jsegwu l-gwida tiegħu f’kollox. Dan jinkludi li jikkooperaw mas-sottorgħajja spiritwali li ħatar. Ġesù indika li l-appostli u d-dixxipli tiegħu kellhom ikomplu x-xogħol li kien beda hu. Huma kellhom ‘jgħallmu’ u ‘jitimgħu l-ħrief taʼ Ġesù.’ (Mt. 28:20; aqra Ġwanni 21:15-17.) Hekk kif xterdet l-aħbar tajba u żdied l-għadd tad-dixxipli, Ġesù rranġa biex Kristjani maturi jirgħu lill-kongregazzjonijiet.—Efes. 4:11, 12.

6 Meta indirizza lill-indokraturi tal-kongregazzjoni tal-ewwel seklu f’Efesu, l-appostlu Pawlu ħareġ il-punt li l-ispirtu qaddis kien ħatarhom indokraturi ‘biex jirgħu l-kongregazzjoni t’Alla.’ (Atti 20:28) Illum, l-istess ħaġa tgħodd għall-indokraturi Kristjani, ladarba huma wkoll jinħatru fuq il-bażi tal-ħtiġijiet Skritturali mnebbħin mill-ispirtu qaddis. B’hekk, il-fatt li nobdu lill-indokraturi Kristjani juri r-rispett tagħna lejn Ġeħova u Ġesù, l-aqwa żewġ Rgħajja. (Lq. 10:16) Żgur li din għandha tkun ir-raġuni prinċipali għala nixtiequ nissottomettu ruħna lejn l-anzjani. Imma hemm raġunijiet oħrajn għala għandna nsegwu d-direzzjoni tagħhom.

7. L-anzjani kif jgħinuk iżżomm relazzjoni tajba maʼ Ġeħova?

7 Meta jagħtu direzzjoni lil sħabhom fit-twemmin, l-anzjani jipprovdu inkuraġġiment u pariri bbażati fuq l-Iskrittura nfisha jew fuq prinċipji Skritturali. L-anzjani ma jridux jgħidu lil ħuthom kif għandhom jgħixu ħajjithom. (2 Kor. 1:24) Minflok, iridu jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet tagħhom stess ibbażati fuq prinċipji Bibliċi. Billi jagħmlu hekk, l-anzjani jgħinu lill-kongregazzjoni biex tkun magħquda u paċifika. (1 Kor. 14:33, 40) L-anzjani qed “jgħassulkom ruħkom” fis-sens li jixtiequ jgħinu lil kull membru tal-kongregazzjoni ħalli jżomm relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. B’hekk, huma jkunu ħfief biex joffru assistenza jekk jindunaw li ħu jew oħt waslet biex tieħu, jew diġà ħadet, “pass falz.” (Gal. 6:1, 2; Ġuda 22) Mhumiex dawn raġunijiet tajbin biex inkunu “ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu”?—Aqra Ebrej 13:17.

8. L-anzjani kif jipproteġu lill-merħla t’Alla?

8 L-appostlu Pawlu, li hu nnifsu kien ragħaj spiritwali, kiteb lil ħutu f’Kolossi: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.” (Kol. 2:8) Din it-twissija tiġbdilna l-attenzjoni lejn raġuni tajba oħra għala għandna noqogħdu attenti għall-pariri Skritturali tal-anzjani. Dawn jipproteġu lil ħuthom minn dawk li jkunu jridu jbegħduhom minn Ġeħova. L-appostlu Pietru wissiena kontra “profeti foloz” u “għalliema foloz” li jipprovaw “iħajru lil erwieħ li m’humiex sodi” biex jagħmlu l-ħażen. (2 Pt. 2:1, 14) Illum, l-anzjani jridu jagħtu  twissijiet simili meta jkun hemm bżonn. Peress li huma rġiel Kristjani maturi, għandhom l-esperjenza fil-ħajja. Iżjed minn hekk, qabel ma nħatru, urew li kellhom fehma ċara tal-Iskrittura u li kienu kwalifikati biex jgħallmu tagħlim mimli saħħa. (1 Tim. 3:2; Titu 1:9) Bis-saħħa tal-maturità, tal-bilanċ, u tal-għerf ibbażat fuq il-Bibbja, lill-merħla jistgħu jagħtuha direzzjoni bis-sengħa.

Bħalma ragħaj jipproteġi lill-merħla tiegħu, l-anzjani jipproteġu lin-nagħaġ fdati f’idejhom (Ara paragrafu 8)

IR-RAGĦAJ MILL-AĦJAR JITMAʼ U JIPPROTEĠI LIN-NAGĦAĠ

9. Illum, Ġesù kif jidderieġi u jitmaʼ lill-kongregazzjoni Kristjana?

9 Permezz tal-organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova jipprovdi abbundanza taʼ ikel spiritwali lill-fratellanza kollha madwar id-dinja. Ħafna mill-pariri Skritturali jiġu provduti permezz tal-pubblikazzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, kultant l-organizzazzjoni tagħti gwida direttament lill-anzjani tal-kongregazzjoni, jew permezz taʼ xi ittri jew permezz taʼ istruzzjonijiet imwasslin minn indokraturi li jivvjaġġaw. B’dawn il-modi, in-nagħaġ jirċievu direzzjoni ċara.

10. Ir-rgħajja spiritwali liema responsabbiltà għandhom rigward dawk li tbiegħdu mill-merħla?

10 F’sens spiritwali, l-indokraturi għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu u jieħdu ħsieb is-saħħa tal-membri tal-kongregazzjoni, speċjalment dawk li ferew lilhom infushom jew li mardu spiritwalment. (Aqra Ġakbu 5:14, 15.) Xi wħud minn dawn l-individwi forsi tbiegħdu mill-merħla u ma baqgħux  jieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani. F’dan il-każ, żgur li anzjan li jħobb jagħmel kulma hu possibbli biex isib kull nagħġa mitlufa u jħeġġiġha tirritorna lejn il-maqjel, jiġifieri, il-kongregazzjoni! “Missieri li hu fis-sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-ċkejknin,” spjega Ġesù.—Mt. 18:12-14.

KIF GĦANDNA NQISUHOM IN-NUQQASIJIET TAL-ANZJANI?

11. Xi wħud għala jistgħu jsibuha taʼ sfida biex isegwu t-tmexxija tal-anzjani?

11 Ġeħova u Ġesù huma Rgħajja perfetti. Imma s-sottorgħajja umani li lilhom jafdaw biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjonijiet mhumiex. Din ir-realtà tistaʼ tagħmilha taʼ sfida għal xi wħud biex isegwu t-tmexxija tal-anzjani. Dawn l-individwi forsi jirraġunaw: ‘Huma bnedmin imperfetti bħalna. Għala għandna nagħtu widen għall-pariri tagħhom?’ Huwa minnu li l-anzjani huma imperfetti. Madankollu, għandna bżonn ikollna ħarsa xierqa lejn in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tagħhom.

12, 13. (a) Fl-imgħoddi, qaddejja responsabbli t’Alla liema żbalji għamlu? (b) In-nuqqasijiet taʼ rġiel responsabbli għala ġew dokumentati fil-Bibbja?

12 L-Iskrittura tirrikonoxxi bil-miftuħ in-nuqqasijiet taʼ dawk li ġew użati minn Ġeħova biex imexxu lin-nies tiegħu fl-imgħoddi. Pereżempju, David inħatar bħala sultan u mexxej taʼ Iżrael. Madankollu, hu waqaʼ għat-tentazzjoni u sar ħati t’adulterju u taʼ qtil. (2 Sam. 12:7-9) Ikkunsidra wkoll lill-appostlu Pietru. Għalkemm ġie fdat b’responsabbiltà kbira fil-kongregazzjoni Kristjana tal-ewwel seklu, hu għamel żbalji serji. (Mt. 16:18, 19; Ġw. 13:38; 18:27; Gal. 2:11-14) Bl-eċċezzjoni taʼ Ġesù, ebda bniedem minn Adam u Eva ’l hawn ma kien perfett.

13 Ġeħova għala qabbad lill-kittieba tal-Bibbja jiktbu l-iżbalji taʼ xi wħud mill-qaddejja responsabbli tiegħu? Fost raġunijiet oħrajn, Alla għamel dan biex juri li jistaʼ juża rġiel imperfetti ħalli jmexxu lin-nies tiegħu. Fil-fatt, hu dejjem għamel hekk. Għaldaqstant, m’għandniex nużaw l-imperfezzjonijiet taʼ dawk li jieħdu t-tmexxija fostna bħala skuża biex ingergru kontrihom jew biex ninjoraw l-awtorità tagħhom. Ġeħova jistenna minna li nirrispettaw lil dawn l-aħwa u li nobduhom.—Aqra Eżodu 16:2, 8.

14, 15. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġeħova ta istruzzjonijiet lill-poplu tiegħu fl-imgħoddi?

14 Huwa vitali li nobdu lil dawk li llum qed jieħdu t-tmexxija fostna. Aħseb dwar kif Ġeħova ta istruzzjonijiet lill-poplu tiegħu matul żminijiet kritiċi fl-imgħoddi. Meta n-nies taʼ Iżrael telqu mill-Eġittu tal-qedem, l-ordnijiet t’Alla għalihom ġew permezz taʼ Mosè u Aron. Biex jibqgħu ħajjin wara l-għaxar kastig, l-Iżraelin kellhom jobdu l-istruzzjonijiet ħalli jagħmlu ikla speċjali u jroxxu ftit mid-demm taʼ nagħġa maqtula fuq il-koxox u fuq il-parti taʼ fuq id-daħla tal-bibien taʼ djarhom. Din id-direzzjoni ma ġietx għandhom permezz taʼ xi leħen mis-sema. Le, kellhom jagħtu widen lix-xjuħ taʼ Iżrael, u dawn irċivew istruzzjonijiet speċifiċi minn Mosè. (Eżo. 12:1-7, 21-23, 29) F’dawk iċ-ċirkustanzi, Mosè u x-xjuħ intużaw minn Ġeħova biex jidderieġu lill-poplu. Illum, Ġeħova juża lill-anzjani Kristjani bl-istess mod.

15 X’aktarx li int tistaʼ taħseb dwar għadd taʼ okkażjonijiet oħrajn fl-istorja Biblika meta Ġeħova pprovda istruzzjonijiet li jsalvaw il-ħajja permezz taʼ rappreżentanti umani jew anġeliċi. F’dawn il-każi kollha, Alla għoġbu jiddelega xi  awtorità. Il-messaġġiera tkellmu f’ismu, u dawn qalu lin-nies x’kellhom bżonn jagħmlu fi żminijiet perikolużi. Għandna kull raġun biex nistennew li Ġeħova se jagħmel l-istess għall-poplu tiegħu f’Armageddon. Naturalment, kwalunkwe anzjan li llum jiġi delegat bir-responsabbiltà li jirrappreżenta lil Ġeħova jew lill-organizzazzjoni Tiegħu jrid joqgħod attent ferm li qatt ma jabbuża mill-awtorità fdata lilu.

“MERĦLA WAĦDA, RAGĦAJ WIEĦED”

16. Minn liema “kelma” għandna nisimgħu?

16 In-nies taʼ Ġeħova huma “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed,” Ġesù Kristu. (Ġw. 10:16) Ġesù qal li kien se jkun mad-dixxipli tiegħu “l-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:20) Bħala Sultan fis-sema, hu għandu kontroll sħiħ fuq l-iżviluppi kollha li se jwasslu għall-esekuzzjoni tal-ġudizzju kontra d-dinja taʼ Satana. Sabiex nibqgħu magħqudin u fis-sigurtà fil-merħla t’Alla għandna bżonn nisimgħu minn ‘kelma minn warajna,’ li tgħidilna liema triq għandna naqbdu. Din il-“kelma” tinkludi dak li jgħallimna Ġeħova fil-Bibbja u dak li jgħidu Ġeħova u Ġesù permezz taʼ dawk li ħatru bħala sottorgħajja.—Aqra Isaija 30:21; Rivelazzjoni 3:22.

L-anzjani jistinkaw biex jipproteġu lill-familji b’ġenitur wieħed minn sħubija taʼ ħsara (Ara paragrafi 17, 18)

17, 18. (a) Liema periklu jhedded lill-merħla, imma dwar xiex nistgħu nkunu fiduċjużi? (b) X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?

17 Dwar Satana jintqal li qed “iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pt. 5:8) Bħal annimal salvaġġ bil-ġuħ, hu joqgħod għassa tal-merħla u jistenna l-ħin eżatt biex jattakka lil nagħġa li tkun dgħajfa jew li tkun tbiegħdet mill-merħla. Minħabba f’hekk, għandna noqogħdu qrib ferm il-bqija tal-merħla u ‘r-ragħaj u l-indokratur taʼ ruħna.’ (1 Pt. 2:25) Dwar dawk li se jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira, Rivelazzjoni 7:17 jgħid: “Il-Ħaruf [Ġesù] . . . jirgħahom, u jiggwidahom lejn għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” X’wegħda meraviljuża!

18 Issa li kkunsidrajna l-irwol importanti ferm tal-anzjani Kristjani bħala sottorgħajja spiritwali, nagħmlu tajjeb li nistaqsu, Dawn l-irġiel maħturin kif jistgħu jkunu ċerti li jittrattaw lin-nagħaġ taʼ Ġesù b’mod xieraq? It-tweġiba se tiġi diskussa fl-artiklu li jmiss.