Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha”

“Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha”

“Ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.”—MT. 28:20.

1. (a) Irrakkonta fil-qosor it-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana. (b) Ġesù kif spjega t-tifsir tagħha?

WAĦDA mit-tixbihat taʼ Ġesù dwar is-Saltna titkellem dwar bidwi li jiżraʼ żerriegħa tajba u dwar għadu li jiżraʼ s-sikrana qalb iż-żerriegħa tajba. Is-sikrana tikber iktar mill-qamħ, imma l-bidwi jordna lill-ilsiera tiegħu biex ‘iħalluhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad.’ Matul iż-żmien tal-ħsad, is-sikrana tinqered u l-qamħ jinġabar. Ġesù nnifsu spjega t-tixbiha. (Aqra Mattew 13:24-30, 37-43.) X’tirrivela din il-parabbola? (Ara t-tabella “Il-Qamħ u s-Sikrana.”)

2. (a) X’jirrappreżentaw il-ġrajjiet li jseħħu fl-għalqa tal-bidwi? (b) Liema parti mill-parabbola se nikkunsidraw?

2 Il-ġrajjiet li jseħħu fl-għalqa taʼ dan il-bidwi jirrappreżentaw kif u meta Ġesù kien se jiġbor mill-umanità l-klassi tal-qamħ kollha kemm hi—il-Kristjani midlukin li se jaħkmu miegħu f’Saltnatu. Iż-żrigħ beda f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. Il-ġbir se jitlesta meta l-midlukin li jkunu ħajjin fl-aħħar taʼ din is-sistema dinjija jirċievu l-aħħar immarkar bis-siġill u mbagħad jittieħdu fis-sema. (Mt. 24:31; Riv. 7:1-4) Meta xi ħadd iħares minn fuq muntanja, ikun jistaʼ jara veduta sħiħa taʼ x’hemm madwaru. B’mod simili, it-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana tgħinna jkollna fehma aħjar taʼ ġrajjiet li kienu se jseħħu matul perijodu taʼ xi 2,000 sena. Il-parabbola tiddeskrivi żmien taʼ żrigħ, tkabbir, u ħsad. Dan l-artiklu se jiffoka primarjament fuq iż-żmien tal-ħsad. *

TAĦT IL-ĦARSIEN TAʼ ĠESÙ

3. (a) X’ġara wara l-ewwel seklu? (b) Skont Mattew 13:28, liema mistoqsija tqajmet, u minn min? (Ara wkoll in-nota fl-aħħar.)

3 Fil-bidu tat-tieni seklu E.K., ‘tfaċċat is-sikrana,’ jiġifieri, il-Kristjani foloz. (Mt. 13:26) Sar-rabaʼ  seklu, kien hemm ħafna iktar “sikrana” milli Kristjani midlukin. Ftakar li fil-parabbola, l-ilsiera talbu permess mingħand sidhom biex jaqilgħu s-sikrana minn għeruqha. * (Mt. 13:28) Is-sid kif wieġeb?

4. (a) X’tirrivela t-tweġiba tas-Sid, Ġesù? (b) “Il-qamħ” meta beda jintgħaraf?

4 Rigward il-qamħ u s-sikrana, Ġesù qal: “Ħalluhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad.” Dan il-kmand jirrivela li mill-ewwel seklu sal-lum, fuq l-art dejjem kien hemm xi nies li kienu “l-qamħ,” jiġifieri, Kristjani midlukin. Din il-konklużjoni hi konfermata minn dak li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu iktar tard: “Jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:20) Allura l-Kristjani midlukin kienu se jkunu protetti minn Ġesù l-jiem kollha li jwasslu għaż-żmien tat-tmiem. Madankollu, ladarba s-sikrana, jew il-Kristjani foloz, kibret iktar mill-qamħ, ma nafux biċ-ċert min kien jagħmel parti mill-klassi tal-qamħ matul dan il-perijodu twil taʼ żmien. Però, xi 40 sena qabel il-bidu tal-istaġun tal-ħsad, il-klassi tal-qamħ bdiet tintgħaraf. Dan kif ġara?

MESSAĠĠIER ‘IĦEJJI TRIQ’

5. Il-profezija taʼ Malakija kif twettqet fl-ewwel seklu?

 5 Sekli qabel ma Ġesù qal it-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana, Ġeħova nebbaħ lill-profeta Malakija biex ibassar uħud mill-istess ġrajjiet. (Aqra Malakija 3:1-4.) Ġwanni l-Għammied kien il-‘messaġġier li ħejja t-triq.’ (Mt. 11:10, 11) Meta Ġwanni l-Għammied wasal fis-sena 29 E.K., kien qorob żmien taʼ ġudizzju għall-ġens t’Iżrael. Ġesù  kien it-tieni messaġġier. Hu naddaf it-tempju f’Ġerusalemm darbtejn—fil-bidu u lejn it-tmiem tal-ministeru tiegħu. (Mt. 21:12, 13; Ġw. 2:14-17) Għaldaqstant, ix-xogħol taʼ Ġesù taʼ tindif involva perijodu taʼ żmien.

6. (a) X’inhu t-twettiq akbar tal-profezija taʼ Malakija? (b) Ġesù matul liema perijodu taʼ żmien spezzjona t-tempju spiritwali? (Ara wkoll in-nota fl-aħħar.)

 6 X’inhu t-twettiq akbar tal-profezija taʼ Malakija? Għal ħafna snin qabel l-1914, C. T. Russell u dawk li ħadmu qrib miegħu għamlu xogħol bħal dak taʼ Ġwanni l-Għammied. Huma studjaw il-Bibbja biex jiskopru x’tgħallem verament. L-Istudenti tal-Bibbja għallmu t-tifsir veru tas-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, kixfu l-gidba tan-nar tal-infern, u xandru li Żminijiet il-Ġentili kienu resqin lejn tmiemhom. Xorta waħda, kien hemm diversi gruppi reliġjużi li sostnew li kienu segwaċi taʼ Kristu. Allura kellha titwieġeb mistoqsija importanti ferm: Min fost dawn il-gruppi kien il-qamħ? Biex titwieġeb din il-mistoqsija, Ġesù beda jispezzjona t-tempju spiritwali fl-1914. Din l-ispezzjoni u x-xogħol taʼ tindif involvew perijodu taʼ żmien—mill-1914 sal-bidu tal-1919. *

SNIN TAʼ SPEZZJONI U TINDIF

7. X’sab Ġesù meta beda l-ispezzjoni tiegħu fl-1914?

7 X’sab Ġesù meta beda l-ispezzjoni tiegħu? Grupp żgħir taʼ Studenti tal-Bibbja żelużi li għal ħafna iktar minn 30 sena kienu użaw saħħithom u flushom biex iwettqu kampanja taʼ ppritkar vigoruża. * Min jaf kemm ferħu Ġesù u l-anġli meta sabu li l-ftit li kienu  parti mill-klassi tal-qamħ kienu baqgħu b’saħħithom u ma kinux inħonqu mis-sikrana! Imma “wlied Levi,” jiġifieri, il-midlukin, kellhom bżonn jitnaddfu. (Mal. 3:2, 3; 1 Pt. 4:17) Għala?

8. X’ġara wara l-1914?

8 Lejn l-aħħar tal-1914, xi Studenti tal-Bibbja ħassewhom skuraġġiti għax ma kinux telgħu s-sema. Matul l-1915 u l-1916, ix-xogħol tal-ippritkar majna minħabba oppożizzjoni minn barra l-organizzazzjoni. Agħar minn hekk, wara l-mewt taʼ Ħuna Russell f’Ottubru tal-1916, xi wħud fl-organizzazzjoni bdew jopponu lil dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija. Erbgħa mis-sebaʼ diretturi tal-Watch Tower Bible and Tract Society rribellaw meta ntgħażel Ħuna Rutherford biex jieħu t-tmexxija. Ipprovaw joħolqu l-frid fost l-aħwa, imma f’Awwissu tal-1917, huma telqu minn Betel—tindif tassew! Ukoll, xi Studenti tal-Bibbja ċedew minħabba l-biżaʼ mill-bniedem. Xorta waħda, bħala grupp huma wieġbu b’mod tajjeb għax-xogħol taʼ Ġesù taʼ tindif u għamlu l-bidliet meħtiġin. Għalhekk, Ġesù ġġudika li kienu qamħ Kristjan veru, imma ċaħad lill-Kristjani foloz kollha fil-kongregazzjoni u dawk fil-knejjes tal-Kristjaneżmu. (Mal. 3:5; 2 Tim. 2:19) Imbagħad x’ġara? Biex insiru nafu, ejja nkomplu nikkunsidraw il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana.

X’JIĠRI WARA LI JIBDA L-ISTAĠUN TAL-ĦSAD?

9, 10. (a) Issa x’se nikkunsidraw dwar l-istaġun tal-ħsad? (b) X’ġara l-ewwel matul l-istaġun tal-ħsad?

9 Ġesù qal: “Il-ħsad hu l-konklużjoni taʼ sistema.” (Mt. 13:39) L-istaġun tal-ħsad beda fl-1914. Issa se nikkunsidraw ħames ġrajjiet li Ġesù bassar għal dak iż-żmien.

10 L-ewwel, il-ġbir tas-sikrana. Ġesù jgħid: “Fi żmien il-ħsad ngħid lill-ħassada, Iġbru l-ewwel is-sikrana u orbtuha f’qatet.” Wara l-1914, l-anġli bdew ‘jiġbru’ s-sikrana billi firduha mill-‘ulied midlukin tas-saltna.’—Mt. 13:30, 38, 41.

11. Sal-ġurnata tal-lum, x’għamel lill-Kristjani veri differenti mill-Kristjani foloz?

11 Hekk kif ix-xogħol tal-ġbir mexa ’l quddiem, id-distinzjoni bejn iż-żewġ gruppi saret saħansitra iktar ċara. (Riv. 18:1, 4) Sal-1919, sar evidenti li Babilonja l-Kbira kienet waqgħet. X’kien li b’mod speċjali għamel lill-Kristjani veri differenti minn dawk foloz? Ix-xogħol tal-ippritkar. Dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija fost l-Istudenti tal-Bibbja bdew jenfasizzaw l-importanza li dak li jkun jieħu sehem personalment fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna. Pereżempju, il-ktejjeb To Whom the Work Is Entrusted, pubblikat fl-1919, ħeġġeġ lill-Kristjani midlukin kollha biex jippritkaw minn dar għal dar. Qal hekk: “Ix-xogħol jidher kbir wisq, imma hu x-xogħol tal-Mulej, u bis-saħħa tiegħu se nwettquh. Int għandek il-privileġġ li tieħu sehem fih.” X’kienet it-tweġiba? The Watch Tower fl-1922 qal li minn dak iż-żmien ’il quddiem, l-Istudenti tal-Bibbja żiedu l-attivitajiet tagħhom tal-ippritkar. Dan ix-xogħol ma damx ma sar ix-xogħol li dawn il-Kristjani leali kienu magħrufin għalih—kif għadu sal-ġurnata tal-lum.

12. Il-qamħ minn meta beda jinġabar?

12 It-tieni, il-ġbir tal-qamħ. Ġesù jikkmanda lill-anġli tiegħu: “Morru iġbru l-qamħ fil-maħżen tiegħi.” (Mt. 13:30) Mill-1919, il-midlukin inġabru fil-kongregazzjoni Kristjana mnaddfa. Għal dawk il-Kristjani midlukin li se jkunu ħajjin fl-aħħar taʼ din is-sistema dinjija, il-ġbir finali se jseħħ meta jirċievu  l-premju tagħhom fis-sema.—Dan. 7:18, 22, 27.

13. Rivelazzjoni 18:7 x’jirrivela dwar l-attitudni tal-prostituta, jew Babilonja l-Kbira, inkluż il-Kristjanità apostata?

13 It-tielet, il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Wara li l-anġli jorbtu s-sikrana f’qatet, x’jiġri? Rigward il-kundizzjoni tal-klassi tas-sikrana, Ġesù jgħid: “Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.” (Mt. 13:42) Qiegħed dan iseħħ issa stess? Le. Illum, il-Kristjanità apostata, bħala parti mill-prostituta, għadha tgħid dwarha nfisha: “Jien qiegħda bil-qiegħda bħala sultana, u m’iniex armla, u qatt ma se nara niket.” (Riv. 18:7) Tabilħaqq, il-Kristjanità apostata tħoss li għad għandha ħafna kontroll, saħansitra tażżarda ‘toqgħod bil-qiegħda bħala sultana’ fuq il-mexxejja politiċi. Fil-preżent, dawk rappreżentati mis-sikrana qed jiftaħru, mhux jibku. Imma dan dalwaqt se jinbidel.

Ir-rabta mill-qrib li l-Kristjanità apostata għandha mal-mexxejja politiċi dalwaqt se tintemm (Ara paragrafu 13)

14. (a) Il-Kristjani foloz meta u għala se “jgħażżu snienhom”? (b) Il-fehma aġġustata tagħna taʼ Mattew 13:42 kif taqbel mal-ħsieb li hemm f’Salm 112:10? (Ara n-nota fl-aħħar.)

14 Matul it-tribulazzjoni l-kbira, wara li tkun inqerdet ir-reliġjon falza kollha, il-membri li kellha se jiġru għall-kenn imma mhux se jsibu post sigur fejn jinħbew. (Lq. 23:30; Riv. 6:15-17) Imbagħad, billi jindunaw li ma jistgħux jaħarbu l-qerda, se jibku bid-disperazzjoni u “jgħażżu snienhom” bir-rabja. Bħalma jbassar Ġesù fil-profezija tiegħu dwar it-tribulazzjoni l-kbira, f’dak il-perijodu ikrah, huma se “jħabbtu fuq sidirhom bin-niket.” *Mt. 24:30; Riv. 1:7.

15. X’se jiġri mis-sikrana, u din il-ġrajja meta se sseħħ?

15 Ir-rabaʼ, ix-xħit fil-forn. X’se jiġri mill-qatet tas-sikrana? L-anġli se “jixħtuhom fil-forn tan-nar.” (Mt. 13:42) Dan ifisser qerda totali. Għalhekk, dawk li qabel kienu membri taʼ organizzazzjonijiet reliġjużi foloz se jinqerdu matul l-aħħar parti tat-tribulazzjoni l-kbira, Armageddon.—Mal. 4:1.

16, 17. (a) X’inhi l-aħħar ġrajja li Ġesù jsemmi fit-tixbiha tiegħu? (b) Għala nikkonkludu li t-twettiq taʼ din il-ġrajja għadu ġej?

16 Il-ħames, id-dija. Ġesù jtemm il-profezija tiegħu billi jgħid: “F’dak iż-żmien in-nies sewwa jiddu bħax-xemx fis-saltna taʼ Missierhom.” (Mt. 13:43) Dan fejn u meta se jseħħ? It-twettiq taʼ dan il-kliem għadu ġej, u se jitwettaq fis-sema, mhux fuq l-art. * Ikkunsidra żewġ raġunijiet għal din il-konklużjoni.

17 L-ewwel, dan meta se jseħħ? Ġesù qal: “F’dak iż-żmien in-nies sewwa jiddu.”  Il-frażi “f’dak iż-żmien” milli jidher tirreferi għall-ġrajja li Ġesù kien għadu kif semma, jiġifieri, ‘ix-xħit tas-sikrana fil-forn tan-nar.’ Dan iseħħ waqt l-aħħar parti tat-tribulazzjoni l-kbira. B’hekk, ‘id-dija’ tal-midlukin isseħħ f’dak iż-żmien fil-futur ukoll. It-tieni, dan fejn se jseħħ? Ġesù qal li n-nies sewwa se ‘jiddu fis-saltna.’ Dan xi jfisser? Il-midlukin leali kollha li jkunu għadhom fuq l-art wara li tkun għaddiet l-ewwel parti tat-tribulazzjoni l-kbira se jkunu diġà rċivew l-immarkar bis-siġill finali tagħhom. Imbagħad, bħalma turi l-profezija taʼ Ġesù dwar it-tribulazzjoni l-kbira, se jinġabru fis-sema. (Mt. 24:31) Hemmhekk huma se jiddu “fis-saltna taʼ Missierhom,” u ftit wara l-gwerra t’Armageddon, bħala l-għarusa hienja taʼ Ġesù se jieħdu sehem fiż-“żwieġ tal-Ħaruf.”—Riv. 19:6-9.

KIF NIBBENEFIKAW

18, 19. Aħna kif nibbenefikaw mill-fehma tal-parabbola taʼ Ġesù dwar il-qamħ u s-sikrana?

18 Kif nibbenefikaw minn dak li tgħallimna dwar din il-parabbola? Ikkunsidra tliet modi. L-ewwel, tkabbar l-għarfien tagħna. Il-parabbola tirrivela raġuni importanti għala Ġeħova jippermetti l-ħażen. Hu “ttollera . . . r-reċipjenti taʼ korla” biex iħejji r-“reċipjenti taʼ ħniena”—il-klassi tal-qamħ. * (Rum. 9:22-24) It-tieni, issaħħaħ il-fiduċja tagħna. Hekk kif joqrob it-tmiem, l-għedewwa tagħna se jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontrina, ‘imma ma jegħlbuniex.’ (Aqra Ġeremija 1:19.) Bħalma Ġeħova tul is-snin ipproteġa lill-klassi tal-qamħ, hekk ukoll Missierna tas-sema flimkien maʼ Ġesù u l-anġli se jkunu magħna “l-jiem kollha” li ġejjin.—Mt. 28:20.

19 It-tielet, il-parabbola tgħinna nidentifikaw il-klassi tal-qamħ. Dan għala hu importanti ħafna? Huwa essenzjali li nkunu nafu min hu l-qamħ biex insibu t-tweġiba għal mistoqsija li qajjem Ġesù fil-profezija tiegħu dwar l-aħħar jiem. Hu saqsa: “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli?” (Mt. 24:45) Iż-żewġ artikli li jmiss se jagħtuna tweġiba sodisfaċenti għal din il-mistoqsija.

 

^ Par. 2 Paragrafu 2: Biex tfakkar lilek innifsek dwar it-tifsir tal-partijiet l-oħrajn tal-parabbola, ninkuraġġuk taqra l-artiklu “In-Nies Sewwa Jiddu bħax-Xemx” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu, 2010.

^ Par. 3 Paragrafu 3: Ladarba l-appostli taʼ Ġesù kienu mietu u l-fdal taʼ midlukin fuq l-art kienu rappreżentati mill-qamħ u mhux mill-ilsiera, dawn l-ilsiera jirreferu għall-anġli. Iktar tard fit-tixbiha, dawk li ħasdu s-sikrana huma identifikati bħala anġli.—Mt. 13:39.

^ Par. 6 Paragrafu 6: Dan hu aġġustament fil-fehma. Qabel konna naħsbu li l-ispezzjoni taʼ Ġesù seħħet fl-1918.

^ Par. 7 Paragrafu 7: Mill-1910 sal-1914, l-Istudenti tal-Bibbja qassmu kważi 4,000,000 ktieb u iktar minn 200,000,000 fuljett u ktejjeb.

^ Par. 14 Paragrafu 14: Dan hu aġġustament fil-fehma tagħna dwar Mattew 13:42. Qabel, il-pubblikazzjonijiet tagħna qalu li l-Kristjani foloz kienu ilhom għaxriet taʼ snin “jibku u jgħażżu snienhom,” imnikktin għax “ulied is-saltna” jikxfuhom għal dak li tassew huma—“ulied il-Ħażin.” (Mt. 13:38) Madankollu, il-Bibbja tuża l-idea tat-tgħażżiż tas-snien meta tiddiskuti lil dawk li se jinqerdu.—Salm 112:10.

^ Par. 16 Paragrafu 16: Danjel 12:3 jgħid li “dawk li għandhom id-dehen [il-Kristjani midlukin] jiddu bħad-dija tal-firxa tas-sema.” Waqt li għadhom fuq l-art, dan jagħmluh billi jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar. Però, Mattew 13:43 jipponta lejn iż-żmien meta se jiddu fis-Saltna tas-sema. Qabel konna naħsbu li ż-żewġ skritturi kienu jirreferu għall-istess attività—ix-xogħol tal-ippritkar.