Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Wettaq l-Irwol Tiegħek Bħala Evanġelizzatur

Wettaq l-Irwol Tiegħek Bħala Evanġelizzatur

“Agħmel ix-xogħol taʼ evanġelizzatur, wettaq bis-sħiħ il-ministeru tiegħek.”—2 TIM. 4:5.

1. Ġeħova għala jistaʼ jissejjaħ l-ewwel u l-aqwa Evanġelizzatur?

EVANĠELIZZATUR hu xi ħadd li jgħid aħbar tajba. L-ewwel u l-aqwa Evanġelizzatur hu Alla Ġeħova. Immedjatament wara r-ribelljoni tal-ewwel ġenituri tagħna, Ġeħova ħabbar l-aħbar tajba li s-serp—Satana x-Xitan—se jinqered. (Ġen. 3:15) Matul is-sekli, Ġeħova ispira rġiel leali biex iniżżlu bil-miktub dettalji dwar kif ismu se jiġi mnaddaf mit-tmaqdir, dwar kif se titneħħa l-ħsara kollha li ġab Satana, u dwar kif il-bnedmin jistgħu jerġgħu jiksbu l-opportunitajiet li tilfu Adam u Eva.

2. (a) L-anġli b’liema mod huma evanġelizzaturi? (b) Ġesù kif inhu eżempju tajjeb għall-evanġelizzaturi?

2 L-anġli wkoll huma evanġelizzaturi. Huma nfushom jgħidu aħbar tajba, u jgħinu lil oħrajn biex ixerrduha. (Lq. 1:19; 2:10; Atti 8:26, 27, 35; Riv. 14:6) Xi ngħidu għall-arkanġlu Mikiel? Waqt li kien fuq l-art bħala bniedem, l-iktar xogħol importanti għal Ġesù kien li jipprietka l-aħbar tajba. L-eżempju tiegħu juri li l-ippritkar għandu jkun l-iktar xogħol importanti għalina wkoll.

3. (a) X’inhi l-aħbar tajba li nxerrdu? (b) Liema mistoqsijiet huma taʼ interess għalina bħala evanġelizzaturi?

3 Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex ikunu evanġelizzaturi. (Mt. 28:19, 20; Atti 1:8) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil ħaddiem sieħbu Timotju: “Agħmel ix-xogħol taʼ evanġelizzatur, wettaq bis-sħiħ il-ministeru tiegħek.” (2 Tim. 4:5) X’inhi l-aħbar tajba li aħna nxerrdu bħala s-segwaċi taʼ Ġesù? Din tinkludi l-verità li tqawwi l-qalb li Missierna tas-sema, Ġeħova, iħobbna. (Ġw. 3:16; 1 Pt. 5:7) Mod prinċipali kif Alla Ġeħova juri l-imħabba tiegħu hu permezz tas-Saltna tiegħu. Għalhekk, huwa l-pjaċir tagħna li ngħidu lil oħrajn li kull min jissottometti ruħu għall-ħakma tas-Saltna, jobdi lil Alla, u jagħmel dak li hu sewwa, jistaʼ jkollu relazzjoni miegħu bħala l-ħabib tiegħu.  (Salm 15:1, 2) Fil-fatt, hu l-iskop taʼ Ġeħova li jneħħi t-tbatija kollha. Se jneħħi wkoll l-uġigħ li jiġi minn memorji koroh tal-passat. X’aħbar tajba! (Is. 65:17) Ladarba aħna evanġelizzaturi, ejja nikkunsidraw it-tweġibiet taʼ żewġ mistoqsijiet importanti: Għala hu vitali li n-nies jisimgħu l-aħbar tajba llum? U kif nistgħu nwettqu b’suċċess l-irwol tagħna bħala evanġelizzaturi?

IN-NIES GĦALA GĦANDHOM BŻONN JISIMGĦU L-AĦBAR TAJBA?

Mistoqsijiet effettivi jgħinu lin-nies isiru jafu għala jemmnu t-twemmin tagħhom

4. In-nies liema gideb intqalilhom dwar Alla?

4 Immaġina li xi ħadd jigdiblek u jgħidlek li missierek telaq lilek u lill-familja tiegħek. L-individwu jgħid li missierek ma riedx jaf bik, li kien jaħbi minnek, u li kien kattiv. Imbagħad jgħidlek li missierek hu mejjet, u għalhekk m’għandekx għalfejn tipprova ssibu. Xi wħud jgħidu affarijiet simili dwar Alla. Huma mgħallmin li Alla hu misteru, li ma tistax issir tafu, jew li hu kattiv. Pereżempju, xi mexxejja reliġjużi jsostnu li Alla se jikkastiga lin-nies ħżiena għal dejjem f’post taʼ turment. Oħrajn iwaħħlu f’Alla għas-sofferenza li jġibu magħhom d-diżastri naturali. Għalkemm dawn l-affarijiet joqtlu kemm lin-nies tajbin kif ukoll lill-ħżiena, jingħad li huma kastig mingħand Alla.

Il-mistoqsijiet jgħinuna nilħqu l-qalb tan-nies biex b’hekk ikunu lesti li jaħsbu dwar il-verità u jaċċettawha

5, 6. It-teorija tal-evoluzzjoni u d-duttrini foloz kif effettwaw lin-nies?

5 Oħrajn isostnu li Alla ma jeżistix. F’dan ir-rigward, ikkunsidra t-teorija tal-evoluzzjoni. Ħafna li jappoġġawha jiddikjaraw li l-ħajja ġiet mingħajr ebda direzzjoni intelliġenti. Huma jsostnu li m’hemmx Ħallieq. Xi wħud saħansitra qalu li l-bniedem hu sempliċement annimal ieħor, u għalhekk m’għandniex niħduha bi kbira meta persuna taġixxi bħall-annimali. Huma jirraġunaw li dawk b’saħħithom li jiddominaw bl-aħrax lil min hu dgħajjef ikunu sempliċement qed isegwu l-hekk imsejħin liġijiet tan-natura. B’hekk mhux taʼ b’xejn li ħafna jemmnu li dejjem se jkun hawn l-inġustizzja. Għalhekk, dawk li jemmnu fl-evoluzzjoni m’għandhomx tama vera.

6 Mingħajr dubju, it-teorija tal-evoluzzjoni u d-duttrini foloz ikkontribwew għall-miżerja li l-umanità qed tesperjenza matul l-aħħar jiem. (Rum. 1:28-31; 2 Tim. 3:1-5) Dan it-tagħlim tal-bniedem ma ġabx aħbar tajba vera u dejjiema. Minflok, bħalma jinnota l-appostlu Pawlu, dan ħalla lin-nies “fi dlam mentali u mbegħdin mill-ħajja li ġejja minn Alla.” (Efes. 4:17-19) Barra minn hekk, it-teorija tal-evoluzzjoni u d-duttrini foloz fixklu lin-nies milli jaċċettaw l-aħbar tajba li toriġina mingħand Alla.—Aqra Efesin 2:11-13.

Ukoll, il-mistoqsijiet jgħinuhom jirraġunaw fuq l-Iskrittura sabiex dak li jemmnu jkun ibbażat fuq il-Bibbja

7, 8. X’inhu l-uniku mod kif in-nies jistgħu jifhmu bis-sħiħ l-aħbar tajba?

7 Biex ikollhom relazzjoni m’Alla, in-nies l-ewwel iridu jkunu konvinti li Ġeħova jeżisti u li hemm raġunijiet tajbin biex jersqu qrib lejh. Nistgħu ngħinuhom jiksbu dan l-għarfien billi ninkuraġġuhom jeżaminaw il-ħolqien. Meta n-nies jistudjaw il-ħolqien b’moħħhom miftuħ, huma jitgħallmu dwar l-għerf u l-qawwa t’Alla. (Rum. 1:19, 20) Kif nistgħu ngħinu lin-nies jifhmu li dak kollu li Alla ħalaq hu tal-għaġeb? Nistgħu nużaw iż-żewġ browxers Was Life Created? u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking. Imma hemm xi mistoqsijiet li individwu ma jistax iwieġeb billi sempliċement jistudja l-ħolqien. Pereżempju, ma jistax isir jaf għala Alla jippermetti s-sofferenza, x’inhu l-iskop t’Alla għall-art, u jekk Alla jimpurtahx minn kull wieħed minna.

8 L-uniku mod kif in-nies jistgħu jifhmu bis-sħiħ l-aħbar tajba dwar Alla u  l-iskop tiegħu hu billi jistudjaw il-Bibbja. Xi privileġġ għandna li ngħinu lin-nies isibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom! Però, biex nilħqu l-qalb tas-semmiegħa tagħna hemm bżonn li nagħmlu iktar milli sempliċement ngħidulhom il-fatti; irridu nikkonvinċuhom. (2 Tim. 3:14) Nistgħu nkunu iktar konvinċenti billi nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Għala kellu daqstant suċċess? Raġuni waħda hi li kien juża l-mistoqsijiet b’mod effettiv. Kif nistgħu nimitawh?

EVANĠELIZZATURI TAʼ SUĊĊESS JUŻAW IL-MISTOQSIJIET B’MOD EFFETTIV

9. Jekk irridu ngħinu lin-nies jemmnu l-aħbar tajba, xi rridu nagħmlu?

9 Għala għandna, bħal Ġesù, nużaw il-mistoqsijiet fix-xogħol tal-evanġelizzar? Ikkunsidra dan l-eżempju: It-tabib tiegħek jgħidlek li għandu aħbar tajba għalik. Jistaʼ jfejjaq il-marda tiegħek jekk tagħmel operazzjoni serja. Għandek mnejn temmnu. Imma xi ngħidu jekk iwiegħdek dan saħansitra qabel ma jistaqsik xi mistoqsijiet dwar saħħtek? Imbagħad x’aktarx li ma tantx se jkollok fiduċja fih. Kapaċi kemm hu kapaċi, it-tabib għandu bżonn jistaqsi mistoqsijiet u jara x’inhuma s-sintomi tiegħek qabel ma jkun jistaʼ jgħinek. B’mod simili, jekk irridu ngħinu lin-nies jaċċettaw l-aħbar tajba tas-Saltna, irridu nsiru tas-sengħa f’li nistaqsu mistoqsijiet effettivi. Huwa biss wara li jkollna stampa ċara tal-kundizzjoni spiritwali tagħhom li nistgħu ngħinuhom.

Biex nilħqu l-qalb tas-semmiegħa tagħna, irridu nikkonvinċuhom

10, 11. X’nistgħu nwettqu billi nimitaw il-mod kif kien jgħallem Ġesù?

10 Ġesù kien jaf li mistoqsijiet magħżulin sew mhux biss jgħinu lill-għalliem isir jaf lill-istudent imma wkoll jinvolvu lis-semmiegħ fid-diskussjoni. Pereżempju, meta Ġesù ried jgħallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni dwar l-umiltà, hu l-ewwel staqsiehom mistoqsija li tqanqal il-ħsieb. (Mk. 9:33) Biex jgħallem lil Pietru kif jirraġuna fuq il-prinċipji, Ġesù staqsieh mistoqsija u tah għażla taʼ tweġibiet. (Mt. 17:24-26) F’okkażjoni oħra, meta Ġesù ried li d-dixxipli jesprimu dak li kien hemm f’qalbhom, hu staqsiehom serje taʼ mistoqsijiet biex jara x’jaħsbu. (Aqra Mattew 16:13-17.) Ġesù mhux sempliċement qal lin-nies x’għandhom jagħmlu. Bil-mod li staqsa l-mistoqsijiet, hu qanqal lin-nies biex jaċċettaw l-aħbar tajba u jagħmlu bidliet fil-ħajja tagħhom.

11 Meta nimitaw lil Ġesù billi nużaw mistoqsijiet b’mod effettiv, minn tal-inqas nagħmlu tliet affarijiet. Insiru nafu kif nistgħu ngħinu lin-nies bl-aħjar mod, inkomplu konversazzjoni maʼ xi ħadd li jkun irid jaqtgħalna fil-qasir, u ngħallmu lil uħud umli kif huma stess jistgħu jibbenefikaw. Ikkunsidra tliet xenarji li juru kif nistgħu nużaw il-mistoqsijiet b’mod effettiv.

12-14. Kif tistaʼ tgħin lil ibnek ikun iktar kunfidenti f’li jaqsam l-aħbar tajba? Agħti eżempju.

12 L-1 Xenarju: Bħala ġenitur, x’kont tagħmel kieku l-adoloxxent tiegħek beżaʼ jitkellem dwar it-twemmin tiegħu fil-ħolqien maʼ sieħbu tal-klassi? Bla dubju, int tkun trid tgħinu jkun kunfidenti biex jaqsam l-aħbar tajba. Għalhekk, minflok ma tikkritikah jew tagħtih parir ċumbumm, għala ma timitax l-eżempju taʼ Ġesù u tistaqsih xi mistoqsijiet dwar kif jaħsibha hu? Kif tistaʼ tagħmel dan?

13 Wara li taqra maʼ ibnek siltiet mill-browxer The Origin of Life—Five Questions  Worth Asking, tistaʼ tistaqsih liema mistoqsija jaħseb li hi l-iktar interessanti. Inkuraġġih jaħseb f’raġunijiet oħrajn għala hu jemmen f’Ħallieq u għala jrid jagħmel ir-rieda t’Alla. (Rum. 12:2) Spjega lil ibnek li r-raġunijiet tiegħu m’għandhomx għalfejn ikunu eżatt bħal tiegħek.

14 Imbagħad għid lil ibnek li jistaʼ jkellem lil sieħbu tal-klassi bl-istess mod li int tkellimt miegħu. Hu jistaʼ jgħid lil sieħbu xi fatti dwar il-ħolqien u mbagħad jistaqsih x’inhi l-opinjoni tiegħu. Pereżempju, jistaʼ jitlob lil sieħbu biex jaqra l-kaxxa f’paġna 21 tal-browxer Origin of Life. Wara, ibnek jistaʼ jistaqsi: “Veru li għad m’hemm l-ebda kompjuter fi żmienna li kapaċi jerfaʼ informazzjoni daqs id-DNA?” Probabbilment se jaqbel maʼ ibnek. Imbagħad jistaʼ jistaqsih, “Jekk esperti tal-kompjuter ma jistgħux jagħmlu xi ħaġa bħal din, kif jistaʼ d-DNA, xi ħaġa bla moħħ, jagħmel dan waħdu?” Biex tgħin lil ibnek isir iktar kunfidenti f’li jitkellem m’oħrajn dwar it-twemmin tiegħu, tistaʼ regolarment tagħmel sessjonijiet taʼ prattika miegħu. Jekk tħarrġu biex juża l-mistoqsijiet b’mod effettiv, se tgħinu jwettaq l-irwol tiegħu bħala evanġelizzatur.

15. Kif nistgħu nużaw mistoqsijiet biex nirraġunaw maʼ xi ħadd li hu ateu?

15 It-2 Xenarju: Fl-għoti taʼ xhieda tagħna niltaqgħu maʼ nies li jiddubitaw jekk jeżistix Alla. Pereżempju, xi ħadd jistaʼ jgħidilna li hu ateu. Minflok ma nħallu dik l-istqarrija ttemm il-konversazzjoni, nistgħu bir-rispett nistaqsu kemm ilu ateu u x’wasslu jaħsibha b’dan il-mod. Wara li nisimgħu t-tweġibiet tiegħu u nuru li napprezzaw li ħaseb fuq il-kwistjoni bis-serjetà, nistgħu nistaqsuh jekk jaħsibx li jkun ħażin li jaqra browxer li jagħti evidenza li l-ħajja ġiet maħluqa. Jekk l-inkwilin għandu moħħu  miftuħ, x’aktarx li jgħid li ma jkunx raġunevoli li wieħed jirrifjuta li jara evidenza bħal din. Imbagħad nistgħu noffrulu jew il-browxer Was Life Created? jew il-browxer The Origin of Life—Five Questions Worth Asking. Meta nużaw it-tattika u nistaqsu mistoqsijiet b’qalb tajba, nistgħu nilħqu l-qalb tal-individwu bl-aħbar tajba.

16. Għala m’għandniex nikkuntentaw li l-istudenti tagħna sempliċement jaqraw it-tweġibiet mill-ktieb jew browxer?

16 It-3 Xenarju: Meta nikkonduċu studju tal-Bibbja, x’jistaʼ jiġri jekk inħallu lill-istudent tagħna sempliċement jirripeti t-tweġibiet li jsib fil-ktieb jew browxer? Għandu mnejn ma jagħmilx progress spiritwali tajjeb. Għala? Għax student li jirripeti t-tweġibiet mingħajr ma jaħseb dwarhom hu bħal pjanta li m’għandhiex għeruq fondi. Jistaʼ jkun diffiċli għalih biex jibqaʼ fil-verità meta tqum l-oppożizzjoni. (Mt. 13:20, 21) Biex ngħinu lill-istudent tagħna, jeħtieġ li nistaqsuh kif iħossu dwar dak li qed jitgħallem. Ipprova sir af jekk jaqbilx maʼ dak li qed jitgħallem u għala jħossu hekk. Imbagħad għinu jirraġuna fuq l-Iskrittura sabiex dak li jemmen ikun ibbażat fuq il-Bibbja. (Ebr. 5:14) Jekk nużaw il-mistoqsijiet b’mod effettiv, l-istudenti tagħna x’aktarx li jkunu sodi fil-verità u jkunu jistgħu jibqgħu leali meta oħrajn jopponuhom jew jipprovaw jiżvijawhom. (Kol. 2:6-8) X’nistgħu nagħmlu iktar biex inwettqu l-irwol tagħna bħala evanġelizzaturi?

EVANĠELIZZATURI TAʼ SUĊĊESS JGĦINU LIL XULXIN

17, 18. Meta nkunu maʼ xi ħadd fil-ministeru, kif nistgħu naħdmu bħala tim?

17 Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu jippritkaw tnejn tnejn. (Mk. 6:7; Lq. 10:1) Iktar tard, l-appostlu Pawlu semma lill-‘ħaddiema sħabu’ li ‘tħabtu spalla maʼ spalla miegħu fl-aħbar tajba.’ (Flp. 4:3) Fi qbil maʼ dan il-preċedent Skritturali, fl-1953, l-organizzazzjoni bdiet programm speċjali li fih il-pubblikaturi jħarrġu lil oħrajn fil-ministeru.

18 Meta tkun maʼ Kristjan ieħor fil-ministeru, kif tistgħu taħdmu bħala tim? (Aqra l-1 Korintin 3:6-9.) Fittex fil-Bibbja tiegħek l-iskritturi li l-pubblikatur l-ieħor ikun qed juża. Żomm l-attenzjoni tiegħek fuq min ikun qed jitkellem. Segwi d-diskussjoni b’attenzjoni ħalli, f’każ li jkun hemm bżonn, tkun tistaʼ tgħin lill-pubblikatur jegħleb xi oġġezzjoni. (Ekk. 4:12) Imma, kelma taʼ twissija: Oqgħod attent li ma taqbiżx fin-nofs jekk il-pubblikatur diġà qed jagħti xhieda effettiva jew jekk qed jitkellem l-inkwilin. Jekk tinterrompi l-konversazzjoni, tistaʼ tiskuraġġixxi lill-pubblikatur jew tħawwad lill-inkwilin. Mhuwiex ħażin li tagħmel xi kumment jew tnejn, imma m’għandekx tieħu r-riedni f’idejk. Imbagħad ħalli lill-pubblikatur ikompli b’dak li kien qed jgħid.

19. X’nagħmlu tajjeb li niftakru, u għala?

19 Kif tistaʼ int u l-pubblikatur l-ieħor tgħinu lil xulxin waqt li tkunu mexjin minn bieb għal bieb? Għala ma tużawx il-ħin biex taraw kif tistgħu ttejbu l-preżentazzjoni tagħkom? Oqgħod attent li ma tgħidx kummenti negattivi fuq in-nies tat-territorju tiegħek. Bl-istess mod, evita n-nassa li toqgħod tgerger fuq l-aħwa. (Prov. 18:24) Nagħmlu tajjeb li niftakru li aħna lkoll niżbaljaw. Ġeħova wera qalb tajba b’mod straordinarju magħna billi fdalna t-teżor tal-ministeru tal-aħbar tajba. (Aqra t-2 Korintin 4:1, 7.) Mela, ejja lkoll kemm aħna nuru apprezzament għal dan it-teżor billi nagħmlu l-almu tagħna biex inwettqu l-irwol li għandna bħala evanġelizzaturi.