Fit-Triq mal-Pellegrini
Mill-Arkivji Tagħna
“SEMPLIĊEMENT ma nistax immur minn bieb għal bieb!” Ħafna kienu l-istudenti ġodda tal-Bibbja li ħassewhom hekk dwar il-ħsieb li jippritkaw lill-istranġieri. Madankollu, din l-oġġezzjoni ġiet minn kelliemi pubbliku u għalliem tal-Bibbja tal-esperjenza msejjaħ pellegrin, jew indokratur li jivvjaġġa.
Ħafna qarrejja taʼ Zion’s Watch Tower li telqu mill-knejjes tagħhom ixxennqu għal sħubija maʼ dawk li bħalhom kienu għatxana għall-verità tal-Bibbja. Ir-rivista ħeġġet lill-qarrejja tagħha biex ifittxu oħrajn li kellhom twemmin bħal tagħhom u biex jiltaqgħu magħhom b’mod regulari għal studju tal-Bibbja. B’seħħ mill-1894, il-Watch Tower Society bagħtet rappreżentanti li jivvjaġġaw biex jiltaqgħu maʼ gruppi li talbu żjara. Dawn l-irġiel beżlin u taʼ esperjenza ntgħażlu minħabba li kienu umli, kellhom l-għarfien Bibliku, l-abbiltà mill-aħjar taʼ kif jitkellmu u jgħallmu, u minħabba li wrew lealtà għall-fidwa. Normalment, iż-żjara kienet iddum ġurnata jew tnejn mimlijin xogħol. Ħafna Studenti tal-Bibbja daqu għall-ewwel darba s-servizz tal-għalqa billi qassmu fuljetti għal taħdita minn pellegrin. Hugo Riemer, li iktar tard sar membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, wara li ta t-taħdita tiegħu fi skola filgħaxija, wieġeb mistoqsijiet dwar il-Bibbja sa wara nofsillejl. Għajjien mejjet iżda ferħan, hu stqarr li l-laqgħa kienet tassew “sabiħa.”
Ir-rivista Watch Tower stqarret li l-iskop prinċipali tal-aħwa li jivvjaġġaw kien biex jinbnew “in-nies taʼ fidi” permezz taʼ laqgħat fid-djar taʼ dawk li kienu jemmnu. L-Istudenti tal-Bibbja mill-inħawi fil-qrib ġew għat-taħditiet u għas-sessjonijiet tal-mistoqsijiet u t-tweġibiet. Imbagħad wasal il-ħin għall-ospitalità Kristjana. Bħala tifla, Maude Abbott darba waħda filgħodu marret għal taħdita, u wara dan kulħadd inġabar madwar mejda twila fil-bitħa. “Kemm kien hemm ikel tajjeb—perżut, tiġieġ moqlijin, ħobż taʼ kull xorta, torti, u kejkijiet! Kulħadd kiel dak kollu li setaʼ, u għal xi s-sagħtejn inġbarna għal taħdita oħra.” Iżda hi tammetti, “Sa dak il-ħin kulħadd kien nofsu rieqed.” Benjamin Barton, li kien ilu jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, darba qal, ‘Kieku kilt l-ikel rikk kollu li ġejt offrut, kieku ilni taħt it-trab.’ Maż-żmien, ittra mill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn wissiet lill-aħwa nisa li kienu daqshekk ġenerużi li kien ikun għall-ġid taʼ kulħadd li lill-pellegrin jagħtuh “tisjir sempliċi taʼ kuljum” u jaraw li jkollu “rqad bla xkiel.”
L-aħwa li jivvjaġġaw kienu bravi ħafna f’li jgħallmu u jużaw ċarts, mudelli, jew kwalunkwe ħaġa oħra li kellhom fl-idejn biex jagħtu l-ħajja lis-suġġett tagħhom. It-taħditiet taʼ R. H. Barber kienu dejjem “imħawrin spiritwalment.” W. J. Thorn, li kien bħal missier, tkellem “bħal patrijarka taʼ żmien il-qedem.” Ġurnata minnhom, waqt li kien riekeb f’karozza Model A Ford, Shield Toutjian f’daqqa waħda għajjat, “Żomm!” Hu niżel jiġri mill-karozza, qataʼ xi fjuri salvaġġi, u ta lezzjoni spirtu pront dwar il-ħolqien taʼ Ġeħova lil sħabu.
Id-diffikultajiet tax-xogħol taʼ pellegrin ġabu magħhom ħafna sfidi, speċjalment għal dawk taʼ mezz’età jew ikbar. Għal xi wħud, madankollu, l-ikbar prova kienet il-bidla f’dak li kellhom jiffokaw fuqu f’xogħolhom. Issa kienu mistennijin li
jieħdu t-tmexxija fl-ippritkar minn dar għal dar. Il-Watch Tower tal-15 taʼ Marzu, 1924, qal li “wieħed mill-inkarigi primarji” taʼ Kristjani veri “hu biex jagħtu xhieda għas-saltna. Il-pellegrini jintbagħtu għal dan l-iskop.”Ċerti aħwa li jivvjaġġaw milli jidher xejn m’għoġbithom il-bidla, għaliex huma telqu x-xogħol tal-ivvjaġġar. Ftit minn dawk li ma kinux kuntenti saħansitra fformaw il-grupp reliġjuż tagħhom stess. Robie D. Adkins ftakar li pellegrin minnhom li kien kelliemi tajjeb ħafna lmenta bi stmerrija: “Jien minn fuq il-platform biss naf nipprietka. Tgħidli xejn, iżda ma nistax immur minn bieb għal bieb!” Ħuna Adkins ftakar: “Kien fil-konvenzjoni tal-1924 f’Columbus, Ohio, li rġajt rajtu. Kien jidher l-iktar persuna miżerabbli hemmhekk, wieqaf waħdu għad-dell taʼ siġra żgħira, b’geddumu sal-art fost eluf t’aħwa ferħanin. Qatt ma rajtu iktar. Ftit wara telaq mill-organizzazzjoni.” Min-naħa l-oħra, “ħafna aħwa ferħanin kienu għaddejjin iġorru l-kotba lejn il-karozzi tagħhom,” ovvjament ħerqanin biex jippritkaw minn dar għal dar.—Atti 20:20, 21.
Ħafna pellegrini, għalkemm forsi kienu ansjużi daqs dawk li kellhom iħarrġu huma stess, daħlu għax-xogħol b’entużjażmu kbir. Dwar l-għoti taʼ xhieda minn dar għal dar, Maxwell G. Friend (Freschel), pellegrin li jitkellem bil-Ġermaniż, kiteb, “Din il-parti tax-xogħol taʼ pellegrin iżżid mal-barkiet tal-vjaġġ.” Il-pellegrin John A. Bohnet irrapporta li l-aħwa inġenerali aċċettaw bil-ferħ l-enfasi li tpoġġiet fuq l-ippritkar tas-Saltna. Skont hu, il-biċċa l-kbira kellhom “żelu jbaqbaq biex ikunu minn taʼ quddiem fix-xogħol.”
Matul is-snin, aħwa leali li jivvjaġġaw effettwaw tajjeb lill-aħwa. “M’hemmx dubju li l-pellegrini kienu taʼ valur u taʼ fejda, sewwasew bħalma nnotajt bħala tifel,” qal Norman Larson, li ilu Xhud għal ħafna żmien. “Ħadmu ħafna biex jagħġnuni bil-mod it-tajjeb.” Sal-ġurnata tal-lum, indokraturi li jivvjaġġaw bħal dawn li huma leali u jagħmlu sagrifiċċji personali qed jgħinu lil sħabhom fit-twemmin biex jgħidu, “Nistgħu mmorru minn bieb għal bieb!”
[Kumment f’paġna 32]
Kienet tkun ġurnata taʼ ferħ meta kien iżurna l-pellegrin!
[Stampa f’paġna 31]
Il-vjaġġ tal-1905 taʼ Benjamin Barton kien fih xi 170 waqfa
[Stampa f’paġna 32]
Walter J. Thorn kien pellegrin, magħruf b’mod teneru bħala Pappy minħabba l-attitudni tiegħu bħal taʼ missier u taʼ Kristu
[Stampa f’paġna 32]
J. A. Browne intbagħat il-Ġamajka bħala pellegrin madwar l-1902 biex isaħħaħ u jinkuraġġixxi 14-il grupp żgħir
[Stampa f’paġna 32]
Ix-xogħol taʼ pellegrin bena l-fidi, saħħaħ l-unità Kristjana, u qarreb lill-aħwa lejn l-organizzazzjoni