“Tmexxew mill-Ispirtu Qaddis”
“Il-profezija qatt ma ġiet bir-rieda tal-bniedem, imma xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.”—2 PT. 1:21.
PUNTI BIEX TAĦSEB DWARHOM
Il-messaġġ t’Alla kif ġie trasmess permezz tal-ispirtu qaddis lill-kittieba Bibliċi?
Liema evidenza hemm li l-Bibbja hi ispirata minn Alla?
X’tistaʼ tagħmel kuljum biex iżżomm l-apprezzament tiegħek għall-Kelma t’Alla?
1. Għala għandna bżonn il-Kelma ispirata t’Alla?
MINN fejn ġejna? Għala qegħdin hawn? X’se jiġri minna fil-futur? Għala d-dinja hi kif inhi? X’jiġrilna meta mmutu? Ħafna nies madwar id-dinja jistaqsu dawn il-mistoqsijiet. Kif konna se nkunu nafu t-tweġibiet għalihom u għal mistoqsijiet importanti oħrajn kieku ma kellniex il-Kelma ispirata t’Alla? Mingħajr l-Iskrittura Mqaddsa, l-għalliem primarju tagħna jkun l-esperjenza personali tagħna. Bl-esperjenza personali bħala l-għalliem tagħna, jistaʼ qatt inħossuna l-istess bħalma ħassu s-salmista lejn “il-liġi taʼ Ġeħova”?—Aqra Salm 19:7.
2. X’se jgħinna nibqgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-Bibbja bħala għotja prezzjuża mingħand Alla?
2 Imma b’dispjaċir, ir-realtà hi li xi wħud ħallew l-imħabba li kellhom fil-bidu għall-verità tal-Bibbja tmajna. (Qabbel Rivelazzjoni 2:4.) Ma baqgħux jimxu bil-mod li jogħġob lil Ġeħova. (Is. 30:21) Dan m’għandux għalfejn jiġri lilna. Aħna nistgħu u għandna naħdmu biex nibqgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-Bibbja u t-tagħlim tagħha. Il-Bibbja hi għotja importanti mingħand il-Ħallieq tagħna kollu mħabba. (Ġak. 1:17) X’se jgħinna nkabbru l-apprezzament tagħna għall-“kelma t’Alla”? Xi ħaġa importanti li tgħinna hi li nirriflettu dwar kif kittieba tal-Bibbja kienu gwidati biex jiktbu l-Iskrittura. Dan jinvolvi li neżaminaw xi ftit mill-ħafna raġunijiet għala nistgħu nemmnu li l-Bibbja hi minn Alla. Billi nagħmlu hekk, għandna niġu mħeġġin naqraw il-Kelma t’Alla kuljum u napplikaw il-pariri tagħha.—Ebr. 4:12.
KIF “TMEXXEW MILL-ISPIRTU QADDIS”?
3. Il-profeti u l-kittieba tal-Bibbja kif “tmexxew mill-ispirtu qaddis”?
3 F’perijodu taʼ 1,610 snin—li beda mis-sena 1513 Q.E.K. sas-sena 98 E.K.—xi 40 raġel differenti kitbu l-Bibbja. Xi wħud kienu profeti li “tmexxew mill-ispirtu qaddis.” (Aqra t-2 Pietru 1:20, 21.) L-espressjoni “tmexxew” ġejja minn kelma Griega, u f’dan il-vers tfisser li tiġi mċaqlaq, li tinġarr, jew li tħalli lilek innifsek tiġi mċaqlaq. Atti 27:15 juża l-istess kelma biex jiddeskrivi ġifen li ġie mċaqlaq jew imbottat f’ċerta direzzjoni mir-riħ. Il-profeti u l-kittieba tal-Bibbja “tmexxew mill-ispirtu qaddis” fis-sens li Alla kkomunika magħhom, immotivahom u ggwidahom permezz tal-forza attiva tiegħu. Ladarba dan kien il-każ, huma ma kitbux l-ideat tagħhom stess, iżda l-ħsibijiet t’Alla. Kultant, il-profeti u l-kittieba ispirati lanqas biss kienu jafu t-tifsir taʼ dak li bassru jew kitbu. (Dan. 12:8, 9) Iva, “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla” u ma fihiex opinjonijiet tal-bnedmin.—2 Tim. 3:16.
4-6. Ġeħova b’liema modi kkomunika l-messaġġ tiegħu lill-kittieba tal-Bibbja? Agħti eżempju.
4 Imma l-messaġġ t’Alla kif kien trasmess permezz tal-ispirtu qaddis lill-kittieba tal-Bibbja? Ngħataw huma kliem speċifiku? Jew, ngħataw sempliċement ideat li setgħu jesprimu fi kliemhom? Ikkunsidra kif negozjant jistaʼ jipprepara ittra. Meta jkun importanti li jintuża kliem adattat, hu nnifsu jikteb l-ittra jew jiddetta lis-segretarja xi kliem għandha tuża. Is-segretarja tittajpjaha, u l-ittra tiġi ffirmata min-negozjant. Drabi oħra, jipprovdi biss l-ideat prinċipali, u s-segretarja tipprepara l-ittra, billi tuża l-istil jew il-vokabolarju tagħha. Imbagħad, in-negozjant jistaʼ jara jekk hemmx bżonn aġġustamenti u wara jitlob lis-segretarja biex tibdel fejn meħtieġ. Fl-aħħar, l-ittra tiġi ffirmata minnu u titqies li ġejja mingħandu.
5 B’mod simili, xi partijiet mill-Bibbja nkitbu “bis-sabaʼ t’Alla.” (Eżo. 31:18) Meta kien importanti ħafna li jintuża kliem speċifiku, Ġeħova qal lill-kittieb xi kliem għandu jikteb. Pereżempju, f’Eżodu 34:27 naqraw: “Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: ‘Niżżel bil-miktub għalik innifsek dan il-kliem, għaliex hu fi qbil maʼ dan il-kliem li se nagħmel patt miegħek u maʼ Israel.’” Bl-istess mod, Ġeħova qal lill-profeta Ġeremija: “Ikteb fi ktieb dak kollu li se ngħidlek.”—Ġer. 30:2.
6 Iżda f’ħafna mill-każi, Alla mirakolożament ikkomunika ħsibijiet iktar milli kliem speċifiku fil-qlub u fl-imħuħ tal-kittieba tal-Bibbja. Dan ippermettielhom jagħżlu l-kliem tagħhom biex jiktbu l-messaġġ tiegħu. Ekkleżjasti 12:10 jgħid: “Il-kongregatur ipprova jsib kliem pjaċevoli u jikteb kliem korrett u veru.” Luqa, kittieb tal-Evanġelju, ‘fittex kollox mill-bidu b’eżattezza, [u] ddeċieda li jiktibhom b’ordni loġiku.’ (Lq. 1:3) L-ispirtu t’Alla għamel ċert li l-messaġġ tiegħu ma jiġix imtebbaʼ bl-imperfezzjoni umana.
7. L-għerf t’Alla kif jintwera b’mod evidenti billi uża l-bnedmin biex jiktbu l-Bibbja?
7 L-għerf kbir taʼ Alla jintwera b’mod evidenti billi uża l-bnedmin biex jiktbu l-Bibbja. Il-kliem ma jwassalx informazzjoni biss, imma emozzjonijiet u sentimenti wkoll. Xi ngħidu kieku Ġeħova qabbad lill-anġli bħala kittieba? Setgħu huma ddeskrivew sentimenti umani bħal biżaʼ, niket, u skuraġġiment? Minħabba li ħalla lil bnedmin imperfetti jagħżlu l-kliem tagħhom stess biex jiktbu l-messaġġ tiegħu, il-messaġġ t’Alla jmissilna qalbna.
ŻOMM L-EVIDENZA QUDDIEM GĦAJNEJK
8. Għala nistgħu ngħidu li l-Bibbja mhi bħal ebda ktieb ieħor tar-reliġjon?
8 Għandna ħafna evidenza biex nemmnu li l-Bibbja hi minn Alla. Minħabba li tgħinna nsiru nafu lill-Alla l-veru, il-Bibbja mhi bħal ebda ktieb ieħor tar-reliġjon. Pereżempju, il-kotba tal-Ħinduiżmu jgħidulna dwar iċ-ċerimonji reliġjużi tiegħu, il-filosofiji, il-ħrejjef, u r-regoli fuq il-moralità. Il-kotba tal-Buddiżmu jispjegaw ir-regoli li l-patrijiet u s-sorijiet jeħtieġu jsegwu. Jispjegaw ukoll id-duttrini tal-Buddiżmu u t-tagħlim tal-Budda. Il-Budda ma qalx li hu nnifsu hu xi alla, u bilkemm tkellem dwar Alla. Il-kotba tal-Konfuċjaniżmu jitkellmu dwar affarijiet li seħħew fil-passat, regoli dwar il-moralità, il-maġija, u l-għanjiet. Hemm ukoll il-ktieb tal-Iżlam li jgħallem li hemm Alla wieħed u li jaf kollox, inkluż il-futur. Imma lanqas biss jirrivela l-isem t’Alla, Ġeħova, li jidher eluf taʼ drabi fil-Bibbja.
9, 10. X’nistgħu nitgħallmu dwar Alla mill-Bibbja?
9 Il-maġġoranza tal-kotba tar-reliġjon jgħallmu ftit li xejn dwar Alla. Imma l-Bibbja tgħinna nsiru nafu lil Alla Ġeħova u l-attivitajiet tiegħu. Tgħinna nifhmu l-ħafna aspetti tal-personalità tiegħu. Il-Bibbja tgħidilna li hu Alla taʼ ġustizzja, għerf, u qawwa kbira. Tgħidilna wkoll li Alla jħobbna. (Aqra Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:19.) Iktar minn hekk, il-Bibbja tgħidilna: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) F’ċertu sens, il-fatt li l-Bibbja tinsab ħafna fl-idejn juri li dan hu minnu. Esperti tal-lingwa jgħidu li llum hemm xi 6,700 lingwa mitkellma. Kważi 100 minn dawn il-lingwi huma mitkellma minn xi 90 fil-mija tan-nies fid-dinja. Xorta waħda, il-Bibbja ġiet tradotta, sħiħa jew parti minnha, f’iktar minn 2,400 lingwa. Kważi kulħadd fid-dinja għandu aċċess għal minn tal-inqas xi partijiet minnha.
10 Ġesù qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.” (Ġw. 5:17) ‘Minn dejjem għal dejjem Ġeħova hu Alla.’ Mela aħseb f’dak kollu li wettaq! (Salm 90:2) Il-Bibbja biss tgħinna nsiru nafu dwar l-attivitajiet t’Alla kemm dawk tal-passat u kemm dawk tal-preżent u tgħidilna x’se jagħmel fil-futur. L-Iskrittura tgħallimna wkoll x’jogħġbu u x’ma jogħġbux, u turi kif nistgħu nersqu qrib lejh. (Ġak. 4:8) Ejja ma nħallu ebda ġiri wara affarijiet jew tħassib personali jbegħedna minnu.
11. Liema għerf kbir u taʼ min joqgħod fuqu jinsab fil-paġni tal-Bibbja?
11 L-għerf kbir u taʼ min joqgħod fuqu li jinsab fil-Bibbja jurina wkoll li l-ktieb ġej minn Sors ogħla mill-bniedem. L-appostlu Pawlu kiteb: “Min sar jaf moħħ Ġeħova biex ikun jistaʼ jgħallmu?” (1 Kor. 2:16) Dan il-vers hu bbażat fuq dak li l-profeta Isaija staqsa lil dawk taʼ żmienu: “Min ħa l-qisien taʼ l-ispirtu taʼ Ġeħova, u min jistaʼ jagħtih il-pariri u jgħarrfu xi ħaġa?” (Is. 40:13) Bla dubju, it-tweġiba hi ħadd. Mhux taʼ b’xejn li meta napplikaw il-pariri tal-Bibbja dwar iż-żwieġ, it-tfal, id-divertiment, il-ħbiberija, il-bżulija, l-onestà, u l-moralità jkollna l-aħjar riżultati! Il-Bibbja qatt ma tagħtina pariri ħżiena. Mill-banda l-oħra, il-bnedmin sempliċement ma jilħqilhomx biżżejjed biex jagħtu parir li dejjem jaħdem. (Ġer. 10:23) Il-pariri tagħhom il-ħin kollu qed jiġu riveduti u aġġornati hekk kif jirrealizzaw li dawk taʼ qabel kienu żbaljati. “Il-ħsibijiet tal-bnedmin,” skont il-Bibbja, “huma bħal nifs,” jiġifieri, jiswew veru ftit.—Salm 94:11.
12. Il-Bibbja liema sforzi għelbet matul is-sekli?
12 Evidenza oħra li turi li l-Alla l-veru hu l-Awtur tal-Bibbja ġejja minn dak li l-istorja turi dwar l-isforzi li saru biex il-messaġġ tagħha jinqered. Fis-sena 168 Q.E.K., is-sultan Sirjan Antijoku IV pprova jfittex il-kotba ispirati tal-Liġi biex jaħraqhom. Fis-sena 303 E.K., l-imperatur Ruman Dijoklezjanu ħareġ digriet biex iwaqqaʼ l-postijiet tal-laqgħat tal-Kristjani u biex jaħraq l-Iskrittura tagħhom. Il-qerda kompliet għal għaxar snin. Għal mijiet taʼ snin, il-papiet kienu minn taʼ quddiem biex iwaqqfu l-għarfien tal-Bibbja milli jinfirex u opponew it-traduzzjoni tal-Iskrittura fil-lingwi tan-nies komuni. Minkejja attentati bħal dawn minn Satana u l-aġenti tiegħu, il-Bibbja għadha magħna sal-lum il-ġurnata. Ġeħova ma ppermetta lil ħadd li jelimina l-għotja tiegħu lill-umanità.
EVIDENZA LI KKONVINĊIET LIL ĦAFNA
13. X’nistgħu nsemmu bħala evidenza tal-ispirazzjoni tal-Bibbja?
13 Hemm evidenzi oħrajn tal-ispirazzjoni tal-Bibbja: il-qbil li hemm fiha, l-eżattezza xjentifika, il-profeziji mwettqin, is-sinċerità mhux tas-soltu, il-qawwa biex tbiddel il-ħajjiet, l-eżattezza storika, u t-tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet li ssemmew fl-ewwel paragrafu. Ikkunsidra x’għen lil xi wħud biex jaraw li l-Bibbja hi minn Alla.
14-16. (a) Xi kkonvinċa lil Musulman, waħda Ħindu, u oħra anjostika li l-Bibbja ġejja minn Alla? (b) Liema evidenza taʼ ispirazzjoni divina tal-Bibbja tħobb tuża fil-ministeru?
14 Anwar a trabba bħala Musulman f’pajjiż fil-Lvant Nofsani. Meta għamel xi żmien jgħix l-Amerika taʼ Fuq, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ġew iħabbtulu l-bieb. Anwar jgħid: “F’dak iż-żmien, kelli ħarsa negattiva lejn ir-reliġjonijiet Kristjani minħabba l-Kruċjati u l-Inkwiżizzjoni. Iżda taʼ kurjuż li jien, qbilt li jkolli studju tal-Bibbja.” Ftit wara, Anwar reġaʼ mar lura pajjiżu imma ma setax jikkuntattja lix-Xhieda. Snin wara, hu mar jgħix l-Ewropa fejn reġaʼ beda l-istudju tal-Bibbja u wasal għal din il-konklużjoni: “It-twettiq tal-profeziji tal-Bibbja, il-qbil li hemm fl-Iskrittura Mqaddsa, il-fatt li m’hemmx kontradizzjonijiet fil-Bibbja, u l-imħabba fost l-aduraturi taʼ Ġeħova kkonvinċewni li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla.” Anwar tgħammed fl-1998.
15 Asha, li għandha 16-il sena, ġejja minn familja Ħindu li hi devota. Hi tgħid: “Kont nitlob biss meta kont immur fit-tempju jew meta kont inkun għaddejja minn żmien diffiċli, iżda qatt ma ħsibt dwar Alla meta kollox kien miexi ħarir.” Hi tkompli tgħid: “Madankollu, meta x-Xhieda taʼ Ġeħova ħabbtuli l-bieb, ħajti nbidlet taʼ taħt fuq.” Asha studjat il-Bibbja u saret taf lil Alla bħala l-Ħabib tagħha. Xi kkonvinċieha li l-Bibbja hi ispirata minn Alla? Hi tispjega: “Il-Bibbja wieġbet kull mistoqsija li stajt noħroġ biha. Għenitni jkolli fidi anki jekk ma narax lil Alla—jiġifieri, mingħajr ma noqgħod immur it-tempju biex immil quddiem idolu.”
16 Paula trabbiet bħala Kattolika, imma fiż-żgħożija tagħha ma kinitx ċerta jekk jeżistix Alla. Imbagħad ġara xi ħaġa. Hi tirrakkonta: “Iltqajt maʼ ħabib li kont ilni xhur ma narah. Dan kien fi żmien il-ħipis. Meta rajt kif kien inbidel—issa bil-leħja mqaxxra u b’xagħru maqtugħ u kuntent—staqsejtu: ‘Xi ġralek, u x’sar minnek?’ Hu qal li kien qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u beda jagħtini xhieda.” Meta rat x’qawwa għandha l-verità Skritturali, Paula, li qabel kienet anjostika, saret interessata fil-messaġġ tal-Bibbja u aċċettatha bħala ispirata minn Alla.
“KELMTEK MUSBIEĦ GĦAL SIEQI”
17. Kif jistgħu jgħinuk il-qari tal-Bibbja kuljum u l-immeditar fuq dak li taqra?
17 Il-Bibbja hi għotja meraviljuża li Ġeħova pprovda permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. Ħu pjaċir aqraha kuljum, u l-imħabba għaliha u għall-Awtur tagħha se tikber. (Salm 1:1, 2) Ibda kull sessjoni tal-istudju bit-talb, billi titlob għall-ispirtu t’Alla ħalli tkun tistaʼ tifhem dak li taqra. (Lq. 11:13) Il-Bibbja fiha l-ħsibijiet t’Alla, allura meta tkun qed timmedita fuq dak li hemm miktub, tkun tistaʼ tagħmel il-ħsib tiegħek bħal t’Alla.
18. Għala trid tkompli titgħallem mill-Bibbja?
18 Filwaqt li tkompli tikber fl-għarfien eżatt tal-verità, applika dak li titgħallem. (Aqra Salm 119:105.) Li taqra l-Bibbja jistaʼ jkun bħal li tħares fil-mera. B’hekk, jekk tara li hemm bżonn tagħmel xi bidliet, agħmilhom. (Ġak. 1:23-25) Uża l-Kelma t’Alla bħal sejf biex tiddefendi t-twemmin tiegħek u biex tneħħi tagħlim falz minn qlub il-ġwejdin. (Efes. 6:17) Hekk kif tagħmel dan, kun grat li l-profeti u l-irġiel li ntużaw biex jiktbu l-messaġġ tal-Bibbja verament kienu “tmexxew mill-ispirtu qaddis.”
[Nota ta’ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Kumment f’paġna 29]
Aqra l-Bibbja kuljum, u l-imħabba tiegħek għall-Awtur tagħha se tikber
[Stampa f’paġna 26]
Ittra hi meqjusa li ġejja minn min iffirmaha