Għala Għandek Tpoġġi s-Servizz taʼ Ġeħova l-Ewwel?
“Fommi stess se jitkellem dwar is-sewwa tiegħek, il-jum kollu nitkellem dwar is-salvazzjoni tiegħek.”—SALM 71:15.
INT KIF TWIEĠEB?
Noè, Mosè, Ġeremija, u Pawlu għala poġġew lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjithom?
X’se jgħinek tiddeċiedi x’tagħmel b’ħajtek?
Għaliex int determinat li tpoġġi s-servizz taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajtek?
1, 2. (a) Wieħed li jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova xi jkun qed juri? (b) Kif jistgħu jgħinuna l-eżempji taʼ Noè, Mosè, Ġeremija, u Pawlu?
META tiddedika lilek innifsek lil Alla u ssir segwaċi mgħammed taʼ Ġesù, int tkun qed tagħmel pass serju ħafna. Id-dedikazzjoni tiegħek lil Alla hija l-iktar deċiżjoni serja li int bħala individwu tistaʼ tieħu. Ikun bħallikieku qed tgħid: ‘Ġeħova, irridek tkun Sidi f’kull aspett taʼ ħajti. Jien il-qaddej tiegħek. Irridek tgħidli kif għandi nuża l-ħin tiegħi, x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tiegħi, u kif għandi nuża l-abbiltajiet tiegħi u kulma għandi.’
2 Jekk int Kristjan dedikat, dan hu bażikament dak li wegħedt lil Ġeħova. Taʼ min ifaħħrek għal din id-deċiżjoni; għamilt ħaġa tajba u għaqlija. Iżda l-fatt li aċċettajt lil Ġeħova bħala Sidek kif se jeffettwa l-mod taʼ kif tuża l-ħin tiegħek? L-eżempji taʼ Noè, Mosè, Ġeremija, u l-appostlu Pawlu jistgħu jgħinuna neżaminaw din il-mistoqsija. Kull wieħed minnhom qeda lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Is-sitwazzjoni tagħna tixbah lil tagħhom. Id-deċiżjonijiet li ħadu rigward il-prijoritajiet tagħhom jistgħu jinkuraġġuna neżaminaw kif qed nużaw il-ħin tagħna.—Mt. 28:19, 20; 2 Tim. 3:1.
QABEL ID-DILLUVJU
3. Żmienna kif inhu bħal żmien Noè?
3 Ġesù għamel xebh bejn żmien Noè u żmienna. Hu qal: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.” In-nies “kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll.” (Mt. 24:37-39) Il-biċċa l-kbira tan-nies illum jgħixu mingħajr ma jagħtu kas l-urġenza taʼ żminijietna. Ma jħabblux rashom mit-twissijiet li qegħdin jagħtu l-qaddejja t’Alla. Ħafna saħansitra jwaqqgħu għaċ-ċajt l-idea li Alla se jeqred in-nies mill-agħar—l-istess bħalma għamlu n-nies fi żmien Noè. (2 Pt. 3:3-7) Madankollu, f’ambjent daqshekk ostili, Noè kif użah il-ħin tiegħu?
4. Noè kif uża ħinu wara li ngħata l-inkarigu tiegħu mingħand Ġeħova, u għala?
4 Wara li ġie informat b’dak li kien biħsiebu jagħmel Alla u wara li ngħata l-inkarigu tiegħu mingħandu, Noè bena arka biex jiġu salvati n-nies u l-annimali. (Ġen. 6:13, 14, 22) Ukoll, Noè wissa dwar il-ġudizzju li kien riesaq taʼ Ġeħova. L-appostlu Pietru jsejjaħlu “predikatur tal-ġustizzja.” B’hekk, hu wera li Noè stinka biex jgħin lin-nies taʼ madwaru jifhmu s-serjetà tas-sitwazzjoni tagħhom. (Aqra t-2 Pietru 2:5.) Taħseb li kien ikun raġunevoli għal Noè u familtu li jikkonċentraw l-iżjed fuq li jibdew xi negozju, li jkunu l-aħjar fost in-nies taʼ żmienhom, jew li jkollhom ħajja komda? Dażgur li le! Minħabba li kienu jafu x’kien ġej, huma evitaw tfixkil bħal dan.
L-GĦAŻLIET TAʼ PRINĊEP EĠIZZJAN
5, 6. (a) Għal xiex x’aktarx kellha tippreparah l-edukazzjoni li ħa Mosè? (b) Mosè għala warrab il-possibbiltajiet li ġew offruti lilu fl-Eġittu?
5 Issa, ejja naraw l-eżempju taʼ Mosè. Hu trabba f’palazz Eġizzjan bħala t-tifel adottiv taʼ bint il-Fargħun. Bħala prinċep żagħżugħ, kien edukat “fl-għerf kollu taʼ l-Eġizzjani.” (Atti 7:22; Eżo. 2:9, 10) Din l-edukazzjoni x’aktarx kienet maħsuba biex tippreparah għal karriera fil-palazz tal-Fargħun. Mosè setaʼ sar prominenti fl-iktar gvern setgħan taʼ dak iż-żmien u setaʼ għex fil-lussu u gawda l-privileġġi u l-pjaċiri li pożizzjoni bħal din setgħet toffrilu. Imma kienu dawn l-affarijiet importanti għal Mosè?
6 Minħabba t-taħriġ li ngħata mingħand il-ġenituri veri tiegħu fit-tfulija, Mosè x’aktarx li kien jaf dak li Ġeħova kien wiegħed lill-antenati tiegħu Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Mosè kellu l-fidi f’dawn il-wegħdi. Żgur li kien ħaseb fil-fond dwar il-futur tiegħu u l-lealtà tiegħu lejn Ġeħova. Allura meta wasal iż-żmien biex jagħżel bejn li jkun prinċep Eġizzjan jew inkella lsir Iżraeli, xi ddeċieda hu? Mosè “għażel li jkun trattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok ma jkollu t-tgawdija temporanja tad-dnub.” (Aqra Ebrej 11:24-26.) Iktar tard, hu segwa l-gwida taʼ Ġeħova dwar kif kellu juża ħajtu. (Eżo. 3:2, 6-10) Mosè għala għamel dan? Għax emmen fil-wegħdi t’Alla. Hu fehem li ma kienx hemm futur għalih fl-Eġittu. Tabilħaqq, dan in-nazzjon ma damx ma ġie kkastigat b’għaxar kastigi minn Alla. Taraha t-tagħlima li hemm f’dan għal dawk dedikati lil Ġeħova llum? Minflok ma jkun ħsiebna f’xi karriera jew kwalunkwe tgawdija taʼ din is-sistema, il-prijoritajiet tagħna għandhom ikunu Ġeħova u s-servizz tiegħu.
ĠEREMIJA KIEN JAF X’KIEN SE JIĠRI
7. Is-sitwazzjoni taʼ Ġeremija kif kienet bħal tagħna?
7 Xi ħadd ieħor li poġġa s-servizz taʼ Ġeħova l-ewwel kien il-profeta Ġeremija. Ġeħova inkariga lil Ġeremija bħala l-profeta tiegħu biex jipprietka messaġġ taʼ ġudizzju fuq Ġerusalemm u Ġuda, li kienu apostati. Biex ngħidu hekk, Ġeremija għex “fl-aħħar parti tal-jiem.” (Ġer. 23:19, 20) Kien jaf tajjeb li s-sistema li kien jgħix fiha ma kinitx se tkompli sejra kif kienet.
8, 9. (a) Il-ħsib taʼ Baruk għala kellu bżonn jiġi aġġustat? (b) X’għandu jkollna f’moħħna meta nippjanaw xi ħaġa?
8 X’ma għamilx Ġeremija minħabba dak li kien jemmen fih? Ma pprovax jibni futur f’dik is-sistema kundannata. X’sens kien ikun hemm f’li jagħmel dan? Madankollu, għal xi żmien, is-segretarju taʼ Ġeremija, Baruk, ma kienx qed jara l-affarijiet ċar. Allura, Alla nebbaħ lil Ġeremija biex jgħid lis-segretarju tiegħu: “Ara! Dak li bnejt se nġarrfu, u dak li ħawwilt se naqilgħu, iva, il-pajjiż kollu. Imma int, int qed tfittex ħwejjeġ kbar għalik innifsek. Tibqax tfittixhom. Għax, ara, se nġib gwaj kbir fuq kull ħliqa tal-laħam, . . . u lilek nagħtik ruħek bħala priża kulfejn tmur.”—Ġer. 45:4, 5.
9 Ma nistgħux inkunu ċerti liema “ħwejjeġ kbar” kien qed ifittex Baruk għalih innifsu. a Iżda nafu li kienu affarijiet li ma kellhomx futur, affarijiet li kellhom jispiċċaw meta l-Babiloniżi rebħu lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Tara li hemm xi tagħlima f’dan għalina? Sabiex niksbu l-bżonnijiet tal-ħajja jkun hemm bżonn li nagħmlu xi pjanijiet għall-futur. (Prov. 6:6-11) Imma kemm ikun għaqli li ninvestu ħafna ħin u enerġija biex niġru wara affarijiet li m’għandhomx valur dejjiemi? Ngħiduha kif inhi, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tkompli tippjana għal Swali tas-Saltna, uffiċċji tal-fergħa, u proġetti teokratiċi ġodda oħrajn. Madankollu, dawn il-pjanijiet għandhom futur għaliex l-iskop tagħhom hu li jappoġġaw is-Saltna. Ikun xieraq jekk il-poplu dedikat kollu taʼ Ġeħova jkollu l-istess prijoritajiet meta jippjana. Tħossok int konvint li qed ‘tfittex l-ewwel is-saltna u s-sewwa taʼ Ġeħova’?—Mt. 6:33.
“INQISHOM BĦALA QABDA SKART”
10, 11. (a X’kien importanti għal Pawlu qabel ma sar Kristjan? (b) Il-prijoritajiet taʼ Pawlu għala nbidlu kompletament?
10 Fl-aħħar, ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ Pawlu. Qabel ma kkonverta għall-Kristjanità, hu kellu dak li deher li hu futur promettenti. Kien studja l-liġi Lhudija maʼ wieħed mill-iktar għalliema magħrufin taʼ żmienu. Kien irċieva l-awtorità mill-qassis il-kbir Lhudi. U kien qed jagħmel iżjed progress fil-Ġudaiżmu milli kienu qed jagħmlu ħafna nies tal-età tiegħu. (Atti 9:1, 2; 22:3; 26:10; Gal. 1:13, 14) Madankollu, dan kollu nbidel meta Pawlu rrealizza li Ġeħova ma kienx għadu qed ibierek lil-Lhud bħala nazzjon.
11 Pawlu fehem li karriera fis-sistema Lhudija ma kellhiex valur mill-ħarsa taʼ Ġeħova; ma kellhiex futur. (Mt. 24:2) Dan li darba kien Fariżew wasal sal-punt li jgħid li dak li darba qiesu importanti issa jikkunsidrah bħala “qabda skart” meta mqabbel mal-fehma iktar eżatta u ġdida tal-iskopijiet t’Alla u l-privileġġ tal-ministeru Kristjan. Pawlu telaq ir-reliġjon Lhudija u ddedika l-bqija taʼ ħajtu fuq l-art għall-ippritkar tal-aħbar tajba.—Aqra Filippin 3:4-8, 15; Atti 9:15.
EŻAMINA L-PRIJORITAJIET TIEGĦEK
12. X’kienet il-prijorità taʼ Ġesù wara li ġie mgħammed?
12 Noè, Mosè, Ġeremija, Pawlu, u ħafna oħrajn bħalhom użaw il-biċċa l-kbira tal-ħin u l-enerġija tagħhom fis-servizz taʼ Ġeħova. Huma eżempji tajbin għalina. M’għandniex xi ngħidu, l-aqwa eżempju mill-qaddejja dedikati kollha taʼ Ġeħova huwa Ġesù. (1 Pt. 2:21) Wara li ġie mgħammed, Ġesù ddedika l-bqija taʼ ħajtu fuq l-art għall-ippritkar tal-aħbar tajba u biex jonora lil Ġeħova. Allura, li naqdu lil Ġeħova għandu jkun prijorità għal kull Kristjan li jsegwi l-eżempju taʼ Ġesù u jaċċetta lil Ġeħova bħala s-Sid tiegħu. Xi ngħidu għalik? Kif nistgħu nagħmlu iktar għal Ġeħova u fl-istess ħin nieħdu ħsieb responsabbiltajiet oħrajn?—Aqra Salm 71:15; 145:2.
13, 14. (a) Il-Kristjani dedikati kollha x’inhuma inkuraġġiti li jikkunsidraw? (b) Liema sodisfazzjon jistaʼ jgawdi l-poplu t’Alla?
13 Matul is-snin, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova inkuraġġiet b’mod ripetut lill-Kristjani biex jikkunsidraw bit-talb jekk jistgħux jaqdu bħala pijunieri. Għal raġunijiet differenti, iċ-ċirkustanzi taʼ wħud mill-qaddejja leali taʼ Ġeħova ma jippermettulhomx jiddedikaw medja taʼ 70 siegħa kull xahar għax-xogħol tal-ippritkar. M’għandhomx iħossuhom imnikktin dwar dan. (1 Tim. 5:8) Imma xi ngħidu għalik? Tassew li ma tistax tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier?
14 Aħseb ftit dwar il-ferħ li ħafna mill-poplu t’Alla esperjenza matul iż-żmien tat-Tifkira din is-sena. Matul Marzu, provvediment speċjali ppermetta lill-pijunieri awżiljarji biex jagħżlu jekk għandhomx jiddedikaw 30 jew 50 siegħa għas-servizz tal-għalqa. (Salm 110:3) Miljuni t’aħwa taw sehemhom fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju, u l-kongregazzjonijiet kienu mimlijin eċċitament u ferħ. Tistaʼ int tirranġa l-affarijiet tiegħek biex tesperjenza ferħ bħal dan iżjed spiss? Fit-tmiem taʼ kull ġurnata, se jkun taʼ sodisfazzjon kbir għal Kristjan dedikat li jkun jistaʼ jgħid, “Ġeħova, għamilt kulma stajt fis-servizz tiegħek.”
15. X’għandha tkun il-mira taʼ Kristjan żagħżugħ waqt li għadu l-iskola?
15 Jekk int wieħed li dalwaqt tispiċċa l-iskola, probabbilment qed tgawdi saħħa tajba u ftit għandek responsabbiltajiet. Ikkunsidrajt int bis-serjetà li taqdi bħala pijunier regulari? M’hemmx dubju li dawk li jagħtu l-pariri fl-iskola sinċerament jemmnu li jkun għall-ġid tiegħek jekk tistinka għal edukazzjoni ogħla u tippjana għal karriera sekulari. Madankollu, il-fiduċja tagħhom qiegħda f’sistema soċjali u finanzjarja li m’għandhiex futur dejjiemi. Min-naħa l-oħra, jekk tistinka għal karriera teokratika tkun qed tistinka għal mira dejjiema u taʼ min jaħdem għaliha. Ukoll, tkun qed issegwi l-eżempju perfett taʼ Ġesù. Deċiżjoni għaqlija bħal din se tagħmlek ferħan. Se tipproteġik. U se turi li int determinat li tgħix skont id-dedikazzjoni tiegħek lil Ġeħova.—Mt. 6:19-21; 1 Tim. 6:9-12.
16, 17. Liema mistoqsijiet iqumu dwar ix-xogħol sekulari u s-servizz taʼ Ġeħova?
16 Ħafna mill-qaddejja t’Alla llum jaħdmu sigħat twal biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tal-familji tagħhom. Madankollu, xi wħud għandhom mnejn qed jaħdmu iżjed sigħat milli hu neċessarju. (1 Tim. 6:8) Id-dinja kummerċjali qed tagħmel l-almu tagħha biex tikkonvinċina li ma nistgħux ngħixu mingħajr il-ħafna prodotti tagħha u kull mudell ġdid li joħroġ fis-suq. Imma l-Kristjani veri ma jridux lid-dinja taʼ Satana tiddettalhom il-prijoritajiet tagħhom. (1 Ġw. 2:15-17) Xi ngħidu fil-każ taʼ dawk li rtiraw mix-xogħol sekulari tagħhom? L-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu hi li jużaw ħinhom fix-xogħol taʼ pijunier u li jpoġġu s-servizz taʼ Ġeħova l-ewwel.
17 Il-qaddejja dedikati kollha taʼ Ġeħova jistgħu jistaqsu lilhom infushom: X’inhi l-mira prinċipali tiegħi f’ħajti? Qiegħed inpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel? Nimita jien l-attitudni taʼ sagrifiċċju persunali li kellu Ġesù? Qiegħed nieħu l-parir taʼ Ġesù biex insegwih kontinwament? Nistaʼ jien naġġusta l-iskeda tiegħi sabiex niddedika iktar ħin għax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna jew għal attivitajiet oħrajn fis-servizz taʼ Ġeħova? Anke jekk iċ-ċirkustanzi tiegħi fil-preżent ma jippermettulix inkabbar is-servizz tiegħi, qiegħed jien inkompli nrawwem spirtu taʼ sagrifiċċju persunali?
‘BIEX IKOLLOK IR-RIEDA U BIEX TAĠIXXI’
18, 19. Dwar xiex tistaʼ titlob, u għala talba bħal din tkun togħġob lil Ġeħova?
18 Hija ħaġa sabiħa li tara ż-żelu tal-poplu t’Alla. Madankollu, xi wħud jistgħu ma jħossuhomx miġbudin b’mod partikulari biex jaqdu bħala pijunieri jew iħossu li mhumiex kwalifikati biżżejjed biex jagħmlu dan—anke jekk iċ-ċirkustanzi tagħhom jippermettulhom. (Eżo. 4:10; Ġer. 1:6) Xi ngħidu jekk tħossok hekk? Jistaʼ dan ikun suġġett tajjeb biex titlob dwaru? Ċertament! Pawlu qal lil sħabu fit-twemmin li Ġeħova, “għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-rieda u kemm biex taġixxu.” (Flp. 2:13) Jekk ma tħossokx imħeġġeġ biex tkabbar il-ministeru tiegħek, itlob lil Ġeħova biex jagħtik kemm ix-xewqa kif ukoll l-abbiltà biex tagħmel dan.—2 Pt. 3:9, 11.
19 Noè, Mosè, Ġeremija, Pawlu, u Ġesù kollha kienu nies devoti. Huma użaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex ixandru l-messaġġ taʼ twissija taʼ Ġeħova. Ma ħallewx lilhom infushom jiġu aljenati. It-tmiem tas-sistema preżenti hu imminenti; b’hekk, kull wieħed u waħda minna li ddedika lilu nnifsu lil Alla jeħtieġ li jkun ċert li qed ikompli jagħmel l-aħjar tiegħu f’li jsegwi dawn l-eżempji Skritturali eċċellenti. (Mt. 24:42; 2 Tim. 2:15) Billi nagħmlu dan, aħna nistgħu nogħġbu lil Ġeħova u naħsdu l-barkiet għonja tiegħu.—Aqra Malakija 3:10.
[Nota ta’ taħt]
a Ara l-ktieb Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija, paġni 104-106.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Stampa f’paġna 21]
In-nies ma tawx kas it-twissija taʼ Noè
[Stampa f’paġna 24]
Ikkunsidrajt int bis-serjetà li taqdi bħala pijunier regulari?