“Oqogħdu Attenti mill-Ħmira tal-Fariżej”
Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej, li hi l-ipokrisija.” (Lq. 12:1) Rakkont simili tal-kliem taʼ Ġesù jagħmilha ċara li hu kien qed jikkundanna “t-tagħlim” tal-Fariżej.—Mt. 16:12.
Il-Bibbja kultant tuża l-kelma “ħmira” bħala simbolu tal-korruzzjoni. Bla dubju, kemm it-tagħlim kif ukoll l-attitudni tal-Fariżej kellhom effett ħażin fuq dawk li kienu jisimgħuhom. It-tagħlim tal-Fariżej, għala kien perikoluż?
1 Il-Fariżej kienu mkabbrin u kienu jemmnu li kienu aħjar u iktar ġusti minn nies oħrajn.
Ġesù tkellem dwar din l-attitudni ħażina f’waħda mill-parabboli tiegħu. Hu qal: “Il-Fariżew qam u beda jitlob hekk f’qalbu, ‘O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, imbroljuni, ma jagħmlux is-sewwa, adulteri, jew saħansitra bħal dan il-kollettur tat-taxxi. Insum darbtejn fil-ġimgħa, nagħti l-għexur taʼ dak kollu li nikseb.’ Imma l-kollettur tat-taxxi wieqaf ’il bogħod lanqas ried saħansitra jgħolli għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid, ‘O Alla, kun ħanin miegħi għax jien midneb.’”—Lq. 18:11-13.
Ġesù faħħar l-attitudni taʼ umiltà li wera l-kollettur tat-taxxi, billi qal: “Ngħidilkom, Dan niżel lejn daru magħdud bħala raġel sewwa iktar mill-[Fariżew]; għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat, imma min jumilja ruħu jitgħolla.” (Lq. 18:14) Għalkemm il-kolletturi tat-taxxi kienu magħrufin bħala wħud diżonesti, Ġesù fittex li jgħin minn fosthom lil dawk li kienu jagħtuh widen. Minn tal-inqas żewġ kolletturi tat-taxxi—Mattew u Żakkew—saru segwaċi tiegħu.
Xi ngħidu jekk jgħaddilna minn moħħna li aħna aħjar minn oħrajn minħabba l-abbiltajiet jew il-privileġġi li tana Alla jew minħabba n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tal-oħrajn? Għandna nwarrbuhom mill-ewwel ħsibijiet bħal dawn, għax l-Iskrittura tgħid: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-ħsara. Ma tithenniex bl-inġustizzja, imma tithenna bil-verità.”—1 Kor. 13:4-6.
Għandu jkollna attitudni simili għal dik tal-appostlu Pawlu. Wara li semma li “Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lill-midinbin,” Pawlu żied jgħid: “Fosthom jien l-iktar li nispikka.”—1 Tim. 1:15.
Mistoqsijiet għall-meditazzjoni:
Nirrikonoxxi li jien midneb u li s-salvazzjoni tiegħi tiddependi mill-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova? Jew inħares lejn is-snin twal taʼ servizz leali, il-privileġġi fl-organizzazzjoni t’Alla, jew l-abbiltajiet li għandi bħala bażi biex inħossni superjuri għal oħrajn?
2 Il-Fariżej kienu jagħmlu affarijiet għal għajn in-nies biex jidhru li huma ġusti. Xtaqu l-prominenza u titli biex jiftaħru bihom.
Imma Ġesù wissa: “Kulma jagħmlu jagħmluh għal għajn in-nies; għax ikabbru l-filatteri tagħhom u jtawlu l-freneż taʼ lbieshom. Iħobbu l-iktar post prominenti fl-ikliet taʼ fil-għaxija u s-siġġijiet taʼ quddiem fis-sinagogi, u t-tislim fis-swieq u li jissejħu Rabbi min-nies.” (Mt. 23:5-7) Agħmel kuntrast bejn l-attitudni tagħhom u bejn dik taʼ Ġesù. Għalkemm kien l-Iben perfett t’Alla, kien umli. Meta ċertu raġel sejjaħlu “tajjeb,” Ġesù qallu: “Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.” (Mk. 10:18) Darb’oħra, Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu biex jgħallimhom li dejjem għandhom ikunu umli.—Ġw. 13:1-15.
Kristjan veru għandu jaqdi lil sħabu fit-twemmin. (Gal. 5:13) Dan hu speċjalment minnu fil-każ taʼ dawk li jixtiequ jikkwalifikaw bħala indokraturi fil-kongregazzjoni. Huwa xieraq li wieħed “jirsisti għal kariga taʼ indokratur,” imma din il-mira għandha tinbet minn xewqa biex jgħin lil oħrajn. Din il-“kariga” mhijiex xi pożizzjoni taʼ prominenza jew poter. Dawk li jaqdu bħala indokraturi għandhom bżonn ikunu ‘umli fil-qalb,’ bħalma kien Ġesù.—1 Tim. 3:1, 6; Mt. 11:29.
Mistoqsijiet għall-meditazzjoni:
Għandi jien it-tendenza li niffavorixxi lil dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni, forsi bit-tama li nikseb il-prominenza jew xi privileġġi oħrajn? Fil-qima tiegħi, nippreferi li nagħmel affarijiet biex ħaddieħor jinnotani u jfaħħarni? Tabilħaqq, dejjem qed nipprova nkun aħjar minn ħaddieħor?
3 Ir-regoli u t-tradizzjonijiet tal-Fariżej għamlu l-ħajja diffiċli għan-nies komuni.
Ġeħova ta l-Liġi tiegħu lill-Iżraelin biex jurihom kif għandhom iqimuh. Imma ma qalilhomx sal-iċken dettall dak li kellhom bżonn jagħmlu sabiex jobdu din il-Liġi. Pereżempju, il-Liġi pprojbiet ix-xogħol f’jum is-Sabat, imma ma tatx lista tal-affarijiet li kellhom jew ma kellhomx jagħmlu f’dan il-jum. (Eżo. 20:10) Il-Fariżej żiedu r-regoli u t-tradizzjonijiet tagħhom stess għax ħasbu li l-Liġi taʼ Ġeħova ma tatx informazzjoni biżżejjed. Ġesù obda l-Liġi t’Alla, imma m’obdiex ir-regoli stretti miżjudin mill-Fariżej. (Mt. 5:17, 18; 23:23) Hu fehem ir-raġuni għala nkitbu l-liġijiet t’Alla, u kien jaf li Alla ried li n-nies juru ħniena u mogħdrija. Kien raġunevoli, saħansitra meta s-segwaċi tiegħu ddiżappuntawh. Pereżempju, għalkemm ħeġġeġ lil tlieta mill-appostli tiegħu biex jibqgħu mqajmin u jibqgħu għassa fil-lejl tal-arrest tiegħu, huma raqdu ripetutament. Minkejja dan, hu b’simpatija rrimarka: “Naturalment, l-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.”—Mk. 14:34-42.
Mistoqsijiet għall-meditazzjoni:
Nagħmel jien regoli stretti u nipprova nġiegħel lil ħaddieħor jobdihom? Dejjem irrid li oħrajn jagħmlu dak li naħseb jien li hu sewwa? Jien raġunevoli f’dak li nistenna minn oħrajn?
Irrifletti fuq il-kuntrast li hemm bejn it-tagħlim taʼ Ġesù u bejn dak tal-Fariżej. Tara modi li fihom tistaʼ titjieb? Jekk iva, agħmel l-almu tiegħek biex tagħmel hekk!
[Stampa f’paġna 28]
Il-Fariżej kienu jilbsu l-filatteri.—Mt. 23:2, 5
[Stampi f’paġna 29]
Kuntrarju għall-Fariżej imkabbrin, anzjani Kristjani umli jaqdu lil oħrajn
[Stampa f’paġna 30]
Bħal Ġesù, raġunevoli int f’dak li tistenna minn oħrajn?