Żomm Sens t’Urġenza
“Ippriedka l-kelma u agħmel dan b’urġenza.”—2 TIM. 4:2.
TISTAʼ TISPJEGA?
Il-Kristjani tal-ewwel seklu għala ppritkaw b’urġenza?
Kif nistgħu nżommu sens t’urġenza?
L-ippritkar tas-Saltna għala hu iktar urġenti issa minn qatt qabel?
1, 2. Liema mistoqsijiet iqumu dwar il-kmand biex ‘nippritkaw b’urġenza’?
IN-NIES li xogħolhom hu li jsalvaw il-ħajjiet ġeneralment jaħdmu b’sens t’urġenza. Pereżempju, il-pompiera jwieġbu malajr għal xi emerġenza għax jafu li jistaʼ jkun hemm il-ħajjiet fil-periklu.
2 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna rridu ngħinu lin-nies isalvaw. Għaldaqstant, niħduh bis-serjetà l-inkarigu tagħna biex nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. M’għandniex xi ngħidu, ma niġrux ’l hemm u ’l hawn bl-addoċċ. Allura, l-appostlu Pawlu x’ried ifisser meta ta dan il-parir: “Ippriedka l-kelma u agħmel dan b’urġenza”? (2 Tim. 4:2) Kif nistgħu nippritkaw b’urġenza? U xogħolna għala hu daqstant urġenti?
L-IPPRITKAR TAGĦNA GĦALA HU URĠENTI?
3. X’jistaʼ jkun ir-riżultat jekk in-nies jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna jew ma jaċċettawhx?
3 Meta taħseb dwar kif ix-xogħol tal-ippritkar tagħna jistaʼ jsalva l-ħajjiet, x’aktarx li tħoss bżonn urġenti li tgħid lil oħrajn dwar l-aħbar tajba. (Rum. 10:13, 14) Il-Kelma t’Alla tgħid: “Meta ngħid lill-ħażin: ‘Żgur se tmut,’ u hu fil-fatt idur lura mid-dnub tiegħu u jwettaq il-ġustizzja u s-sewwa, . . . hu żgur jibqaʼ jgħix. Ma jmutx. Ebda wieħed mid-dnubiet li dineb bihom ma se jitfakkar kontrih.” (Eżek. 33:14-16) Il-Bibbja tgħid lil dawk li jgħallmu l-messaġġ tas-Saltna: “Issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.”—1 Tim. 4:16; Eżek. 3:17-21.
4. L-apostasija għala għamlet l-ippritkar fl-ewwel seklu urġenti?
4 Biex tapprezza għala Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex jipprietka b’urġenza, ikkunsidra ftit mill-kuntest tal-iskrittura tat-tema. Naqraw: “Ippriedka l-kelma u agħmel dan b’urġenza fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet, widdeb, ċanfar, ħeġġeġ, bil-paċenzja kollha u bl-arti tat-tagħlim. Għax ikun hemm perijodu taʼ żmien meta ma jittollerawx it-tagħlim mimli saħħa, imma, fi qbil max-xewqat tagħhom, jiġbru għalliema madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom; u jbiegħdu widnejhom mill-verità.” (2 Tim. 4:2-4) Ġesù kien bassar li kien se jkun hemm apostasija. (Mt. 13:24, 25, 38) Għalhekk, kien urġenti li Timotju ‘jipprietka l-kelma’ saħansitra fil-kongregazzjoni sabiex din l-apostasija ma tattirax lill-Kristjani u tqarraq bihom b’tagħlim falz. Ħajjithom kienet fil-periklu. Xi ngħidu għal-lum?
5, 6. Maʼ liema ideat popolari għandna mnejn niltaqgħu fil-ministeru tagħna?
5 L-apostasija mill-qima vera issa kibret u nfirxet. (2 Tess. 2:3, 8) Liema tagħlim jgħarrax widnejn in-nies illum? F’ħafna postijiet, l-evoluzzjoni hi mgħallma bl-istess sentimenti qawwijin li n-nies għandhom għar-reliġjon tagħhom. Avolja x-xjenza s-soltu tintuża biex tispjega u tappoġġa l-evoluzzjoni, l-evoluzzjoni saret kważi reliġjon sekulari, u teffettwa l-mod kif in-nies iqisu lil Alla u lil oħrajn. Tagħlim popolari ieħor hu li Alla mhuwiex interessat fina; b’hekk, aħna m’għandniex għalfejn inkunu interessati fih. Miljuni taʼ nies għala jagħtu widen għal dan it-tagħlim li jwaqqafhom milli jkollhom relazzjoni m’Alla? Iż-żewġ tagħlimiet għandhom l-istess messaġġ bażiku, ‘Tistaʼ tagħmel li trid għax mhux se tintalab tagħti kont.’ Dan verament hu messaġġ li għarrax widnejn ħafna nies.—Aqra Salm 10:4.
6 Imma dan mhuwiex l-uniku mod kif in-nies qed jintgħarrxulhom widnejhom. Xi wħud li għadhom imorru l-knisja jieħdu pjaċir meta dawk li jgħallmuhom jgħidulhom, ‘Tagħmel x’tagħmel, Alla xorta jħobbok.’ Il-qassisin u l-kappillani jgħarrxu widnejn oħrajn billi jikkonvinċuhom li ċ-ċerimonji, il-Quddies, il-festi, u x-xbihat għandhom il-barka t’Alla. Dawk li jmorru l-knisja għandhom mnejn ma jirrealizzawx kemm hi perikoluża s-sitwazzjoni tagħhom. (Salm 115:4-8) Però, jekk nistgħu nqajmuhom spiritwalment sabiex jifhmu l-messaġġ veru tal-Bibbja, jistgħu jibbenefikaw mis-Saltna t’Alla.
L-IPPRITKAR B’URĠENZA XI JFISSER?
7. Kif nistgħu nuru s-sens t’urġenza tagħna?
7 Kirurgu tajjeb għandu jagħti attenzjoni sħiħa lil xogħlu għax hemm il-ħajjiet fin-nofs. Fil-ministeru Kristjan tagħna, nistgħu nuru sens t’urġenza billi nikkonċentraw fuq xogħolna. Dan nistgħu nagħmluh billi naħsbu dwar liema kwistjonijiet, mistoqsijiet, jew informazzjoni tistaʼ tkun taʼ interess għan-nies li niltaqgħu magħhom. Sens t’urġenza jistaʼ jqanqalna wkoll biex naġġustaw l-iskeda tagħna ħalli nżuru lin-nies meta jkunu iktar lesti li jagħtu widen għall-messaġġ tagħna.—Rum. 1:15, 16; 1 Tim. 4:16.
8. Xi jfisser li jkollok sens t’urġenza?
8 Li jkollok sens t’urġenza jfisser ukoll li tagħmel il-prijoritajiet. (Aqra Ġenesi 19:15.) Pereżempju, immaġina li wara li tirċievi r-riżultat taʼ xi test mediku, it-tabib isejjaħlek fl-uffiċċju tiegħu u jgħidlek: “Għandek problema taʼ saħħa urġenti u m’għandekx iktar minn xahar żmien biex tagħmel xi ħaġa dwarha.” Int kieku x’tagħmel? X’aktarx li ma titlaqx tiġri mill-uffiċċju tiegħu biex tagħmel xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni. Imma tismaʼ b’attenzjoni dak li hu jaħseb li għandek tagħmel, tmur id-dar, u taħseb bis-serjetà dwar il-prijoritajiet tiegħek.
9. Għala nistgħu ngħidu li Pawlu pprietka b’urġenza waqt li kien Efesu?
9 Nistgħu nitgħallmu mis-sens t’urġenza taʼ Pawlu billi naqraw dak li qal lill-anzjani minn Efesu dwar l-ippritkar tiegħu tal-aħbar tajba fid-distrett tal-Asja. (Aqra Atti 20:18-21.) Milli jidher, mill-ewwel ġurnata li wasal hemmhekk, hu ħadem bla heda biex iżur lin-nies minn dar għal dar bl-aħbar tajba. Barra minn hekk, għal sentejn kellu skeda regulari taʼ li “kuljum kien jagħti taħditiet fis-sala taʼ l-iskola taʼ Tirannu.” (Atti 19:1, 8-10) B’mod ċar, is-sens t’urġenza taʼ Pawlu influwenza r-rutina tiegħu. Il-parir biex nippritkaw bl-urġenza mhuwiex intenzjonat biex iġegħelna nħossu li x-xogħol tal-ippritkar hu wisq għalina. Minkejja dan, ix-xogħol tal-ippritkar għandu jingħata prijorità f’ħajjitna.
10. Għala nistgħu nkunu ferħanin li l-Istudenti tal-Bibbja bdew jippritkaw b’urġenza?
10 Qabel l-1914, grupp żgħir taʼ Studenti tal-Bibbja bdew jippritkaw l-aħbar tajba. L-eżempju tagħhom jurina xi jfisser li jkollok sens t’urġenza. Għalkemm kienu biss ftit eluf, kienu jafu li kienu qed jgħixu fi żminijiet urġenti u bdew jippritkaw dwar is-Saltna biż-żelu. Kellhom prietki stampati f’mijiet taʼ gazzetti u wrew programm taʼ slajds bil-kulur u bi stampi jiċċaqalqu msejjaħ il-“Photo-Drama of Creation.” Bix-xogħol tal-Istudenti tal-Bibbja, miljuni taʼ nies semgħu dwar l-aħbar tajba. Minħabba li l-Istudenti tal-Bibbja kellhom sens t’urġenza, kien possibbli għal ħafna minna li nisimgħu dwar is-Saltna.—Aqra Salm 119:60.
OQGĦOD ATTENT LI MA TITLIFX IS-SENS T’URĠENZA
11. Xi wħud kif tilfu s-sens t’urġenza tagħhom?
11 L-aljenazzjonijiet jistgħu jwaqqfu lil dak li jkun milli jaħseb dwar kemm hu importanti x-xogħol tal-ippritkar. Satana juża din is-sistema dinjija biex jaljenana mis-servizz taʼ Ġeħova billi juża interessi persunali u affarijiet li mhumiex importanti biex jipprova jżommna beżlin. (1 Pt. 5:8; 1 Ġw. 2:15-17) Xi nies li darba kienu jpoġġu s-servizz taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajjithom tilfu s-sens t’urġenza tagħhom. Pereżempju, Dema kien Kristjan li ħadem spalla maʼ spalla mal-appostlu Pawlu, imma iktar tard ġie aljenat mid-dinja. Minflok ma kompla jinkuraġġixxi lil Pawlu matul żmien diffiċli, Dema abbandunah.—2 Tim. 4:10; Flm. 23, 24.
12. (a) Liema opportunità għandna issa? (b) Liema opportunitajiet se jkollna fil-futur?
12 Jekk irridu nżommu s-sens t’urġenza, hemm bżonn li nirreżistu t-tentazzjoni biex nagħmlu affarijiet li jaljenawna mix-xogħol tal-ippritkar tagħna. Għandna nirsistu biex ‘naqbdu qabda soda mal-ħajja vera.’ (1 Tim. 6:18, 19) Int bla dubju temmen li l-ħajja taʼ dejjem fuq l-art taħt is-Saltna t’Alla se tagħtina opportunitajiet li ma jispiċċaw qatt biex ingawdu attivitajiet interessanti. Imma għal issa, l-opportunità biex ngħinu lil oħrajn jgħaddu ħajjin minn Armageddon hi unika għal żmienna.
13. Issa li sirna Kristjani, kif nistgħu nżommu s-sens t’urġenza tagħna?
13 Peress li l-biċċa l-kbira min-nies fid-dinja taʼ madwarna ma jafux lil Ġeħova, x’jistaʼ jgħinna biex ma nitilfux is-sens t’urġenza tagħna? Irridu niftakru li forsi kien hemm żmien meta aħna wkoll ma konniex nafu lil Alla u ma kellniex tama għall-futur. Imma tgħallimna l-verità dwar Ġeħova u Ġesù, u issa għandna l-privileġġ li ngħallmu lil oħrajn dwar il-verità. (Aqra Efesin 5:14.) Pawlu kiteb: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief, u użaw il-ħin bl-aħjar mod, għax il-jiem huma ħżiena.” (Efes. 5:15, 16) F’din id-dinja mill-agħar, ejja ‘nużaw il-ħin’ għal attivitajiet li jistgħu jżommuna mqajmin spiritwalment.
NGĦIXU FI ŻMIEN IMPORTANTI FERM
14-16. L-ippritkar tas-Saltna għala hu iktar urġenti issa minn qatt qabel?
14 Il-ministeru Kristjan minn dejjem kien urġenti. Imma issa hu iktar urġenti minn qatt qabel. Mill-1914 ’l hawn, rajna ħafna ġrajjiet iseħħu fuq l-art eżatt bħalma bassret il-Bibbja. (Mt. 24:3-51) Il-bnedmin kollha huma mheddin li jinqerdu bħal qatt qabel. Avolja l-iktar nazzjonijiet potenti fid-dinja għamlu trattati taʼ paċi, xorta għad għandhom madwar 2,000 missila nukleari li jistgħu jiġu sparati lejn kwalunkwe post fuq l-art. L-awtoritajiet għamlu mijiet taʼ rapporti li fihom jistqarru li materjal nukleari “ntilef.” Huwa possibbli li t-terroristi għandhom ftit minn dan il-materjal nukleari? Xi nies jgħidu li l-bnedmin kollha jistgħu faċilment jinqerdu bi gwerra li tinbeda minn terrorist. Imma mhijiex il-gwerra biss li qed thedded l-eżistenza tal-umanità.
15 Rapport tal-2009 dwar żmienna jgħid: “Il-bidla fil-klima hi l-akbar theddida għas-saħħa fid-dinja.” (The Lancet u University College London.) Qal li l-effetti tal-bidla fil-klima se jeffettwaw is-saħħa tal-biċċa l-kbira min-nies u jipperikolaw il-ħajjiet taʼ biljuni taʼ nies. Ħafna postijiet jistgħu jinqerdu minħabba li l-livell tal-baħar qed jogħla, minħabba nuqqas taʼ xita, għargħar, mard, uragani, u gwerer minħabba nuqqas taʼ provvisti. Iva, il-gwerer u d-diżastri qed jheddu lill-umanità.
16 Xi nies forsi jaħsbu li t-theddida taʼ gwerra nukleari tistaʼ twassal għal ġrajjiet li se jwettqu l-profezija taʼ Ġesù dwar l-aħħar jiem. Imma l-maġġuranza tan-nies ma jifhmux it-tifsir veru tal-profezija taʼ Ġesù. Għal bosta snin, aħna rajna ġrajjiet li wrew li l-preżenza taʼ Kristu hi reali u li t-tmiem taʼ din is-sistema hu fil-qrib. (Mt. 24:3) Qatt qabel ma rajna daqshekk ġrajjiet mill-profezija taʼ Ġesù. Hu l-waqt biex in-nies jistenbħu mill-irqad spiritwali. Il-ministeru tagħna jistaʼ jgħin biex iqajjimhom.
17, 18. (a) Il-fatt li ngħixu fl-aħħar jiem kif jeffettwana? (b) X’jistaʼ jqanqal lin-nies juru interess fil-messaġġ tas-Saltna?
17 Fadlilna biss żmien qasir biex nagħtu prova taʼ mħabbitna għal Ġeħova u biex illestu x-xogħol tal-ippritkar li tana biex nagħmlu fl-aħħar jiem. Dak li qal Pawlu lill-Kristjani tal-ewwel seklu f’Ruma hu saħansitra iktar importanti għalina llum: “Tafu f’liema żmien stabbilit qegħdin, li diġà waslet is-siegħa biex tistenbħu mill-irqad, għax issa s-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta sirna nemmnu.”—Rum. 13:11.
18 Il-ġrajjiet imbassrin għall-aħħar jiem jistgħu jagħmlu lil xi individwi konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom. Xi nies juru interess fil-messaġġ tas-Saltna meta jaħsbu dwar kif fallew il-gvernijiet umani. Il-gvernijiet ma rnexxilhomx iwaqqfu d-diżastri ekonomiċi, it-theddid nukleari, id-delitti vjolenti, jew il-qerda tal-ambjent. Jerġaʼ oħrajn isiru konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom minħabba ġrajjiet fil-familja tagħhom stess, bħal xi kriżi tas-saħħa, divorzju, jew il-mewt taʼ xi ħadd maħbub. Hekk kif nieħdu sehem fil-ministeru, nistgħu ngħinu lil dawn l-uħud.
IMQANQLIN MINN SENS T’URĠENZA
19, 20. Sens t’urġenza kif qanqal lil ħafna Kristjani biex ibiddlu ħajjithom?
19 Sens t’urġenza qanqal lil ħafna Kristjani biex ikabbru s-sehem tagħhom fil-ministeru. Pereżempju, koppja żagħżugħa mill-Ekwador iddeċidew li jissimplifikaw ħajjithom wara li semgħu l-programm tal-jum t’assemblea speċjali tal-2006 bit-tema “Żomm Għajnejk Sempliċi.” Għamlu lista t’affarijiet li ma kellhomx bżonnhom, u fi żmien tliet xhur telqu mill-appartament tagħhom bi tliet kmamar tas-sodda u marru f’post b’kamra tas-sodda waħda, biegħu xi affarijiet, u nħelsu mid-dejn li kellhom. Ma damux ma bdew jaqdu bħala pijunieri awżiljarji u aċċettaw is-suġġeriment tal-indokratur tas-circuit biex imorru jaqdu maʼ kongregazzjoni li kellha bżonn akbar.
20 Ħu fl-Istati Uniti jikteb: “Meta jien u marti attendejna assemblea fl-2006, konna ilna mgħammdin 30 sena. Hekk kif konna qed insuqu lura lejn id-dar wara l-programm, iddiskutejna kif stajna napplikaw il-pariri li ngħataw dwar li nissimplifikaw ħajjitna. (Mt. 6:19-22) Kellna tlett idjar, art, karozzi lussużi, dgħajsa, u karavan. Minħabba li ħassejna li konna ħlejna l-ħin u l-enerġija tagħna f’affarijiet materjali, iddeċidejna li nagħmlu l-ministeru full-time l-mira tagħna. Fl-2008, ngħaqadna maʼ bintna fis-servizz taʼ pijunier regulari. X’ferħ esperjenzajna hekk kif ħdimna iktar mill-qrib mal-aħwa! Stajna naqdu fejn kien hemm bżonn akbar. Ukoll, l-esperjenza taʼ li nagħmlu iktar għal Ġeħova ressqitna eqreb lejh. Xi ħaġa li tassew ngħożżu hi l-privileġġ li naraw għajnejn in-nies jixegħlu meta jisimgħu u jifhmu l-verità tal-Kelma t’Alla.”
21. Liema għarfien iġegħelna nippritkaw b’sens t’urġenza?
21 Aħna nafu li “jum il-ġudizzju u l-qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla” dalwaqt se jtemm din id-dinja mill-agħar. (2 Pt. 3:7) Minħabba l-għarfien li għandna tal-Kelma t’Alla, nippritkaw biż-żelu dwar it-tribulazzjoni l-kbira li riesqa u d-dinja l-ġdida. Hekk kif ngħidu lin-nies dwar tama vera għall-futur, nibqgħu nuru sens kbir t’urġenza. Billi nagħmlu kemm nistgħu f’dan ix-xogħol urġenti, nuru mħabba vera għal Alla u għan-nies.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]