Gwidati bl-Ispirtu t’Alla fl-Ewwel Seklu u Llum
“Dawn il-ħidmiet kollha jwettaqhom l-istess spirtu wieħed.”—1 KOR. 12:11.
1. Liema punti se nikkunsidraw f’dan l-istudju?
PENTEKOSTE. Kemm ġrajjiet eċċitanti jiġu f’moħħna b’din il-kelma! (Atti 2:1-4) It-tferrigħ tal-ispirtu qaddis f’din l-okkażjoni fl-ewwel seklu mmarka bidla sinifikanti fil-mod kif Alla jaġixxi mal-qaddejja tiegħu. Fl-artiklu taʼ qabel dan, aħna kkunsidrajna ftit mill-modi kif l-ispirtu t’Alla għen lil uħud leali tal-qedem biex iwettqu inkarigi diffiċli u speċifiċi. Imma x’inhi d-differenza bejn il-mod kif l-ispirtu t’Alla ħadem fi żminijiet qabel il-Kristjanità u l-mod kif ħadem fl-ewwel seklu? U l-Kristjani kif jibbenefikaw mill-gwida tal-ispirtu qaddis t’Alla llum? Ejja naraw.
“Ara! L-Ilsira taʼ Ġeħova!”
2. Marija kif kienet rat l-effett tal-ispirtu qaddis?
2 Marija kienet preżenti f’dik il-kamra taʼ fuq kbira f’Ġerusalemm meta tferraʼ l-ispirtu qaddis imwiegħed. (Atti 1:13, 14) Madankollu, għal iktar minn tletin sena qabel din il-ġrajja, hi kienet rat l-effett tal-ispirtu taʼ Ġeħova b’modi straordinarji. Ġeħova kien ittrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu mis-sema għall-art u uża l-ispirtu Tiegħu biex Marija tqalet għalkemm kienet għadha verġni. Dak li tnissel fiha kien “mill-ispirtu qaddis.”—Mt. 1:20.
3, 4. Liema attitudni wriet Marija, u kif nistgħu nimitawha?
3 Marija għala ġiet favorita b’dan il-privileġġ liema bħalu? Wara li l-anġlu spjega r-rieda taʼ Ġeħova għaliha, Marija qalet: “Ara! L-ilsira taʼ Ġeħova! Ħa jsir minni skond dak li għedt.” (Lq. 1:38) B’dak li qalet, Marija wriet attitudni fil-qalb li Alla kien innota diġà. It-tweġiba pronta tagħha tindika li kienet lesta li taċċetta r-rieda tiegħu fil-kwistjoni. Ma qajmet l-ebda mistoqsija dwar kif in-nies fil-komunità kienu se jqisu t-tqala tagħha jew liema effett setgħet tħalli fuq ir-relazzjoni li kellha mal-għarus tagħha. Billi rreferiet għaliha nfisha bħala l-inqas waħda mill-qaddejja, Marija wriet li kienet tafda kompletament f’Ġeħova bħala s-Sid tagħha.
4 Ġieli ħassejtek bħal mgħobbi żżejjed bi sfidi jew responsabbiltajiet fis-servizz t’Alla? Kull wieħed u waħda minna jagħmel sew jekk jistaqsi lilu nnifsu: ‘Nafda jien kompletament f’Ġeħova biex jieħu ħsieb l-affarijiet fi qbil mar-rieda tiegħu? Nuri li verament irrid nagħmel ix-xogħol li Ġeħova jridni nagħmel?’ Tistaʼ tkun ċert li Alla jagħti l-ispirtu tiegħu lil dawk li jafdaw fih b’qalb sħiħa u jobduh bħala l-Ħakkiem.—Atti 5:32.
L-Ispirtu Qaddis Għen lil Pietru
5. B’liema modi Pietru kien ra l-ħidma tal-ispirtu qaddis qabel Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
5 Bħal Marija, l-appostlu Pietru kien esperjenza personalment il-ħidma b’saħħitha tal-ispirtu qaddis t’Alla qabel Pentekoste tas-sena 33 E.K. Ġesù kien ta lilu u lill-appostli l-oħra awtorità biex ikeċċu x-xjaten. (Mk. 3:14-16) U għalkemm l-Iskrittura ma tagħtix ħafna dettalji, jidher li x’aktarx Pietru uża din l-awtorità. Il-qawwa t’Alla ġiet murija wkoll meta Ġesù stieden lil Pietru biex jimxi lejh fuq il-Baħar tal-Galilija, u Pietru hekk għamel. (Aqra Mattew 14:25-29.) Ovvjament, Pietru straħ fuq l-ispirtu qaddis biex jgħinu jagħmel atti setgħanin. Dalwaqt, dak l-ispirtu kien se jopera fuq Pietru u d-dixxipli sħabu b’modi ġodda.
6. Permezz tal-ispirtu t’Alla, x’setaʼ jagħmel Pietru waqt u wara Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
6 Fil-Festa taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K., Pietru u oħrajn ngħataw l-abbiltà mirakoluża biex jikkomunikaw bil-lingwi mitkellmin minn dawk li ġew iżuru Ġerusalemm. Wara dan, Pietru ħa t-tmexxija f’li jkellem lill-folla. (Atti 2:14-36) Iva, dan ir-raġel li kultant kien ikun beżgħan jew jaġixxi bla ma jaħsibha kien mimli bil-kuraġġ biex jagħti xhieda bil-qlubija minkejja theddid u persekuzzjoni. (Atti 4:18-20, 31) Hu ħa l-għarfien permezz taʼ rivelazzjoni divina. (Atti 5:8, 9) U saħansitra ngħata l-qawwa biex iqajjem lil xi ħadd mill-mewt.—Atti 9:40.
7. Liema tagħlim taʼ Ġesù kien mifhum minn Pietru wara li kien midluk?
7 Anke qabel Pentekoste, Pietru ħa s-sens taʼ ħafna veritajiet milli għallem Ġesù. (Mt. 16:16, 17; Ġw. 6:68) Imma kien hemm aspetti mit-tagħlim taʼ Ġesù li baqgħu mhux mifhumin minnu qabel Pentekoste. Pereżempju, Pietru ma fehemx li Kristu kellu jirxoxta bħala spirtu fit-tielet jum; u lanqas ma kien fehem li s-Saltna kellha tkun fis-sema. (Ġw. 20:6-10; Atti 1:6) Il-konċett li bnedmin kellhom isiru ħlejjaq spirti u jaħkmu minn Saltna tas-sema kien xi ħaġa stramba għal Pietru. Kien biss wara li hu nnifsu kien midluk bl-ispirtu qaddis f’Pentekoste u ġie magħżul għal ħajja fis-sema li setaʼ jifhem dan it-tagħlim taʼ Ġesù.
8. Liema għarfien għandhom disponibbli kemm il-midlukin u kemm in-“nagħaġ oħrajn”?
8 Wara t-tferrigħ tal-ispirtu qaddis, id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom dehen li qabel ma kellhomx. B’ispirazzjoni, il-kittieba tal-Iskrittura Griega Kristjana spjegaw—għall-benefiċċju tagħna—veritajiet tal-għaġeb dwar l-iskop taʼ Ġeħova. (Efes. 3:8-11, 18) Illum, kemm dawk midlukin bl-ispirtu u kemm dawk min-“nagħaġ oħrajn” jieħdu l-ikel spiritwali flimkien u jifhmu dawn l-istess veritajiet. (Ġw. 10:16) Tgħożż int l-għarfien u l-fehma tal-Kelma t’Alla li l-ispirtu qaddis jagħmel disponibbli għalik?
Pawlu Sar “Mimli bl-Ispirtu Qaddis”
9. X’kien kapaċi jwettaq Pawlu permezz tal-ispirtu qaddis?
9 Madwar sena wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., xi ħadd ieħor irċieva l-għotja t’Alla tal-ispirtu qaddis. Dan kien Sawl, li sar magħruf bħala Pawlu. L-ispirtu ħadem fuqu b’modi li huma taʼ benefiċċju għalina llum. L-appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikteb 14-il ktieb tal-Bibbja. U bħalma kien fil-każ taʼ Pietru, l-ispirtu t’Alla għen lil Pawlu jifhem u jikteb biċ-ċar dwar it-tama tal-immortalità u n-nuqqas taʼ taħsir fis-smewwiet. Permezz tal-ispirtu qaddis, Pawlu fejjaq lin-nies, keċċa d-demonji, u saħansitra qajjem lill-mejtin! Madankollu, il-qawwa mogħtija permezz tal-ispirtu qaddis kellha skop iktar importanti, wieħed li l-qaddejja kollha t’Alla llum jesperjenzaw, iżda mhux b’mod mirakoluż.
10. L-ispirtu qaddis kif effettwa l-abbiltà taʼ Pawlu biex jitkellem?
10 Pawlu, li kien “mimli bl-ispirtu qaddis,” tkellem bil-qlubija kontra saħħar. Dan ħalla effett kbir fuq l-amministratur ewlieni taʼ Ċipru, li kien qed jismaʼ l-konversazzjoni kollha! Dan il-prokonslu aċċetta l-verità, “għax baqaʼ mgħaġġeb bit-tagħlim taʼ Ġeħova.” (Atti 13:8-12) Biċ-ċar, Pawlu kien jaf tajjeb bl-importanza tal-ispirtu qaddis t’Alla meta niġu biex nitkellmu l-verità. (Mt. 10:20) Iktar tard hu talab bil-ħerqa lill-kongregazzjoni f’Efesu biex jitolbu għalih biex hekk ‘l-abbiltà li jitkellem’ tingħatalu.—Efes. 6:18-20.
11. Pawlu kif kien gwidat bl-ispirtu t’Alla?
11 L-ispirtu qaddis għen lil Pawlu jitkellem, imma kultant ma ħalliehx jitkellem f’ċerti postijiet. Hekk kif beda l-vjaġġi missjunarji tiegħu, Pawlu kien gwidat bl-ispirtu t’Alla. (Atti 13:2; aqra Atti 16:6-10.) Ġeħova xorta għadu jiggwida x-xogħol tal-ippritkar permezz tal-ispirtu tiegħu. Bħal Pawlu, il-qaddejja ubbidjenti kollha taʼ Ġeħova jirsistu biex jiddikjaraw il-verità bil-qlubija u biż-żelu. Għalkemm id-direzzjoni t’Alla mhix ovvja llum daqs kemm kienet fi żmien Pawlu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qed juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jaċċerta li dawk li jistħoqqilhom jisimgħu l-verità.—Ġw. 6:44.
“Ħidmiet Differenti”
12-14. Jaħdem l-ispirtu t’Alla fuq il-qaddejja kollha tiegħu bl-istess mod? Spjega.
12 Fihom inkuraġġiment biżżejjed għall-qaddejja dedikati t’Alla llum ir-rakkonti tal-barka taʼ Ġeħova fuq il-kongregazzjoni tal-midlukin tal-ewwel seklu? Bla dubju! Żomm f’moħħok il-kliem imnebbaħ taʼ Pawlu lill-kongregazzjoni f’Korintu dwar l-għotjiet mirakolużi tal-ispirtu fi żmienu: “Issa hemm għotjiet differenti, imma l-istess spirtu; u hemm ministeri differenti, iżda l-istess Mulej; u hemm ħidmiet differenti, iżda l-istess Alla li jwettaq il-ħidmiet kollha f’kulħadd.” (1 Kor. 12:4-6, 11) Iva, l-ispirtu qaddis jistaʼ jaħdem b’modi differenti fuq qaddejja differenti t’Alla għal xi skop. Tabilħaqq, l-ispirtu qaddis jiggwida kemm lill-“merħla żgħira” taʼ Kristu u kemm lin-“nagħaġ oħrajn” tiegħu. (Lq. 12:32; Ġw. 10:16) Iżda, ma jaħdimx dejjem bl-istess mod fuq kull membru tal-kongregazzjoni.
13 Pereżempju, l-anzjani jinħatru permezz tal-ispirtu qaddis. (Atti 20:28) Iżda mhux il-midlukin kollha bl-ispirtu jaqdu bħala indokraturi fil-kongregazzjoni. X’għandna nikkonkludu minn dan? Sempliċement li l-ispirtu t’Alla jaħdem b’modi differenti fuq il-membri tal-kongregazzjoni.
14 L-ispirtu li jaċċerta lill-midlukin li huma adottati bħala wlied Alla huwa l-istess spirtu li Ġeħova uża biex iqajjem lil Ġesù għal ħajja fis-sema. (Aqra Rumani 8:11, 15.) Huwa l-istess spirtu li permezz tiegħu Ġeħova ħalaq l-univers kollu. (Ġen. 1:1-3) Permezz taʼ dan l-istess spirtu qaddis, Ġeħova kkwalifika lil Besalel għal xogħol speċjali għat-tabernaklu, ta l-qawwa lil Sansun biex iwettaq għemejjel li kienu jeħtieġu saħħa straordinarja, u għen lil Pietru jimxi fuq l-ilma. Mela, ejja ma nħalltux il-fatt li jkollna l-ispirtu t’Alla maʼ li wieħed ikun midluk bl-ispirtu t’Alla. Dan li semmejna l-aħħar hu biss ħidma speċjali waħda tal-ispirtu. Id-dlik tal-ispirtu jiddependi mill-għażla t’Alla.
15. Il-magħmudija bl-ispirtu qaddis se tkompli sejra għal dejjem? Spjega.
15 Il-forza attiva qaddisa t’Alla ilha taħdem b’modi differenti fuq il-qaddejja leali tiegħu għal kemm ilu jkollu qaddejja leali, iva, għal eluf taʼ snin qabel beda d-dlik bl-ispirtu. F’Pentekoste tas-sena 33 E.K. bdiet din il-ħidma ġdida, iżda mhix se tkompli għal dejjem. Il-magħmudija bl-ispirtu għad tispiċċa, imma l-ispirtu qaddis se jkompli jaħdem fuq il-poplu t’Alla sabiex ikunu jistgħu jagħmlu r-rieda tiegħu għall-eternità kollha.
16. X’qed jagħmlu issa l-qaddejja t’Alla permezz tal-ispirtu tiegħu?
16 X’qiegħed isir b’mod partikulari issa fuq l-art permezz tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova? Rivelazzjoni 22:17 iwieġeb: “L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’ U kulmin jismaʼ ħa jgħid: ‘Ejja!’ U kulmin hu bil-għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.” Imqanqlin bl-ispirtu t’Alla, il-Kristjani llum jestendu l-istedina taʼ Ġeħova li tagħti l-ħajja lil “kulmin jixtieq” biex jaċċetta l-ilma tal-ħajja. Il-Kristjani midlukin qed jieħdu t-tmexxija f’li jagħmlu dan. Madankollu, dawk min-nagħaġ oħrajn jingħaqdu magħhom f’li jestendu din l-istedina. Iż-żewġ klassijiet jikkooperaw mal-istess spirtu qaddis biex iwettqu dan ix-xogħol. Dawk miż-żewġ klassijiet issimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova bil-magħmudija “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis.” (Mt. 28:19) U lkoll kemm huma jċedu għall-ħidma tal-ispirtu t’Alla f’ħajjithom u jħalluh inissel fihom il-frott tiegħu. (Gal. 5:22, 23) In-nagħaġ oħrajn, bħall-midlukin, iħallu lill-ispirtu t’Alla jgħinhom. Bl-għajnuna tiegħu, huma jagħmlu l-aħjar tagħhom biex jilħqu l-livell taʼ qdusija meħtieġ minn Ġeħova.—2 Kor. 7:1; Riv. 7:9, 14.
Ibqaʼ Itlob għall-Ispirtu Qaddis
17. Kif nistgħu nuru li għandna l-ispirtu t’Alla?
17 Mela, kemm jekk it-tama tiegħek mogħtija minn Alla taʼ ħajja taʼ dejjem hi għas-sema jew għall-art, Ġeħova jistaʼ jagħtik “qawwa iktar min-normal” sabiex iżżomm l-integrità tiegħek u tieħu l-premju tiegħek. (2 Kor. 4:7) It-tkomplija tiegħek tal-ippritkar tas-Saltna tistaʼ ġġib twaqqigħ għaċ-ċajt. Iżda ftakar li ‘jekk qed jgħajruk minħabba isem Kristu, hieni int, għax l-ispirtu tal-glorja, iva, l-ispirtu t’Alla, qed jistrieħ fuqek.’—1 Pt. 4:14.
18, 19. Ġeħova kif se jgħinek permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, u x’inhi d-determinazzjoni tiegħek f’dan?
18 L-ispirtu qaddis hu l-għotja b’xejn mingħand Alla lil dawk li jitolbu għalih sinċerament. Jistaʼ jtejjeb mhux biss l-abbiltajiet tiegħek imma wkoll ix-xewqa tiegħek biex tagħmel l-aħjar li tistaʼ fis-servizz tiegħu. “Alla hu dak li, għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-rieda u kemm biex taġixxu.” L-għotja prezzjuża tal-ispirtu qaddis, flimkien mal-isforzi ħabrieka tagħna biex inżommu “qabda soda mal-kelma tal-ħajja,” se tħallina ‘nibqgħu nwettqu s-salvazzjoni tagħna bil-biżaʼ u t-tregħid.’—Flp. 2:12, 13, 16.
19 Mela, b’fiduċja sħiħa fl-ispirtu t’Alla, idħol b’ruħek u b’ġismek għal kull inkarigu li tingħata, sir effiċjenti fih, u strieħ fuq Ġeħova għall-għajnuna. (Ġak. 1:5) Hu se jagħtik dak li għandek bżonn biex tifhem Kelmtu, tkampa mal-problemi tal-ħajja, u tipprietka l-aħbar tajba. “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom,” u dan jinkludi li jingħatalkom l-ispirtu qaddis. (Lq. 11:9, 13) Tabilħaqq, ibqaʼ itlob bil-ħerqa lil Ġeħova biex hekk tkun bħall-uħud leali—kemm tal-qedem kif ukoll tal-preżent—li kienu gwidati bl-ispirtu qaddis t’Alla.
Tistaʼ Tispjega?
• Bħal Marija, liema attitudni li ġġib barkiet nistgħu nuru?
• F’liema sens kien Pawlu gwidat bl-ispirtu t’Alla?
• Il-qaddejja t’Alla kif inhuma gwidati bl-ispirtu t’Alla llum?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 24]
L-ispirtu t’Alla għen lil Pawlu biex jegħleb l-influwenza tal-ispirti mill-agħar
[Stampa f’paġna 26]
Illum, l-ispirtu qaddis hu disponibbli biex jgħin lill-Kristjani, hi x’inhi t-tama tagħhom