Tiswielek taʼ Ġid ir-Rikreazzjoni Tiegħek?
“Ibqgħu aċċertaw ruħkom dwar x’inhu aċċettabbli għall-Mulej.”—EFES. 5:10.
1, 2. (a) Il-Kelma t’Alla kif turi li Ġeħova jridna ngawdu l-ħajja? (b) Il-ħarsa tagħna lejn ir-rikreazzjoni bħala “għotja t’Alla,” x’se tqanqalna nagħmlu?
MILL-BIDU sal-aħħar tal-Bibbja nsibu stqarrijiet li juru li Ġeħova ma jridniex biss ngħixu, iżda wkoll li ngawdu l-ħajja. Pereżempju, Salm 104:14, 15 jgħid li Ġeħova qed jagħti “l-ikel mill-art, u l-inbid li jferraħ qalb il-bniedem mortali biex jagħmel il-wiċċ ileqq permezz taż-żejt, u l-ħobż li jsostni qalb il-bniedem mortali.” Tabilħaqq, Ġeħova jkabbar l-uċuħ tar-rabaʼ biex ikollna qamħ, żejt, u nbid biex ngħixu. Imma l-inbid ‘iferraħ il-qalb’ ukoll. Dan mhux meħtieġ b’mod strett biex nibqgħu ngħixu imma jżid mal-ferħ li jkollna. (Ekk. 9:7; 10:19) Iva, Ġeħova jridna nkunu henjin, b’qalb mimlija “ferħ.”—Atti 14:16, 17.
2 Għalhekk, m’hemmx għalfejn inħossuna ħatjin meta darba kultant inwarrbu ftit ħin biex ‘nosservaw bir-reqqa l-għasafar tas-semaʼ u “l-ġilji tar-rabaʼ” jew nieħdu pjaċir b’xi attivitajiet oħra li jserrħuna u jagħmlu l-ħajja iktar pjaċevoli. (Mt. 6:26, 28; Salm 8:3, 4) Li nkunu ferħanin u f’saħħitna huwa “għotja t’Alla.” (Ekk. 3:12, 13) Il-ħarsa tagħna lejn il-ħin liberu bħala parti minn din l-għotja se tqanqalna nużawh b’mod li jġib ferħ lid-Donatur. a
Varjetà u Limitazzjonijiet
3. Għala huwa raġunevoli li nħallu l-wisaʼ għall-varjetà fir-rikreazzjoni?
3 Dawk li għandhom ħarsa bilanċjata lejn ir-rikreazzjoni jħallu l-wisaʼ għall-varjetà, madankollu jħossu l-bżonn ukoll għal-limitazzjonijiet. Dan għaliex? Biex inwieġbu, ejja nqabblu d-divertiment mal-ikel. Ikel popolari jvarja minn post għall-ieħor tad-dinja. Fil-fatt, dak li jiftaħ l-aptit lil nies f’ċertu pajjiż għandu mnejn ma jħajjarx nies f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, dak li xi Kristjani f’post wieħed fid-dinja jqisu bħala rikreazzjoni li tagħti gost jistaʼ ma jogħġobx lil Kristjani f’post ieħor. Anke fost Kristjani li jgħixu fl-istess post, dak li xi ħadd iqis bħala li hu rilassanti (forsi mitluf fil-qari taʼ ktieb tajjeb), xi ħadd ieħor jistaʼ jħoss li hu taʼ dwejjaq; dak li jitqies bħala pjaċevoli (forsi josserva x-xeni waqt li jsuq ir-rota), xi ħadd ieħor jistaʼ jarah bħala li jgħejji. Xorta waħda, aħna naċċettaw li f’affarijiet bħal ikel u divertiment, hemm wisaʼ għal varjetà u preferenza personali.—Rum. 14:2-4.
4. Għala għandna bżonn nagħmlu l-limiti fil-kwalità taʼ rikreazzjoni li nagħżlu? Agħti eżempju.
4 Madankollu, aħna nirrealizzaw ukoll li l-fatt li nħallu l-wisaʼ għall-varjetà fir-rikreazzjoni ma jfissirx li nistgħu nagħmlu kulma jogħġobna. Biex nuru dan, erġaʼ kkunsidra l-eżempju tal-ikel. Għalkemm forsi nħobbu nduqu varjetà taʼ ikel, aħna ma niklux apposta ikel imħassar. Li nieklu ikel bħal dan imur kontra s-sens komun u jistaʼ jipperikola s-saħħa tagħna. Bl-istess mod, għalkemm għandna mnejn nitħajru nipprovaw tipi differenti taʼ divertiment li jibni, mhux se niġru wara rikreazzjoni li tkun taʼ theddida għall-ħajja, vjolenti, jew imħassra moralment. Is-sehem tagħna f’attivitajiet bħal dawn imur kontra l-prinċipji tal-Bibbja u jipperikola s-saħħa fiżika jew spiritwali tagħna. Biex inkunu ċerti li nibqgħu f’limitazzjonijiet raġunevoli, nagħmlu tajjeb li niddeċiedu minn qabel jekk xi rikreazzjoni li togħġobna tkunx taʼ benefiċċju jew le. (Efes. 5:10) Kif nistgħu nagħmlu dan?
5. Kif nistgħu niddeterminaw jekk ir-rikreazzjoni tagħna tilħaqx il-livelli t’Alla?
5 Sabiex nibbenefikaw mir-rikreazzjoni u din tkun togħġob lil Ġeħova, jeħtieġ li din tilħaq il-livelli speċifiċi li huma mniżżlin fil-Kelma t’Alla. (Salm 86:11) Biex tiddetermina jekk dan hux il-każ rigward xi rikreazzjoni li għandha mnejn togħġbok, tistaʼ tiċċekkja lista sempliċi. Din il-lista hi magħmula minn tliet mistoqsijiet li jinġabru fil-kliem x’inhu, meta, u min. Ejja nikkunsidrawhom waħda waħda.
X’Inhu Dak li Tinkludi?
6. Liema divertiment għandna bżonn inwarrbu, u għala?
6 Qabel ma tieħu sehem f’xi tip taʼ divertiment, l-ewwel mistoqsija li trid tistaqsi lilek innifsek hi, X’inhu—jiġifieri, ‘X’tip taʼ divertiment inħossni miġbud lejh?’ Hekk kif taħseb dwar it-tweġiba, huwa t’għajnuna li żżomm f’moħħok li bażikament hemm żewġ kategoriji taʼ divertiment. Għall-ewwel waħda, ngħidu le; għal tat-tieni, forsi. X’inhi l-ewwel waħda? F’din id-dinja mill-agħar, ħafna mid-divertiment hu karatterizzat b’attivitajiet li b’mod sfaċċat jiksru prinċipji tal-Bibbja jew liġijiet t’Alla. (1 Ġw. 5:19) Il-Kristjani veri jgħidu le b’saħħithom kollha għal divertiment bħal dan. Dan jinkludi divertiment li fih sadiżmu, demoniżmu, omosesswalità, pornografija, jew vjolenza jew dak li jigglorifika prattiki oħra immorali u moqżieża. (1 Kor. 6:9, 10; aqra Rivelazzjoni 21:8.) Inkunu fejn inkunu, aħna nuru lil Ġeħova li ‘nistmerru dak li hu ħażin’ billi nirrifjutaw li nersqu qrib divertiment bħal dan.—Rum. 12:9; 1 Ġw. 1:5, 6.
7, 8. Kif nistgħu niżnu l-kwalità taʼ ċertu tip taʼ divertiment? Agħti eżempju.
7 It-tieni kategorija t’attivitajiet li jagħtuna gost tikkonsisti f’forom taʼ divertiment li ma jiffokawx fuq prattiki li b’mod dirett huma kundannati fil-Kelma t’Alla. F’każi bħal dawn, qabel ma nagħżlu d-divertiment, aħna għandna nqabblu sew l-attività maʼ dak li Ġeħova jqis li hu bnin, kif inhu mniżżel fil-prinċipji Bibliċi. (Prov. 4:10, 11) Imbagħad ikollna bżonn nieħdu deċiżjoni personali li tħallina b’kuxjenza tajba. (Gal. 6:5; 1 Tim. 1:19) Kif nistgħu nagħmlu hekk? Aħseb f’dan: Qabel ma nieklu xi ikla li qatt ma kilna qabel, l-ewwel inkunu rridu nkunu nafu x’inhuma l-ingredjenti prinċipali. Bl-istess mod, qabel ma nieħdu sehem f’xi tip taʼ rikreazzjoni għandna bżonn insiru nafu x’inhuma l-aspetti prinċipali tagħha.—Efes. 5:17.
8 Pereżempju, għandek mnejn tħobb l-isports, u din il-ġibda nistgħu nifhmuha faċilment. L-isports jistaʼ jkun taʼ gost u eċċitanti. Iżda, xi ngħidu jekk int miġbud lejn ċertu sports minħabba l-kompetizzjoni aggressiva li fih, is-sogru esaġerat, ir-rati għoljin taʼ korrimenti, iċ-ċelebrazzjonijiet vjolenti, l-entużjażmu nazzjonalistiku, jew “ingredjenti” simili? Wara li teżamina dak li hemm involut, x’aktarx tiddeċiedi li jkun diffiċli biex il-ħsib tiegħek iġġibu fi qbil mal-mod taʼ ħsib taʼ Ġeħova u mal-messaġġ taʼ paċi u mħabba li nippritkaw lil oħrajn. (Is. 61:1; Gal. 5:19-21) Min-naħa l-oħra, jekk ċerta attività tkun magħmula minn “ingredjenti” li huma bnien mill-ħarsa taʼ Ġeħova, allura mbagħad rikreazzjoni bħal din tistaʼ tkun taʼ benefiċċju u rifreskanti għalik.—Gal. 5:22, 23; aqra Filippin 4:8.
Meta Nfittixha?
9. X’jintwera bit-tweġiba tagħna għall-mistoqsija, ‘Meta nfittex ir-rikreazzjoni?’
9 It-tieni mistoqsija li trid tistaqsi lilek innifsek hi, Meta?—jiġifieri, ‘Meta nfittex ir-rikreazzjoni? Kemm se nqattaʼ ħin fiha?’ It-tweġiba tagħna għall-mistoqsija x’inhu? turi ħafna dwar l-inklinazzjonijiet tagħna—xi nsibu aċċettabbli u xi nsibu inaċċettabbli. Madankollu, it-tweġiba għall-mistoqsija meta? turi l-prijoritajiet tagħna—xi nsibu importanti u xi nsibu mhux importanti. Mela, kif nistgħu niddeterminaw jekk l-importanza li nagħtu lid-divertiment f’ħajjitna tkunx xierqa jew le?
10, 11. Il-kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 6:33 kif jgħinna niddeċiedu kemm ħin inqattgħu fir-rikreazzjoni?
10 Ġesù Kristu qal lis-segwaċi tiegħu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.” (Mk. 12:30) Għalhekk, l-imħabba tagħna għal Ġeħova tiġi l-ewwel f’ħajjitna. Aħna nuru li dan hu minnu billi nsegwu t-twissija taʼ Ġesù: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mt. 6:33) Din l-istqarrija kif tistaʼ tgħinna niddeterminaw kemm ħin u importanza għandna nagħtu lir-rikreazzjoni?
11 Ara dan id-dettall: Ġesù tana l-parir biex ‘nibqgħu nfittxu l-ewwel is-saltna.’ Ma qalilniex: ‘Ibqgħu fittxu s-saltna biss.’ Ovvjament, Ġesù kien jaf li aħna kien se jkollna bżonn infittxu ħafna affarijiet fil-ħajja flimkien mas-Saltna. Għandna bżonn djar, ikel, ilbies, edukazzjoni bażika, xogħol, rikreazzjoni, u l-lista tkompli sejra. Madankollu, fost l-affarijiet kollha li qegħdin infittxu, ħaġa waħda biss tiġi l-ewwel—l-interessi tas-Saltna. (1 Kor. 7:29-31) Din il-verità fundamentali għandha tqanqalna biex niġru wara attivitajiet sekondarji, flimkien mar-rikreazzjoni, b’mod li jgħinuna nwettqu l-attività primarja tagħna—li nieħdu ħsieb l-interessi tas-Saltna. Jekk nagħmlu dan, rikreazzjoni bilanċjata tistaʼ tkun taʼ benefiċċju.
12. Il-prinċipju li nsibu f’Luqa 14:28 kif jistaʼ jiġi applikat għar-rikreazzjoni?
12 Għalhekk, mela, meta niġu biex inqattgħu l-ħin f’rikreazzjoni, nagħmlu tajjeb li naraw x’tinvolvi minn qabel. (Lq. 14:28) Għandna bżonn niddeterminaw kemm se tiħodilna ħin ċerta rikreazzjoni. Imbagħad, għandna niddeċiedu kemm jistħoqqilha nagħtuha ħin. Jekk il-ġiri tagħna wara xi rikreazzjoni jfisser li nittraskuraw attivitajiet importanti bħall-istudju personali tal-Bibbja, il-qima tal-familja, l-attendenza għal-laqgħat Kristjani, jew il-parteċipazzjoni tagħna fl-ippritkar tas-Saltna, ma jkunx jistħoqqilha li nagħtuha dak il-ħin. (Mk. 8:36) Iżda jekk xi rikreazzjoni tagħtina l-enerġija biex nibqgħu nfittxu l-interessi tas-Saltna, nistgħu niddeċiedu li l-ħin li nqattgħu f’din l-attività jkun taʼ min jieħdu.
Min Huma l-Ħbieb Tiegħi?
13. Għala għandna naħsbu sew dwar maʼ min se nieħdu sehem fir-rikreazzjoni?
13 It-tielet mistoqsija li trid tistaqsi lilek innifsek hi, Min?—jiġifieri, ‘Min huma dawk li nixtieq inkun magħhom fid-divertiment tiegħi?’ Huwa importanti li nikkunsidraw dan l-aspett taʼ rikreazzjoni. Għala? Għaliex il-kwalità tar-rikreazzjoni tagħna tiġi influwenzata bil-kbir bil-kwalità tal-ħbieb tagħna. Bħalma li tiekol ikla normalment ikun iktar taʼ gost meta tkun maʼ ħbieb tajbin, li tiddeverti spiss ikun iktar taʼ gost meta tkun maʼ ħbieb tajbin. B’hekk, nistgħu nifhmu għala ħafna fostna, speċjalment iż-żgħażagħ, jieħdu gost b’rikreazzjoni fil-kumpanija t’oħrajn. Madankollu, biex inkunu ċerti li l-attività hi taʼ benefiċċju, ikun għaqli li naħsbu minn qabel liema xorta taʼ individwi se nagħżlu bħala l-ħbieb u liema xorta se nevitaw.—2 Kron. 19:2; aqra Proverbji 13:20; Ġak. 4:4.
14, 15. (a) Liema eżempju ħallielna Ġesù f’li nagħżlu ħbieb tajbin? (b) Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna dwar il-ħbieb tagħna?
14 Li nsegwu lil Ġesù fl-għażla tal-ħbieb se jkun ħafna t’għajnuna. Mill-ħolqien ’il quddiem, Ġesù ħabb lill-bnedmin. (Prov. 8:31) Meta kien fid-dinja, hu wera konsiderazzjoni bl-imħabba għal kull tip taʼ nies. (Mt. 15:29-37) Madankollu, Ġesù għamel id-differenza bejn li jkun dħuli u bejn li jkun ħabib tal-qalb. Filwaqt li kien dħuli man-nies inġenerali, ma kienx ħabib tal-qalb maʼ kulħadd. Dak li qal lill-11-il appostlu leali tiegħu jurina kif għażel lill-ħbieb tal-qalb tiegħu. Hu qal: “Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.” (Ġw. 15:14; ara wkoll Ġwanni 13:27, 30.) L-uniċi nies li Ġesù aċċetta bħala l-ħbieb tiegħu kienu dawk li segwewh u qdew lil Ġeħova.
15 Għalhekk, meta tqis jekk għandekx tagħżel ċertu individwu bħala ħabib tal-qalb jew le, ikun għaqli li żżomm l-istqarrija taʼ Ġesù f’moħħok. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Dan l-individwu juri bil-kliem u l-azzjonijiet li qed jobdi l-kmandi taʼ Ġeħova u Ġesù? Għandu l-istess valuri u morali bbażati mill-Bibbja li għandi jien? Li nkun fil-kumpanija tiegħu se jinkuraġġini npoġġi s-Saltna l-ewwel f’ħajti u biex inkun qaddej leali taʼ Ġeħova?’ Jekk tinsab ċert li t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet huma fl-affermattiv, int tkun sibt ħabib tajjeb maʼ min tgawdi d-divertiment tiegħek.—Aqra Salm 119:63; 2 Kor. 6:14; 2 Tim. 2:22.
Ir-Rikreazzjoni Tagħna —Tgħaddi mill-Prova?
16. Xi rridu nistaqsu lilna nfusna dwar ir-rikreazzjoni tagħna?
16 Aħna rajna fil-qosor tliet aspetti taʼ divertiment—il-kwalità, il-kwantità, u l-ħbieb. Biex ikun taʼ benefiċċju, id-divertiment tagħna għandu jaqbel kemm jistaʼ jkun mal-livell ibbażat fuq il-Bibbja għal kull wieħed minn dawn l-aspetti. Għalhekk, qabel ma nieħdu sehem f’xi forma taʼ rikreazzjoni, għandna bżonn ngħadduha mill-prova. Meta niġu għall-kwalità, irridu nkunu nafu: ‘X’tinkludi? Tibnik jew tbaxxik?’ (Prov. 4:20-27) Rigward il-kwantità, irridu nistaqsu: ‘Kemm se nqattaʼ ħin fiha? Huwa xieraq l-ammont taʼ ħin jew le?’ (1 Tim. 4:8) U dwar il-ħbieb, irridu naħsbu sew: ‘Maʼ min se nkun f’din ir-rikreazzjoni? Ħbieb bħal dawn huma tajbin jew ħżiena?’—Ekk. 9:18; 1 Kor. 15:33.
17, 18. (a) Kif nistgħu ngħaddu lilna nfusna minn prova biex naraw jekk id-divertiment tagħna jilħaqx il-livelli tal-Bibbja? (b) X’int determinat li tagħmel personalment meta tiġi biex tagħżel id-divertiment?
17 Jekk xi forma taʼ divertiment ma tilħaqx il-livelli bbażati fuq il-Bibbja f’xi wieħed minn dawn it-tliet aspetti, hi ma tgħaddix mill-prova. Min-naħa l-oħra, jekk nagħmlu ċert li l-attivitajiet taʼ gost tagħna jilħqu l-livelli bbażati fuq il-Bibbja fit-tliet aspetti kollha, id-divertiment tagħna se jġib unur lil Ġeħova u jkun taʼ benefiċċju għalina.—Salm 119:33-35.
18 Għalhekk, mela, meta niġu għar-rikreazzjoni, ejja nirsistu biex nagħmlu l-ħaġa t-tajba fil-ħin it-tajjeb u man-nies it-tajba. Iva, jalla tkun ix-xewqa mill-qalb taʼ kull wieħed u waħda minna biex isegwi l-parir tal-Bibbja: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.”—1 Kor. 10:31.
[Nota taʼ taħt]
a F’dan l-artiklu, il-kliem “rikreazzjoni” u “divertiment” jintużaw it-tnejn biex jirreferu għall-ħin li nwarrbu għal attivitajiet li jagħtuna gost.
Tistaʼ Tispjega?
Rigward ir-rikreazzjoni, kif tistaʼ tapplika l-prinċipji misjubin . . .
• f’Filippin 4:8?
• f’Mattew 6:33?
• fi Proverbji 13:20?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Dijagramma f’paġna 9]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
✔X’Inhu
[Dijagramma f’paġna 10]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
✔Meta
[Dijagramma f’paġna 12]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
✔Min
[Stampa f’paġna 10]
Kif nistgħu nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù f’li nagħżlu ’l ħbiebna u d-divertiment tagħna?