Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Kif għandna nifhmu n-numri li jidhru fir-rapport tas-sena taʼ servizz?
Kull sena nħarsu ’l quddiem għar-rapport tas-servizz stampat fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar. Huwa tassew eċċitanti li naraw dak li wettqu n-nies taʼ Ġeħova bħala grupp fix-xogħol globali tal-ippritkar u tat-tagħlim dwar is-Saltna. Imma biex niksbu l-akbar ġid mir-rapport, għandna bżonn fehma korretta taʼ dak li hemm miktub kif ukoll ħarsa bilanċjata tan-numri. Ikkunsidra ftit eżempji.
Sena taʼ servizz. Din testendi minn Settembru taʼ sena waħda s’Awwissu tas-sena taʼ wara. Il-Ministeru tas-Saltna fih ir-rapport tas-sena taʼ servizz li tkun għadha kemm għaddiet. Għalhekk, Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar 2011 fih ir-rapport tas-sena taʼ servizz 2010, li bdiet mill-1 taʼ Settembru, 2009, sal-31 t’Awwissu, 2010.
Quċċata taʼ pubblikaturi u medja taʼ pubblikaturi. Il-kelma “pubblikaturi” tinkludi Xhieda mgħammdin taʼ Ġeħova kif ukoll uħud mhux mgħammdin li jikkwalifikaw biex ikunu proklamaturi tas-Saltna. “Quċċata taʼ pubblikaturi” hija l-ogħla numru taʼ nies li rrapportaw għal kwalunkwe xahar mis-sena taʼ servizz u tistaʼ tinkludi rapporti li daħlu tard u li ma ngħaddux mar-rapport tax-xahar taʼ qabel. B’dan il-mod xi pubblikaturi jistgħu jingħaddu darbtejn. Madanakollu, il-quċċata ma tinkludix in-numru taʼ pubblikaturi li fil-fatt ħadu sehem fil-ministeru imma nsew jirrapportaw. Dan jenfasizza l-importanza li kull pubblikatur jirrapporta minnufih kull xahar. “Medja taʼ pubblikaturi” hija n-numru taʼ wħud differenti li s-soltu jirrapportaw il-ħin tagħhom fil-ministeru kull xahar.
Total taʼ sigħat. Skont Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar 2011, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu iktar minn 1.6 biljun siegħa fil-ministeru tal-għalqa. Però, dan it-total ma jirrappreżentax is-sigħat kollha li nqattgħu fil-qima tagħna. Pereżempju, ma jinkludix il-ħin li regolarment nużaw f’attivitajiet bħal li nagħmlu żjajjar pastorali, li nattendu l-laqgħat, u li nieħdu sehem fi studju persunali tal-Bibbja u meditazzjoni.
Flus li ntefqu. Matul is-sena taʼ servizz 2010, ix-Xhieda taʼ Ġeħova nefqu iktar minn $155 miljun biex jieħdu ħsieb il-pijunieri speċjali, il-missjunarji, u l-indokraturi li jivvjaġġaw fl-inkarigi tagħhom fis-servizz tal-għalqa. Però, dan in-numru ma jinkludix il-flus li ntefqu fl-istampar taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati mill-Bibbja li nipproduċu; lanqas ma jinkludi l-flus li nonfqu f’li nieħdu ħsieb l-iktar minn 20,000 volontier f’Betel li jaħdmu fl-uffiċċji tal-fergħa madwar id-dinja.
Dawk li jieħdu mill-emblemi. Dan hu n-numru taʼ individwi mgħammdin madwar id-dinja li jieħdu mill-emblemi tat-Tifkira. Jirrappreżenta dan it-total in-numru taʼ wħud midlukin fuq l-art? Mhux bilfors. Diversi fatturi—inkluż twemmin reliġjuż li wieħed ikun ħaddan qabel jew anke żbilanċ mentali jew emozzjonali—jistgħu jġiegħlu lil xi wħud jemmnu b’mod żbaljat li huma għandhom is-sejħa għas-sema. B’hekk, m’hemm l-ebda mod li nkunu nafu n-numru eżatt taʼ wħud midlukin fuq l-art; lanqas m’għandna għalfejn inkunu nafu. Il-Ġemgħa li Tiggverna ma żżommx lista tal-ismijiet taʼ kull min jieħu mill-ħobż u l-inbid fit-Tifkira. a
Dak li nafu hu li se jkun hemm xi ftit mill-“ilsiera t’Alla tagħna” li huma midlukin hawn fuq l-art meta jintelqu l-irjieħ qerridin tat-tribulazzjoni l-kbira. (Riv. 7:1-3) Sa dak iż-żmien, il-midlukin se jieħdu t-tmexxija f’xi ħaġa li hi dokumentata sew fir-rapport tas-servizz taʼ kull sena—l-akbar xogħol taʼ ppritkar u tagħlim li qatt sar fl-istorja tal-bniedem.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Il-Prokuratur Leali u l-Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu,” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Ġunju, 2009, paġna 24.