L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali
L-invenzjoni tal-istampar, sekli ilu, bidlet il-mod kif in-nies jikkomunikaw maʼ xulxin. L-invenzjoni tal-Internet fi żminijiet moderni ġiet imqabbla maʼ dan. Din l-għodda prattika ġiet imsejħa għodda globali taʼ komunikazzjoni, u bir-raġun. Hekk kif tuża din l-għodda, tistaʼ ssib fatti, statistiki, u opinjonijiet fuq varjetà kbira taʼ suġġetti.
L-abbiltà li nikkomunikaw hija għotja mill-isbaħ mingħand il-Ħallieq tagħna. Tagħmilha possibbli għalina li naqsmu ideat u informazzjoni m’oħrajn. Ġeħova kien l-ewwel wieħed li kkomunika mal-familja umana tiegħu billi tahom informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar kif jistgħu jgħixu ħajja sinifikanti. (Ġen. 1:28-30) Però, kif jidher ċar minn dak li ġara kmieni fl-istorja tal-bniedem, l-għotja tal-komunikazzjoni tistaʼ tintuża b’mod ħażin. Satana ta lil Eva informazzjoni falza għall-aħħar. Hi aċċettat dak li qal u għaddietu lil Adam, li wassal lill-umanità f’diżastru.—Ġen. 3:1-6; Rum. 5:12.
X’nistgħu ngħidu dwar l-użu tal-Internet? Filwaqt li l-Internet jistaʼ jipprovdi informazzjoni taʼ valur, jiffrankalna l-ħin, u jagħmel xogħol utli, jistaʼ wkoll jagħtina informazzjoni żbaljata, jaħlilna ħafna ħin, u jħassarna moralment. Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nużaw din l-għodda globali għall-ġid tagħna.
L-Informazzjoni—Ġenwina jew Falza?
Qatt m’għandek tassumi li l-informazzjoni kollha li ssib fuq l-Internet hi tajba u taʼ ġid. Is-search engines fuq l-Internet, websajts li jgħinuk tfittex l-informazzjoni, jistgħu jitqabblu maʼ grupp taʼ nies li bla heda jiġbru kull tip taʼ faqqiegħ—kemm dak li jistaʼ jittiekel kif ukoll dak velenuż—jitfgħuh ġo reċipjent wieħed u mbagħad jagħtuhulna biex nikluh. Kieku int taqbad u tiekol dan il-faqqiegħ mingħajr ma teżamina bir-reqqa kull waħda minnhom? Dażgur li le! Is-search engines fuq l-Internet jużaw numru kbir taʼ kompjuters biex jagħżlu minn biljuni taʼ websajts li fihom kollox, minn l-aħjar sal-agħar informazzjoni. Għandna bżonn id-dixxerniment biex nifirdu l-qamħ mill-karfa, biex ngħidu hekk, li ma mmorrux nivvelenaw moħħna b’informazzjoni żbaljata.
Fl-1993, rivista magħrufa kellha cartoon li wera żewġt iklieb quddiem kompjuter. Kelb minnhom spjega lill-ieħor: “Fuq l-Internet ħadd ma jaf li int kelb.” Ħafna żmien ilu, Satana nħeba wara serp biex “jiċċettja” maʼ Eva u qalilha li setgħet tkun bħal Alla. Illum, kull min għandu aċċess għall-Internet jistaʼ jippreżenta ruħu bħala espert u jippretendi li jkun jifhem f’kollox, mingħajr ma lanqas biss
jgħid x’jismu. U m’hemm l-ebda regola dwar min jistaʼ jippubblika ideat, informazzjoni, stampi, u suġġerimenti.Meta tuża l-Internet, tiblax kollox bħalma għamlet Eva. Kun kritikuż u suspettuż dwar l-informazzjoni. Qabel ma tafdaha, staqsi: (1) Min ippubblika dan il-materjal? X’awtorità jew taħriġ għandu l-awtur? (2) Għala ġie pubblikat? Xi mmotiva lill-kittieb? Hemm xi preġudizzju? (3) L-awtur minn fejn ġab l-informazzjoni? Jagħti sorsi li tistaʼ tiċċekkja? (4) L-informazzjoni hija kurrenti? Fl-ewwel seklu l-appostlu Pawlu ta lil Timotju parir li japplika bl-istess mod illum. Pawlu kiteb: “Għasses dak li ġejt fdat bih u tbiegħed mid-diskors vojt li jipprofana dak li hu qaddis u mill-kontradizzjonijiet taʼ dak li b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien.’”—1 Tim. 6:20.
Jiffrankalek il-Ħin jew Jiħodhulek?
Jekk jintuża b’għaqal, l-Internet mingħajr dubju jistaʼ jiffrankalna l-ħin, l-enerġija, u l-flus. Nistgħu b’mod konvenjenti nixtru xi ħaġa mingħajr ma noħorġu mid-dar. Nistgħu niffrankaw il-flus billi nqabblu l-prezzijiet. Is-servizzi bankarji fuq l-Internet għamlu l-ħajja eħfef għal ħafna nies; kwistjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu setiljati fi kwalunkwe ħin mill-kumdità taʼ darna. L-Internet jipprovdi għodod essenzjali biex nippjanaw skeda konvenjenti u ekonomika għal vjaġġ li beħsiebna nagħmlu u jgħinna nibbukkjaw dak li għandna bżonn. Bi ftit sforz, nistgħu nfittxu numri tat-telefon, indirizzi, u modi differenti kif nistgħu naslu fil-post li rridu mmorru. Madwar id-dinja, uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw ħafna minn dawn is-servizzi biex jiffrankaw il-ħin, il-ħaddiema, u l-flus.
Madanakollu, hemm aspett negattiv li għandna nikkunsidraw. Dan jikkonċerna l-ammont taʼ ħin li jistaʼ jiħdilna l-Internet. Għal xi wħud, l-Internet sar ġugarell affaxxinanti minflok għodda utli. Huma jqattgħu ammonti kbar taʼ ħin jilagħbu, jixtru, jiċċettjaw, jibagħtu e-mails, ifittxu, u jqallbu fl-Internet. Eventwalment jibdew jittraskuraw l-affarijiet iktar importanti li jinvolvu l-familja, il-ħbieb, u l-kongregazzjoni. L-Internet jistaʼ saħansitra jsir xi ħaġa li ma joqogħdux mingħajrha. Pereżempju, stima li ġiet pubblikata fl-2010 indikat li 18.4 fil-mija t’adoloxxenti Koreani kienu effettwati b’dipendenza mill-Internet. Riċerkaturi Ġermaniżi stqarrew li “iktar u iktar nisa qed igergru dwar id-dipendenza mill-Internet [tal-]imseħbin tagħhom.” Waħda mara lmentat li din id-dipendenza biddlet lir-raġel tagħha b’mod drammatiku, tant li kissret iż-żwieġ tagħhom.
Uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova rċieva ittra mingħand xi ħadd li qal li kien sar jiddependi mill-Internet. Kultant kien iqattaʼ sa 10 sigħat kuljum fuq l-Internet. Wara li qal li “għall-ewwel kollox kien jidher li ma fih xejn ħażin,” hu żied: “Maż-żmien l-attendenza tiegħi għal-laqgħat majnat u waqaft nitlob.” Meta kien imur il-laqgħat, ma kienx ikun preparat u kien ikun moħħu biex imur lura d-dar għax kien ikollu sebaʼ mitt sena biex “jerġaʼ jidħol fuq l-Internet.” B’ferħ, irrealizza s-serjetà tal-problema u ħa l-passi biex jirranġaha. Jalla qatt ma naslu sal-punt li
l-użu tal-Internet isir xi ħaġa li niddependu minnha.L-Informazzjoni—Siewja jew Le?
Fl-1 Tessalonikin 5:21, 22 naqraw: “Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-tajjeb. Tbiegħdu minn kull xorta taʼ ħażen.” Aħna neħtieġu niddeterminaw jekk l-informazzjoni li nsibu fuq l-Internet jistħoqqilhiex l-approvazzjoni t’Alla, fi qbil mal-livelli għoljin tiegħu. Għandha tkun moralment aċċettabbli u xierqa għall-Kristjan. Il-pornografija fuq l-Internet saret xi ħaġa tassew komuni, u jekk ma noqogħdux attenti, faċilment tistaʼ twaqqagħna fin-nassa tagħha.
Inkunu għaqlin jekk nistaqsu lilna nfusna, ‘Dak li nara fuq l-iskrin hu xi ħaġa li kieku naħbi malajr mis-sieħeb jew is-sieħba, mill-ġenituri, jew minn ħuti Kristjani jekk jidħlu fil-kamra?’ Jekk it-tweġiba hija iva nagħmlu tajjeb li nużaw l-Internet meta ħaddieħor ikun preżenti biss. L-Internet tassew biddel il-mod kif nikkomunikaw u nixtru. Minbarra dan, introduċa mod kompletament ġdid kif ‘nagħmlu adulterju f’qalbna.’—Mt. 5:27, 28.
Nibagħtu ’l Ħaddieħor jew Le?
L-użu tal-Internet jinkludi li tikseb informazzjoni kif ukoll li tqassamha. Għalkemm għandna l-libertà li niksbu u ngħaddu l-informazzjoni, aħna għandna wkoll ir-responsabbiltà li nagħmlu ċert li hi vera u tajba moralment. Nistgħu aħna nikkonfermaw li dak li niktbu jew nibagħtu lil ħaddieħor hu minnu? Għandna l-permess li ngħaddu l-informazzjoni lil ħaddieħor? a Hija siewja u inkuraġġanti? X’inhuma l-motivi tagħna għala qed nagħmluha disponibbli? Qed nagħmlu dan sempliċement biex nimpressjonaw lil oħrajn?
Jekk jintuża kif suppost, l-e-mail jistaʼ jkun barka. Imma wkoll jistaʼ jibbombardjana bl-informazzjoni. Qegħdin aħna ngħabbu żżejjed lil oħrajn billi nibagħtu dak li ġara reċentement u dettalji mhux importanti lil-listi twal taʼ nies li nafu u forsi nisirqulhom mill-ħin prezzjuż tagħhom? M’għandniex aħna neżaminaw il-motivi tagħna qabel ma nagħfsu l-buttuna biex nibagħtu xi ħaġa? X’inhu dak li tassew nixtiequ nwettqu? In-nies kienu jiktbu l-ittri biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-familja u l-ħbieb, u b’hekk iżommuhom aġġornati b’dak li qed jiġri f’ħajjithom. M’għandux dan ikun l-iskop tal-e-mail tagħna? Għala tgħaddi lil ħaddieħor xi ħaġa li ma tistax tikkonferma?
Allura x’għandna nagħmlu rigward l-Internet? Nevitawh għalkollox? F’xi każi forsi hekk ikun hemm bżonn. Ir-raġel li semmejna qabel, li kien jiddependi mill-Internet, hekk għamel sabiex jegħleb snin taʼ dipendenza minnu. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-Internet jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina, sakemm inħallu ‘l-abbiltà li naħsbu tibqaʼ tgħasses fuqna, u d-dixxerniment iħarisna.’—Prov. 2:10, 11.
[Nota taʼ taħt]
a L-istess jgħodd għar-ritratti. Għalkemm nistgħu nieħdu ritratti għall-użu persunali tagħna, forsi m’għandniex il-jedd li nqassmuhom, aħseb u ara li nagħtu l-ismijiet tan-nies li jidhru fir-ritratti u ngħidu fejn jgħixu.
[Stampa f’paġna 4]
Kif tistaʼ tevita li ssir vittma taʼ informazzjoni żbaljata?
[Stampa f’paġna 5]
X’għandek tikkunsidra qabel ma tagħfas il-buttuna biex tibgħat xi ħaġa?