Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Nibżaʼ mill-Mewt—Issa Nistenna “Ħajja bl-Abbundanza”

Kont Nibżaʼ mill-Mewt—Issa Nistenna “Ħajja bl-Abbundanza”

Kif Rakkontata Minn Piero Gatti

IL-​ĦOSS baxx tat-​tkarwit beda jiżdied ftit ftit. Warajh kien hemm il-​ħoss tas-​sireni jwerżqu biex iwissu lin-​nies ħalli jmorru jistkennu. Imbagħad kien hemm it-​tfaqqigħ taʼ bombi u qerda u għajta li damdmet widnejn dawk imkexkxin.

Dan seħħ f’Milan, l-​Italja, fl-​1943/1944. Bħala suldat żagħżugħ stazzjonat hemmhekk, spiss kont ordnat biex niġbor il-​fdalijiet umani li kienu midfunin f’xeltrijiet kontra l-​attakki mill-​ajru li kienu ntlaqtu mill-​bombi, fejn in-​nies kienu ġew maqbudin, ġisimhom imbiċċer u ma jintgħarafx. U ma kinitx biss il-​mewt t’oħrajn li rajt mill-​viċin. Kultant jien innifsi ħrabt il-​mewt bi żbrixx. F’dawk l-​okkażjonijiet kont nitlob, u kont inwiegħed lil Alla li jekk insalva mill-​massakri, kont se nagħmel ir-​rieda tiegħu.

Negħleb il-​Biżaʼ Tiegħi mill-​Mewt

Trabbejt f’raħal madwar 10 kilometri minn Como, l-​Italja, ħdejn il-​fruntiera tal-​Isvizzera. F’età żgħira, ġejt wiċċ imb wiċċ man-​niket u l-​biżaʼ mill-​mewt. Tnejn minn ħuti bniet mietu bl-​influwenza Spanjola. Imbagħad fl-​1930, meta kelli biss sitt snin, mietet ommi, Luigia. Peress li trabbejt bħala Kattoliku, osservajt regoli reliġjużi u kull ġimgħa kont nattendi Quddiesa. Imma l-​biżaʼ tiegħi għelibtu snin wara għand barbier, mhux fi knisja.

Fl-​1944, ħafna kienu qed jitilfu ħajjithom fit-​Tieni Gwerra Dinjija. Jien kont wieħed minn għaxriet t’eluf taʼ suldati Taljani li kienu ħarbu ż-​żona tal-​gwerra u marru l-​Isvizzera, li kienet newtrali. Malli wasalna ġejna meħudin f’għadd taʼ kampijiet tar-​refuġjati. Jien intbagħat f’wieħed ħdejn Steinach, fil-​Grigal tal-​pajjiż. Hemmhekk ngħatajna ċertu ammont taʼ libertà. Il-​barbier fi Steinach kellu bżonn għajnuna temporanja fil-​ħanut tiegħu. Jien domt ngħix u naħdem miegħu għal xahar biss, imma dan kien biżżejjed biex niltaqaʼ maʼ xi ħadd li biddilli ħajti.

Adolfo Tellini, Taljan li kien jgħix fl-​Isvizzera, kien imur jaqtaʼ xagħru għand dan il-​barbier. Kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jien qatt ma kont smajt b’dan il-​grupp, u din ma kinitx xi ħaġa stramba meta tqis li dak iż-​żmien ma kienx hemm iktar minn 150 Xhud fl-​Italja kollha. Adolfo qalli dwar veritajiet Bibliċi meraviljużi, wegħdi taʼ paċi u taʼ “ħajja bl-​abbundanza.” (Ġw. 10:10; Riv. 21:3, 4) Jien issaħħart bil-​messaġġ taʼ futur mingħajr gwerra u mewt. Lura fil-​kamp tar-​refuġjati, din it-​tama qsamtha maʼ Taljan żagħżugħ ieħor, Giuseppe Tubini, u hu wkoll baqaʼ impressjonat. Kultant żmien, Adolfo u Xhieda oħrajn kienu jiġu jżuruna fil-​kamp.

Adolfo ħadni Arbon, madwar 10 kilometri minn Steinach, fejn grupp żgħir taʼ Xhieda kienu jagħmlu l-​laqgħat bit-​Taljan. Tant kont entużjast dwar dak li smajt li l-​ġimgħa taʼ wara mxejtha s’hemmhekk. Iktar tard, attendejt assemblea tax-​Xhieda f’sala tal-​konvenzjonijiet f’Zurich. Laqtitni partikolarment preżentazzjoni bis-​slajds taʼ kampijiet fejn kien isir il-​qtil bil-​massa, u fis-​slajds kien hemm gzuz taʼ iġsma. Tgħallimt li ħafna Xhieda Ġermaniżi kienu nqatlu bħala martri għall-​fidi tagħhom. F’dik l-​assemblea, iltqajt maʼ Maria Pizzato. Minħabba l-​attivitajiet tagħha bħala Xhud, kienet ngħatat sentenza taʼ 11-​il sena mill-​awtoritajiet Faxxisti Taljani.

Meta ntemmet il-​gwerra, jien mort lura l-​Italja u ngħaqadt mal-​kongregazzjoni żgħira f’Como. Kien għad ma kellix studju regulari tal-​Bibbja, imma kelli l-​veritajiet fundamentali ċari f’moħħi. Maria Pizzato wkoll kienet membru taʼ dik il-​kongregazzjoni. Kellmitni dwar il-​bżonn tal-​magħmudija Kristjana u stidnitni biex immur inżur lil Marcello Martinelli, li kien jgħix f’Castione Andevenno, fil-​provinċja taʼ Sondrio. Marcello kien ħu leali midluk li kien ngħata sentenza taʼ 11-​il sena mir-​reġim dittatorjali. Kelli nsuq 80 kilometru bir-​rota biex inżuru.

Marcello uża l-​Bibbja biex jispjega l-​ħtiġijiet għall-​magħmudija, u wara tlabna u morna ħdejn ix-​Xmara Adda, fejn tgħammidt. Kien Settembru tal-​1946. Dan kien jum speċjali ħafna! Tant kont eċċitat dwar id-​deċiżjoni tiegħi li naqdi lil Ġeħova u li issa kelli tama soda għall-​futur li, meta sar filgħaxija, lanqas irrealizzajt li dakinhar kont ġrejt 160 kilometru bir-​rota!

F’Mejju tal-​1947, f’Milan inżammet l-​ewwel assemblea fl-​Italja minn mindu spiċċat il-​gwerra. Attendew madwar 700 ruħ, inkluż ħafna minn dawk li kienu għexu matul il-​persekuzzjoni Faxxista. F’din l-​assemblea seħħet xi ħaġa mhix tas-​soltu. Giuseppe Tubini, li kont tajtu xhieda fil-​kamp tar-​refuġjati, għamel it-​taħdita tal-​magħmudija—wara, hu nnifsu tgħammed!

F’dik l-​assemblea kelli l-​privileġġ li niltaqaʼ maʼ Ħuna Nathan Knorr, mill-​Betel taʼ Brooklyn. Hu inkuraġġixxa lili u lil Giuseppe biex nużaw ħajjitna f’servizz lil Alla. Iddeċidejt li kont se nibda s-​servizz full-​time fi żmien xahar. Xħin wasalt id-​dar, għedt lil familti bid-​deċiżjoni tiegħi, u lkoll kemm huma pprovaw ibiddluli fehmti. Però, kont determinat. Allura, xahar wara bdejt is-​servizz tiegħi f’Betel f’Milan. Kienu jaqdu erbaʼ missjunarji hemmhekk: Giuseppe (Joseph) Romano u martu, Angelina; Carlo Benanti u martu, Costanza. Il-​ħames membru tal-​familja kien Giuseppe Tubini, li kien għadu kif ngħaqad magħhom, u jien kont is-​sitt membru.

Wara xahar f’Betel, ġejt maħtur bħala indokratur tas-​circuit—l-​ewwel wieħed fil-​pajjiż imwieled l-​Italja. Ħuna George Fredianelli, l-​ewwel missjunarju li ġie l-​Italja mill-​Istati Uniti fl-​1946, kien diġà fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar. Hu ħarriġni għal ftit ġimgħat, u mbagħad irħejtha għal din l-​avventura waħdi. B’mod partikulari niftakar l-​ewwel kongregazzjoni li żort—Faenza. Immaġina ftit! Sa dak iż-​żmien kont għadni lanqas biss għamilt taħdita quddiem kongregazzjoni! Minkejja dan, inkuraġġejt lil dawk fl-​udjenza, inkluż lil ħafna żgħażagħ, biex jaħsbu dwar jekk jistgħux jidħlu fil-​ministeru full-​time. Iktar tard, xi wħud minn dawn iż-​żgħażagħ ngħataw inkarigi taʼ responsabbiltà kbira fit-​territorju Taljan.

Kont bdejt ħajja eċċitanti bħala indokratur li jivvjaġġa. Kienet ħajja mimlija sorpriżi, aġġustamenti, sfidi, u ferħ, u waħda li fiha rċivejt affezzjoni kbira minn aħwa għeżież.

Ix-​Xena Reliġjuża fl-​Italja Wara l-​Gwerra

Ħa ngħidlek xi ħaġa dwar il-​qagħda reliġjuża fl-​Italja lura dak iż-​żmien. Il-​Knisja Kattolika kienet taħkem mingħajr ħadd ma jisfidaha. Għalkemm bdiet taħdem kostituzzjoni ġdida fl-​1948, kien fl-​1956 li ġew irtirati l-​liġijiet Faxxisti li kienu jżommu lix-​Xhieda milli jippritkaw bil-​libertà. Minħabba l-​pressjoni mill-​kleru, assembleat tas-​circuit spiss kienu jiġu mfixklin. Imma kultant, l-​isforzi tal-​kleru kienu jfallu bl-​ikrah, bħalma ġara fl-​1948 f’Sulmona, belt żgħira f’nofs l-​Italja.

L-​assemblea kienet qed tinżamm f’teatru. Il-​Ħadd filgħodu jien kont iċ-​chairman, u Giuseppe Romano għamel it-​taħdita pubblika. Għal dak iż-​żmien, kien hemm udjenza kbira ħafna. Fi żmien meta lanqas biss kien hemm 500 pubblikatur fil-​pajjiż kollu, 2,000 ruħ imlew it-​teatru. Fl-​aħħar tat-​taħdita, żagħżugħ, imħeġġeġ minn żewġ qassisin li kienu fl-​udjenza, qabeż għal fuq il-​palk. Bl-​iskop li jqajjem konfużjoni, beda jgħajjat b’leħen għoli. Jien mill-​ewwel għedtlu, “Jekk għandek xi ħaġa xi tgħid, ikri sala, u tistaʼ tgħid li trid.” L-​udjenza ma kinitx impressjonata bih, u bl-​espressjonijiet tagħhom taʼ diżapprovazzjoni leħnu lanqas beda jinstemaʼ. Xħin ra hekk, iż-​żagħżugħ niżel minn fuq il-​palk u sparixxa.

F’dawk il-​jiem, l-​ivvjaġġar kien avventuruż. Kultant kont nimxi minn kongregazzjoni għal oħra, kont insuq ir-​rota tiegħi, kont nivvjaġġa fuq karozzi tal-​linja żdingati u ffollati, jew kont immur bil-​ferrovija. Kultant kien ikolli norqod fi stalla jew f’kamra fejn kienu jżommu l-​għodda. Il-​gwerra ma kinitx ilha li ntemmet, u l-​biċċa l-​kbira mit-​Taljani kienu foqra. Kien hemm ftit aħwa, u kienu taʼ ftit mezzi. Xorta waħda, il-​ħajja fis-​servizz taʼ Ġeħova kienet tal-​għaġeb.

Taħriġ f’Gilegħad

Fl-​1950, jien u Giuseppe Tubini ġejna mistidnin biex nattendu s-​16-​il klassi tal-​iskola taʼ Gilegħad għall-​missjunarji. Mill-​bidu nett, indunajt li kien se jkun diffiċli għalija biex nitgħallem l-​Ingliż. Għamilt l-​almu tiegħi, imma kienet taʼ sfida kbira. Kellna naqraw il-​Bibbja kollha kemm hi bl-​Ingliż. Biex nagħmel dan, kultant ma kontx immur għall-​ikel biex nipprattika naqra b’leħen għoli. Eventwalment, kien imissni nagħmel taħdita. Għadni niftakar il-​kummenti tal-​istruttur bħallikieku kien ilbieraħ, “Il-​ġesti u l-​entużjażmu tiegħek huma eċċellenti, imma l-​Ingliż tiegħek xejn ma jinftiehem!” Minkejja dan, irnexxieli llesti l-​kors b’suċċess. Wara dan, jien u Giuseppe rġajna ġejna inkarigati naqdu l-​Italja. B’dan it-​taħriġ addizzjonali, it-​tnejn li aħna konna armati aħjar biex naqdu lill-​aħwa.

Fl-​1955 iżżewwiġt lil Lidia, li sebaʼ snin qabel kont għamiltilha t-​taħdita tal-​magħmudija. Missierha, Domenico, kien ħu għażiż li kien irnexxielu jgħin lis-​sebat itfal tiegħu kollha jħaddnu l-​verità, minkejja li ġie persegwitat mir-​reġim Faxxist u ġie eżiljat għal tliet snin. Lidia wkoll kienet tissielet għall-​verità. Hi ffaċċjat tliet każijiet fil-​qorti qabel ma eventwalment ġie rikonoxxut id-​dritt legali tagħna biex nippritkaw minn dar għal dar. Wara li konna ilna miżżewġin sitt snin, twieled Beniamino, l-​ewwel tifel tagħna. Fl-​1972 kellna tifel ieħor, Marco. Jien ferħan ħafna li t-​tnejn li huma flimkien mal-​familji tagħhom qed jaqdu lil Ġeħova biż-​żelu.

Nibqaʼ Attiv fis-​Servizz taʼ Ġeħova

Matul il-​ħajja ferħana tiegħi naqdi lil oħrajn, kelli ħafna esperjenzi memorabbli. Pereżempju, fil-​bidu tas-​snin 80, ħatni kiteb lil Sandro Pertini, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Italja. Matul id-​dittatorjat Faxxist, it-​tnejn li huma kienu ġew eżiljati fuq il-​gżira taʼ Ventotene, fejn kienu jinżammu dawk meqjusin bħala għedewwa tar-​reġim. Ħatni talab biex jidher quddiem il-​president bl-​iskop li jagħtih xhieda. Meta t-​talba tiegħu ġiet milqugħa, jien mort miegħu, u ġejna milqugħin b’qalb tajba—xi ħaġa li ma konniex imdorrijin biha. Il-​president laqaʼ lil ħatni bl-​affezzjoni u għannqu. Imbagħad kellimnieh dwar it-​twemmin tagħna u tajnieh xi letteratura.

Fl-​1991, wara 44 sena bħala indokratur li jivvjaġġa, kelli nieqaf mix-​xogħol tas-​circuit, li fih kont żort diversi kongregazzjonijiet madwar l-​Italja kollha. Għall-​erbaʼ snin taʼ wara, qdejt bħala indokratur taʼ Sala tal-​Assemblea sakemm kelli nnaqqas ftit l-​attività tiegħi minħabba marda serja. Madankollu, grazzi għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova, għadni fis-​servizz full-​time. Nipprova nagħmel l-​almu tiegħi biex nipprietka u ngħallem l-​aħbar tajba, u bħalissa qed nikkonduċi xi studji tal-​Bibbja. L-​aħwa għadhom jgħidu li meta nagħmel xi taħdita, għandi entużjażmu “esplożiv.” Nirringrazzja lil Ġeħova li ż-​żelu tiegħi ma battiex bl-​età.

Bħala żagħżugħ, kont maħkum għalkollox mill-​biżaʼ mill-​mewt, imma peress li ksibt l-​għarfien eżatt tal-​Bibbja għandi tama ċerta taʼ ħajja taʼ dejjem—ħajja “bl-​abbundanza,” kif sejħilha Ġesù. (Ġw. 10:10) Jien issa qed inħares ’il quddiem għal din—ħajja mimlija paċi, sigurtà, u hena, b’għadd taʼ barkiet mingħand Ġeħova. Jalla l-​unur kollu jmur għall-​Ħallieq tagħna kollu mħabba, li għandna l-​privileġġ li nġorru ismu.—Salm 83:18.

[Mappa f’paġni 22, 23]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

SVIZZERA

BERN

Zurich

Arbon

Steinach

ITALJA

RUMA

Como

Milan

Ix-​Xmara Adda

Castione Andevenno

Faenza

Sulmona

Ventotene

[Stampa f’paġna 22]

Aħna u sejrin Gilegħad

[Stampa f’paġna 22]

Maʼ Giuseppe f’Gilegħad

[Stampa f’paġna 23]

Fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna

[Stampa f’paġna 23]

Marti l-​għażiża ilha iktar minn 55 sena tappoġġani