Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Familji Kristjani—“Kunu Dejjem għal-Lest”

Familji Kristjani—“Kunu Dejjem għal-Lest”

“Kunu dejjem għal-​lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-​bniedem.”—LQ. 12:40.

1, 2. Għala għandna nieħdu bis-​serjetà t-​twissija taʼ Ġesù biex ‘inkunu dejjem għal-​lest’?

 “META Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu” u jifred “lin-​nies, wieħed mill-​ieħor,” x’se jiġri minnek u mill-​familja tiegħek? (Mt. 25:31, 32) Mela ladarba dan se jseħħ f’siegħa li ma nobsruhiex, kemm hu vitali li nieħdu bis-​serjetà t-​twissija taʼ Ġesù biex ‘inkunu dejjem għal-​lest’!—Lq. 12:40.

2 Fl-​artiklu taʼ qabel iddiskutejna kif kull membru tal-​familja jistaʼ jgħin lill-​familja kollha tibqaʼ mqajma spiritwalment billi jieħu r-​responsabbiltà tiegħu bis-​serjetà. Ejja nikkunsidraw xi modi oħrajn li bihom nistgħu nkunu taʼ ġid spiritwali għall-​familja tagħna.

Żommu Għajn “Sempliċi”

3, 4. (a) Il-​familji Kristjani għal xiex għandhom joqogħdu għassa? (b) Xi jfisser li nżommu għajn “sempliċi”?

3 Sabiex ikunu lesti għall-​miġja taʼ Kristu, il-​familji jridu joqogħdu attenti biex ma jiġux żvijati u b’hekk ma jibqgħux iffokati fuq kwistjonijiet li jinvolvu l-​qima vera. Jeħtieġ li jibqgħu għassa biex ma jħallux id-​distrazzjonijiet jaljenawhom. Ladarba l-​materjaliżmu huwa nassa li fiha waqgħu ħafna familji, ikkunsidra dak li qal Ġesù dwar li nżommu għajn “sempliċi.” (Aqra Mattew 6:22, 23.) Sewwasew bħalma lampa tistaʼ ddawlilna triqitna u tgħinna nimxu mingħajr ma naqgħu, hekk ukoll dak li naraw permezz tal-​‘għajnejn tal-​qalb’ figurattivi jistaʼ jdawwalna, u jgħinna naġixxu bla ma nitfixklu.—Efes. 1:18.

4 Sabiex l-​għajn letterali tara ċar, trid tkun tiffunzjona kif suppost u tkun kapaċi tiffoka fuq dak li tkun qed tħares lejh. L-​istess ħaġa tapplika għall-​għajnejn tal-​qalb. Li jkollna għajn sempliċi figurattiva jfisser li jkollna skop wieħed f’moħħna. Minflok ma ngħixu ħajja li tkun iffokata fuq affarijiet materjali u ninkwetaw iżżejjed biex nieħdu ħsieb biss il-​bżonnijiet fiżiċi tal-​familja, aħna nżommu għajnejna ffokati fuq affarijiet spiritwali. (Mt. 6:33) Dan ifisser li nibqgħu nkunu kuntenti b’dak li għandna materjalment u npoġġu s-​servizz t’Alla fl-​ewwel post f’ħajjitna.—Ebr. 13:5.

5. Tfajla adoloxxenti kif uriet li ‘għajnejha’ kienu ffokati fuq li taqdi lil Alla?

5 Kemm jistgħu jinkisbu riżultati tajbin meta t-​tfal jiġu mħarrġin biex iżommu għajn sempliċi! Ikkunsidra l-​eżempju taʼ tfajla adoloxxenti fl-​Etjopja. Din tant kienet brava li meta spiċċat l-​iskola sekondarja ġiet offruta borża taʼ studju biex tkompli bl-​edukazzjoni tagħha. Peress li għajnejha kienu ffokati fuq li taqdi lil Ġeħova, hi rrifjutat il-​borża taʼ studju. Ftit wara, hi ġiet offruta impjieg b’paga taʼ 3,000 ewro fix-​xahar—paga għolja meta mqabbla mal-​paga medja f’pajjiżha. Imma ‘għajnejn’ din it-​tfajla kienu ffokati fuq is-​servizz taʼ pijunier. Ma kellhiex għalfejn tiddiskuti mal-​ġenituri tagħha biex tirrifjuta l-​impjieg. Il-​ġenituri tagħha kif ħassewhom meta saru jafu x’kienet għamlet binthom? Huma ferħu magħha u qalulha li kienu kburin ħafna biha.

6, 7. Għal liema perikli għandna ‘nżommu għajnejna miftuħin’?

6 Fil-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 6:22, 23 hemm twissija indiretta dwar ir-​regħba. Ġesù m’għamilx kuntrast bejn il-​kelma “sempliċi” u l-​oppost tagħha “kumpless.” Il-​kuntrast għamlu bejn il-​kelma “sempliċi” u t-​terminu “mill-​agħar.” ‘Għajn mill-​agħar’ hija ħażina u għajjura, jiġifieri, kollha xenqa b’għira jew regħba. (Mt. 6:23) Ġeħova kif iħossu dwar ix-​xenqa b’għira jew ir-​regħba? “Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-​żína u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-​regħba [jew, ix-​xenqa b’għira],” tgħid il-​Bibbja.—Efes. 5:3.

7 Filwaqt li r-​regħba faċilment narawha f’oħrajn, diffiċli narawha fina nfusna. Għalhekk, aħna nkunu għaqlin jekk nagħtu kas il-​parir taʼ Ġesù: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira.” (Lq. 12:15) Sabiex nagħmlu dan jeħtieġ neżaminaw lilna nfusna ħalli naraw għal xiex inkunu qed nixxennqu. Il-​familji Kristjani għandhom jaħsbu bis-​serjetà dwar il-​ħin li jqattgħu u l-​flus li jonfqu fid-​divertiment, fir-​rikreazzjoni, u fix-​xiri t’affarijiet materjali.

8. Meta tkun se tixtri xi ħaġa, kif tistaʼ ‘żżomm għajnejk miftuħin’?

8 Meta tkun se tixtri xi ħaġa ma tridx biss tqis jekk għandekx flus biżżejjed biex tixtriha. Trid tikkunsidra wkoll fatturi oħrajn bħalma huma dawn: ‘Se jkolli ħin biex l-​oġġett li nkun xtrajt nużah regolarment u nieħu ħsiebu? Kemm se ndum biex nitgħallem nużah sew? Żagħżugħ, jew żagħżugħa, temminx kulma jintqal fir-​reklami dwar l-​affarijiet li tistaʼ tixtri, inkella dan jistaʼ jġiegħlek ma tkunx raġunevoli minħabba li tkun trid tixtri ħwejjeġ tad-​ditta li jiswew ħafna flus jew oġġetti oħrajn. Rażżan lilek innifsek. Ikkunsidra wkoll kif dak li tkun trid tixtri se jeffettwa l-​mod kif il-​familja tiegħek tkun imħejjija għall-​miġja taʼ Bin il-​bniedem. Poġġi fidi fil-​wegħda taʼ Ġeħova: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.”—Ebr. 13:5.

Stinkaw Biex Tilħqu Miri Spiritwali

9. X’ġid joħroġ meta l-​familja tistinka biex tilħaq miri spiritwali?

9 Mod ieħor kif il-​membri tal-​familji jsaħħu l-​fidi tagħhom u jkunu taʼ ġid spiritwali għall-​familja kollha hu billi jagħmlu miri spiritwali u jistinkaw biex jilħquhom. Jekk jagħmlu dan, il-​familji se jiġu megħjunin jaraw kemm qed jagħmlu progress fil-​mira tagħhom li jogħġbu lil Ġeħova. Jgħinhom ukoll jiddeċiedu liema attivitajiet għandhom ikunu l-​iktar importanti f’ħajjithom.—Aqra Filippin 1:10.

10, 11. Bħala familja, liema miri qegħdin tistinkaw biex tilħqu, u liema miri tixtiequ tagħmlu għall-​futur?

10 Anki meta jsiru miri żgħar u realistiċi li jkunu jistgħu jintlaħqu kważi minn kull membru tal-​familja, ikun hemm benefiċċji kbar. Ejja nieħdu, pereżempju, il-​mira li kull ġurnata niddiskutu l-​iskrittura tal-​jum. Il-​kummenti li jingħataw mill-​membri tal-​familja jistgħu jgħinu lill-​kap tal-​familja jara l-​avanz fl-​ispiritwalità tagħhom. Il-​mira li naqraw il-​Bibbja flimkien bħala familja regolarment tipprovdi opportunità eċċellenti biex it-​tfal jitgħallmu jaqraw aħjar, kif ukoll jifhmu aħjar il-​messaġġ tal-​Bibbja. (Salm 1:1, 2) M’għandniex aħna nagħmluha mira li ntejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna? Mira eċċellenti oħra li nistgħu nistinkaw biex nilħqu hi li nikkultivaw aspetti tal-​frott tal-​ispirtu iktar bis-​sħiħ. (Gal. 5:22, 23) Jew xi ngħidu dwar li nfittxu modi kif nuru empatija man-​nies li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru? Jekk nistinkaw biex nagħmlu dan bħala familja, it-​tfal ikunu jistgħu jiġu megħjunin jitgħallmu juru mogħdrija, u x’aktarx dan se jgħinhom jiżviluppaw xewqa li jaqdu bħala pijunieri regulari jew missjunarji.

11 Għala ma tikkunsidrax xi miri li int u l-​familja tiegħek tistgħu tistinkaw biex tilħqu? Tistgħu bħala familja tagħmlu mira li tqattgħu iktar ħin fil-​ministeru? Tistgħu taħdmu biex tegħlbu l-​biżaʼ jew il-​mistħija li tagħtu xhieda bit-​telefon, fit-​triq, jew f’postijiet taʼ negozju? Xi ngħidu dwar li taħdmu fejn hemm ħtieġa akbar għall-​pubblikaturi tas-​Saltna? Jistaʼ xi ħadd mill-​familja jitgħallem lingwa ġdida sabiex jaqsam l-​aħbar tajba maʼ nies taʼ nazzjonalità oħra?

12. X’jistgħu jagħmlu l-​kapijiet tal-​familja biex jgħinu lill-​familji tagħhom jagħmlu progress spiritwali?

12 Bħala l-​kap tal-​familja, identifika aspetti li fihom il-​membri tal-​familja tiegħek jistgħu jagħmlu progress spiritwali. Imbagħad, biex tilħaq dan l-​iskop agħmel miri speċifiċi. Il-​miri li tagħmlu bħala familja għandhom ikunu realistiċi u li jistgħu jintlaħqu, skont iċ-​ċirkustanzi u l-​abbiltajiet tagħkom. (Prov. 13:12) M’għandniex xi ngħidu, biex taħdem ħalli tilħaq mira sinifikanti jinvolvi l-​ħin. Għalhekk, ixtri l-​ħin li s-​soltu tqattaʼ quddiem it-​televixin u użah biex tilħaq miri spiritwali. (Efes. 5:15, 16) Aħdem iebes biex jintlaħqu l-​miri li tagħmel għall-​familja tiegħek. (Gal. 6:9) “Kulħadd [ikun jistaʼ] jara” l-​avanz li tagħmel familja li tkun qed tistinka biex tilħaq miri spiritwali.—1 Tim. 4:15.

Żommu l-​Lejla tal-​Qima tal-​Familja Regulari

13. Liema bidla ġiet introdotta fl-​iskeda taʼ kull ġimgħa tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u dwar liema mistoqsijiet għandna nirriflettu?

13 Għajnuna eċċellenti sabiex il-​familji jiġu megħjunin ‘ikunu dejjem għal-​lest’ għall-​miġja taʼ Bin il-​bniedem hija l-​bidla sinifikanti fl-​iskeda taʼ kull ġimgħa li bdiet mill-​1 taʼ Jannar, 2009. Ġie eliminat il-​bżonn taʼ ġurnata separata għal dak li kien jissejjaħ l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni. Din il-​laqgħa bdiet issir flimkien mal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​Laqgħa tas-​Servizz. Dan l-​aġġustament sar biex jagħti l-​opportunità lill-​familji Kristjani sabiex isaħħu l-​ispiritwalità tagħhom ħalli jiddedikaw lejla speċifika kull ġimgħa għall-​qima tal-​familja. Issa li għadda xi ftit taż-​żmien mindu ġiet introdotta din il-​bidla, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed jien nuża l-​ħin li sar disponibbli biex inżomm lejla għall-​Qima tal-​Familja jew biex nagħmel l-​istudju persunali? Irnexxieli jien nilħaq l-​iskop li għalih sar dan l-​arranġament?ʼ

14. (a) X’inhu l-​iskop primarju għala nżommu b’mod regulari l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja jew għall-​istudju persunali? (b) Għala hu essenzjali li nwarrbu lejla għall-​istudju tal-​Bibbja?

14 L-​iskop primarju għala nżommu b’mod regulari l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja jew il-​ħin għall-​istudju persunali hu sabiex nersqu qrib lejn Alla. (Ġak. 4:8) Meta nqattgħu ħin nistudjaw il-​Bibbja fuq bażi regulari u niksbu iktar għarfien dwar il-​Ħallieq, ir-​relazzjoni tagħna miegħu se tkun iktar b’saħħitha. Iktar ma nersqu qrib lejn Ġeħova, iktar se jkollna motivazzjoni biex inħobbuh ‘b’qalbna kollha u b’ruħna kollha u b’moħħna kollu u b’saħħitna kollha.’ (Mk. 12:30) Żgur li aħna ħerqanin li nobdu lil Alla u nimitawh. (Efes. 5:1) Mela, hu essenzjali li nżommu l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja regulari sabiex il-​membri kollha tal-​familja tagħna jiġu megħjunin ‘ikunu għal-​lest’ spiritwalment hekk kif nistennew it-​“tribulazzjoni kbira” mbassra. (Mt. 24:21) Dan hu vitali biex insalvaw.

15. X’effett jistaʼ jkollha l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja fuq kif il-​membri tal-​familja jħossuhom dwar xulxin?

15 L-​arranġament tal-​Qima tal-​Familja għandu wkoll skop ieħor—dak li l-​membri tal-​familja jiġu megħjunin jersqu eqreb lejn xulxin. Meta l-​membri tal-​familja jqattgħu ħin flimkien jiddiskutu affarijiet spiritwali kull ġimgħa, l-​effett taʼ kif iħossuhom dwar xulxin ikun notevoli. Kemm iħossuhom qrib xulxin l-​imseħbin fiż-​żwieġ meta jaraw il-​ferħ li t-​tnejn li huma jesperjenzaw għax flimkien ikunu skoprew xi ħaġa ġdida mill-​Bibbja! (Aqra Ekkleżjasti 4:12.) Il-​ġenituri u t-​tfal li jqimu flimkien x’aktarx li jkunu iktar magħqudin fl-​imħabba li hi “rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kol. 3:14.

16. Irrakkonta kif tliet aħwa nisa spiritwali qed jibbenefikaw mil-​lejla li warrbu għall-​istudju tal-​Bibbja.

16 Ikkunsidra kif tliet aħwa nisa spiritwali bbenefikaw mill-​arranġament tal-​lejla għall-​istudju tal-​Bibbja. Għalkemm ma jiġux minn xulxin, dawn it-​tliet nisa romol imdaħħlin fiż-​żmien joqogħdu fl-​istess belt u ilhom ħbieb tal-​qalb għal bosta snin. Huma xtaqu jgawdu iktar il-​kumpanija taʼ xulxin, imma fl-​istess ħin riedu li dan ikun taʼ benefiċċju spiritwali għalihom. Ma xtaqux li jassoċjaw flimkien biss. Għalhekk, iddeċidew li jwarrbu lejla biex jiltaqgħu u jistudjaw il-​Bibbja. Bdew jistudjaw il-​ktieb Nagħtu Xhieda bir-​Reqqa Dwar is-​Saltna t’Alla. “Tant nieħdu gost inqattgħu dan il-​ħin flimkien li l-​istudju tagħna ġeneralment idum iktar minn siegħa,” tgħid waħda minnhom. “Aħna nipprovaw inġibu quddiem għajnejna s-​sitwazzjonijiet li kienu fihom ħutna fl-​ewwel seklu u niddiskutu kieku x’konna nagħmlu aħna f’ċirkustanzi simili. Imbagħad, fil-​ministeru nipprovaw napplikaw il-​punti li nkunu tgħallimna mid-​diskussjonijiet tagħna. B’hekk, l-​ippritkar tas-​Saltna u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli sar pjaċevoli u produttiv iktar minn qatt qabel.” Minbarra li bniehom spiritwalment, dan l-​arranġament ressaq lil dawn it-​tlett iħbieb tal-​qalb saħansitra eqreb lejn xulxin. Huma jgħidu: “Aħna ngħożżuh ferm dan l-​arranġament.”

17. Liema fatturi jgħinu biex il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tirnexxi?

17 Xi ngħidu għalik? Kemm qed tibbenefika mil-​lejla li warrabt għall-​qima tal-​familja jew għall-​istudju persunali? Jekk dan l-​arranġament isir biss darba kultant, il-​miri li tkun xtaqt mhumiex se jintlaħqu. Kull membru tal-​familja għandu jkun lest għall-​istudju fil-​ħin li jkun ġie stabbilit. M’għandniex inħallu affarijiet li mhumiex importanti jfixklulna l-​arranġament taʼ din il-​lejla. Iktar minn hekk, il-​materjal tal-​istudju għandu jintgħażel b’tali mod li s-​sessjonijiet ikunu prattiċi għall-​familja tiegħek. X’tistaʼ tagħmel biex dawn is-​sessjonijiet taʼ studju jkunu pjaċevoli? Uża metodi effettivi taʼ tagħlim, u żomm atmosfera dinjituża u trankwilla.—Ġak. 3:18. a

‘Ibqgħu Mqajmin’ u “Kunu Dejjem għal-​Lest”

18, 19. Il-​fatt li taf li l-​miġja taʼ Bin il-​bniedem hi qrib, kif jeffettwa lilek u lill-​familja tiegħek?

18 Il-​kundizzjonijiet tad-​dinja li huma karatteristika taʼ żmienna, u li sejrin mill-​ħażin għall-​agħar, ma jħallu ebda dubju li mill-​1914 ’l hawn id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana daħlet fl-​aħħar jiem tagħha. Is-​sħab tal-​maltempata taʼ Armageddon ma tantx jistaʼ jkun ’il bogħod. Dalwaqt jasal iż-​żmien biex jiġi Bin il-​bniedem ħalli jagħmel il-​ġudizzju taʼ Ġeħova fuq il-​ħżiena. (Salm 37:10; Prov. 2:21, 22) M’għandux il-​fatt li taf dan kollu jeffettwa lilek u lill-​familja tiegħek?

19 Qiegħed int tagħti kas il-​pariri taʼ Ġesù biex iżżomm għajn “sempliċi”? Filwaqt li n-​nies taʼ din id-​dinja forsi jfittxu r-​rikkezzi, il-​fama, jew il-​poter, qiegħda l-​familja tiegħek tistinka biex tilħaq miri spiritwali? Qiegħed int personalment tibbenefika mill-​arranġament tal-​lejla tal-​Qima tal-​Familja jew mill-​ħin tal-​istudju persunali? Qiegħed tilħaq il-​miri li xtaqt? Bħalma ġie diskuss fl-​artiklu taʼ qabel, qiegħed int terfaʼ r-​responsabbiltà Skritturali tiegħek bħala raġel jew mara miżżewġa, inkella bħala tifel jew tifla, biex b’hekk tgħin lill-​membri tal-​familja kollha ‘jibqgħu mqajmin’? (1 Tess. 5:6) Jekk inhu hekk, int se ‘tkun għal-​lest’ għall-​miġja taʼ Bin il-​bniedem.

[Nota taʼ taħt]

a Għal ideat dwar xiex tistaʼ tistudja u dwar kif tistaʼ tagħmel il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja waħda prattika u pjaċevoli, ara l-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru, 2009, paġni 29-​31.

X’Tgħallimt?

• Spjega kif il-​familji Kristjani jistgħu ‘jkunu għal-​lest’ billi . . .

jżommu għajn “sempliċi.”

jagħmlu miri spiritwali u jistinkaw biex jilħquhom.

jżommu l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja regulari.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Għajn “sempliċi” se tqanqalna biex nirreżistu d-​distrazzjonijiet tad-​dinja