Għallem lil Uliedek Juru Rispett
PROVERBJU Ġermaniż jgħid: “B’kappell f’idek tmur kullimkien.” F’ħafna kulturi, il-fatt li raġel jinżaʼ l-kappell meta jidħol id-dar taʼ xi ħadd jew meta jsellem lil xi ħadd kien meqjus bħala manjieri tajbin, u b’hekk kien jirbaħ ir-rispett taʼ kulħadd. Għalhekk, dan il-proverbju jfisser li n-nies għandhom it-tendenza li jkunu iktar qalbhom tajba u jaġixxu aħjar maʼ dawk li jkollhom manjieri tajbin.
Kemm hu sabiħ li tara żgħażagħ edukati! Indokratur tas-circuit fil-Honduras li jaħdem maʼ pubblikaturi taʼ diversi etajiet fix-xogħol tal-evanġelizzar minn bieb għal bieb jgħid, “Spiss ninnota li t-tfal li jkunu mħarrġin sew u li juru rispett ikollhom iktar impatt fuq l-inkwilin milli jkollu kliemi.”
Illum in-nuqqas taʼ rispett kiber, u għalhekk hu prattiku u taʼ benefiċċju li tkun taf kif għandek tittratta lil oħrajn. Iktar minn hekk, l-Iskrittura twissina biex ‘inġibu ruħna kif jixraq lill-aħbar tajba dwar il-Kristu.’ (Flp. 1:27; 2 Tim. 3:1-5) Huwa vitali li ngħallmu lil uliedna jirrispettaw lil oħrajn. Kif jistgħu jiġu mgħallmin biex mhux biss juru manjieri tajbin iżda wkoll biex iġibu rispett b’mod ġenwin? a
Għallem il-Manjieri Tajbin Permezz tal-Eżempju
It-tfal jitgħallmu billi jimitaw l-eżempji li huma josservaw. Għalhekk, mod fundamentali kif il-ġenituri jistgħu jnaqqxu l-manjieri tajbin f’uliedhom hu billi juru manjieri tajbin huma stess. (Dt. 6:6, 7) Huwa importanti li tirraġuna maʼ wliedek dwar il-manjieri tajbin, iżda dan biss mhuwiex biżżejjed. Flimkien mat-tfakkiriet, l-eżempju tajjeb hu assolutament essenzjali.
Ikkunsidra l-każ taʼ Paula, b li trabbiet f’familja Kristjana b’ġenitur wieħed. Li turi rispett lejn kulħadd sar parti mill-personalità tagħha. Għala? Hi twieġeb u tgħid, “Ommi kienet taʼ eżempju, u għalhekk li nuru rispett kien naturali għalina t-tfal.” Kristjan jismu Walter għallem lil uliedu subien jirrispettaw lil ommhom li ma kinitx tal-istess twemmin. Hu jgħid, “Jien kont nipprova ngħallem lil uliedi jirrispettaw lil ommhom permezz tal-eżempju tiegħi stess, billi qatt ma kont nitkellem b’mod negattiv dwar marti.” Walter kompla jgħallem lil uliedu l-Kelma t’Alla, u hu kien jitlob l-għajnuna taʼ Ġeħova. Wieħed minnhom issa jaqdi f’uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova, u l-ieħor huwa pijunier. Uliedu jħobbu u jirrispettaw liż-żewġ ġenituri.
Il-Bibbja tgħid: “Alla m’huwiex Alla tad-diżordni, imma tal-paċi.” (1 Kor. 14:33) Kulma jagħmel Ġeħova jagħmlu bl-ordni. Il-Kristjani għandhom jistinkaw biex jimitaw din il-kwalità divina u jżommu kollox pulit fid-dar tagħhom. Xi ġenituri ħarrġu lil uliedhom biex jifirxu s-sodda tagħhom kuljum qabel ma jmorru l-iskola, biex jerfgħu ħwejjiġhom f’posthom, u biex jagħtu daqqa t’id fil-faċendi tad-dar. Jekk it-tfal jaraw li l-ambjent fil-kumplament tad-dar ikun fl-ordni u nadif, huma x’aktarx li iktar se jżommu kamrithom fl-ordni u l-affarijiet tagħhom puliti.
Uliedek kif iħarsu lejn dak li qegħdin jitgħallmu l-iskola? Jesprimu apprezzament għal dak li l-għalliema jagħmlu magħhom? Bħala ġenitur, tesprimi int apprezzament bħal dan? Uliedek se jkollhom it-tendenza li jirriflettu l-istess attitudni li turi int lejn ix-xogħol tal-iskola u lejn l-għalliema. Għala ma tħeġġiġhomx jiħduha drawwa li jirringrazzjaw lill-għalliema tagħhom? Mod eċċellenti kif juru rispett lejn xi għalliem, tabib, sid taʼ ħanut, jew kwalunkwe persuna oħra, hu billi jesprimu gratitudni għas-servizzi li jwettqu. (Lq. 17:15, 16) Huma taʼ min ifaħħarhom il-Kristjani żgħażagħ li jispikkaw fost sħabhom tal-iskola minħabba li jkunu edukati u jġibu ruħhom sewwa.
Il-membri tal-kongregazzjoni Kristjana għandhom ikunu taʼ eżempju mill-aqwa fejn jidħlu l-manjieri. Kemm hu sabiħ li tara ż-żgħażagħ tal-kongregazzjoni juru manjieri tajbin billi jgħidu “jekk jogħġbok” u “grazzi”! Meta l-adulti juru rispett lejn Ġeħova billi joqogħdu attenti għat-tagħlim li jingħata matul il-laqgħat, iż-żgħażagħ jiġu mħeġġin jimitawhom. It-tfal jistgħu jitgħallmu jirrispettaw lil oħrajn billi josservaw l-eżempji mill-aqwa taʼ wħud fis-Sala tas-Saltna li juru manjieri tajbin. Pereżempju, Andrew, li għandu erbaʼ snin, diġà tgħallem jgħid, “Skużawni,” meta jkun se jgħaddi minn bejn l-adulti.
Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu iktar biex jgħinu lil uliedhom jitgħallmu liema tip taʼ kondotta hi mistennija minnhom? Il-ġenituri jistgħu u għandhom jieħdu l-ħin biex jaqsmu maʼ wliedhom il-lezzjonijiet li nitgħallmu mill-bosta eżempji li jinsabu fil-Kelma t’Alla.—Rum. 15:4.
Għallem b’Eżempji Bibliċi
Omm Samwel x’aktarx ħejjiet lil binha biex imil quddiem il-Qassis il-Kbir Eli. Meta ħadet lil Samwel fit-tabernaklu, hu x’aktarx kellu biss tlieta jew erbaʼ snin. (1 Sam. 1:28) Tistaʼ tipprattika maʼ wliedek ċkejknin frażijiet li wieħed juża meta jsellem lin-nies, bħalma huma “l-għodwa t-tajba,” “waranofsinhar it-tajjeb,” “il-lejla t-tajba,” jew dak li għandhom id-drawwa jgħidu n-nies fejn toqgħod int? Bħaċ-ċkejken Samwel, uliedek ukoll jistgħu ‘jingħoġbu iktar, sew quddiem Ġeħova u sew quddiem il-bnedmin.’—1 Sam. 2:26.
Għala ma tużax ir-rakkonti Bibliċi biex tenfasizza l-kuntrast bejn ir-rispett u d-diżrispett? Pereżempju, meta s-Sultan Aħażija taʼ Iżrael, li ma kienx leali, ried jara lill-profeta Elija, hu bagħat “kap taʼ ħamsin mal-ħamsin tiegħu” biex iġibuh. L-uffiċjal esiġa li jkun akkumpanjat mill-profeta. Dan ma kienx mod xieraq kif ikellem raġel li kien qed jirrappreżenta lil Alla. Elija kif wieġeb? Hu qal: “Mela jekk jien bniedem t’Alla, ħa jinżel nar mis-smewwiet u jiblaʼ lilek u lill-ħamsin tiegħek.” U proprju hekk ġara. “Niżel nar mis-smewwiet u belaʼ lilu u lill-ħamsin tiegħu.”—2 Slat. 1:9, 10.
It-tieni kap taʼ 50 intbagħat biex iġib lil Elija. Anki dan ipprova jordna lil Elija biex imur miegħu. Għal darb’oħra, niżel nar mis-smewwiet. Iżda mbagħad, it-tielet kap taʼ 50 ġie għand Elija. Dan ir-raġel wera rispett. Minflok ma ta ordni lil Elija, hu niżel għarkopptejh u talab bil-ħniena: “Bniedem taʼ l-Alla l-veru, jekk jogħġbok, ħa tkun prezzjuża f’għajnejk ruħi u ruħ dawn il-ħamsin qaddej tiegħek. Ara, liż-żewġ kapijiet l-oħrajn taʼ ħamsin u l-ħamsin tagħhom niżel nar mis-smewwiet u belagħhom, imma issa ħa tkun ruħi prezzjuża f’għajnejk.” Kien il-profeta t’Alla se jibgħat in-nar fuq xi ħadd li setaʼ kien qed jibżaʼ iżda li tkellem b’tant rispett? Lanqas biss kien jgħaddilu minn moħħu! Minflok, l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Elija biex imur maʼ dan l-uffiċjal. (2 Slat. 1:11-15) Ma jenfasizzax dan il-valur taʼ li nuru rispett?
Meta l-appostlu Pawlu ġie arrestat fit-tempju minn xi suldati Rumani, hu ma assumiex li kellu d-dritt jitkellem. Hu b’rispett staqsa lill-uffiċjal inkarigat: “Tippermettili ngħidlek xi ħaġa?” B’hekk, Pawlu ngħata l-opportunità li jiddefendi ruħu.—Atti 21:37-40.
Waqt li kien għaddej ġuri, Ġesù qalaʼ daqqiet taʼ ħarta fuq wiċċu. Madankollu, hu kien jaf kif għandu joġġezzjona: “Jekk għedt xi ħaġa ħażina, ixhed dwar il-ħażin; imma jekk tkellimt sewwa, għala tagħtini bil-ħarta?” Ħadd ma setaʼ jsib xi nuqqas fil-mod kif kien jitkellem Ġesù.—Ġw. 18:22, 23.
Il-Kelma t’Alla tipprovdi wkoll eżempji taʼ kif nistgħu nirreaġixxu għal korrezzjoni ħarxa u kif għandna nammettu b’rispett li nkunu wettaqna xi għemil ħażin jew xi traskuraġni fil-passat. (Ġen. 41:9-13; Atti 8:20-24) Pereżempju, Abigajl talbet skuża għall-mod insolenti li bih żewġha Nabal kien ittratta lil David. Minbarra li talbet skuża, hi tat lil David provvista kbira taʼ ikel. David tant baqaʼ impressjonat b’dak li għamlet Abigajl li wara l-mewt taʼ Nabal hu għażilha biex tkun martu.—1 Sam. 25:23-41.
Għallem lil uliedek juru rispett, sew jekk tkun kwistjoni taʼ li turi rispett f’ċirkustanzi taʼ prova u sew jekk taʼ li sempliċement turi manjieri tajbin. Meta nħallu ‘jiddi d-dawl tagħna quddiem il-bnedmin’ b’dan il-mod se ‘nagħtu glorja lil Missierna li hu fis-smewwiet.’—Mt. 5:16.
[Noti taʼ taħt]
a M’għandniex xi ngħidu, jeħtieġ li l-ġenituri jgħinu lil uliedhom jaraw id-differenza bejn li juru rispett lejn l-adulti u li jissottomettu ruħhom lejn xi ħadd li jistaʼ jkollu motivi li jkunu taʼ ħsara għat-tfal. Ara Stenbaħ! taʼ Jannar-Marzu 2008, paġni 3-11.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.