Ħobb il-Ġustizzja b’Qalbek Kollha
“Int tħobb il-ġustizzja.”—SALM 45:7.
1. X’se jgħinna nimxu “fil-mogħdijiet tas-sewwa”?
ĠEĦOVA qed imexxi lill-poplu tiegħu “fil-mogħdijiet tas-sewwa” permezz tal-Kelma u tal-ispirtu qaddis tiegħu. (Salm 23:3) Madankollu, peress li aħna imperfetti, għandna t-tendenza li niżvijaw minn din il-mogħdija. Sabiex induru lura u nagħmlu dak li hu sewwa jeħtieġ sforz persistenti. X’se jgħinna nirnexxu? Bħal Ġesù, irridu nħobbu nagħmlu dak li hu sewwa.—Aqra Salm 45:7.
2. X’inhuma “l-mogħdijiet tas-sewwa”?
2 X’inhuma “l-mogħdijiet tas-sewwa”? Mogħdija hi trejqa jew passaġġ dejjaq. Dawn il-“mogħdijiet” huma bbażati fuq il-livell taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova. Bil-lingwa Lhudija u bil-lingwa Griega, il-kelma “sewwa” tirreferi għal dak li hu “rett,” u timplika li wieħed iżomm b’mod strett mal-prinċipji morali. Ladarba Ġeħova hu l-wieħed li “fih jgħammar is-sewwa,” l-aduraturi tiegħu huma ferħanin li jduru lejh biex jaraw liema mogħdija retta moralment għandhom isegwu.—Ġer. 50:7.
3. Kif nistgħu nitgħallmu iktar dwar is-sewwa t’Alla?
3 Huwa biss billi nistinkaw b’qalbna kollha biex nimxu fi qbil mal-livelli ġusti t’Alla li se nogħġbuh bis-sħiħ. (Dt. 32:4) L-ewwel nett irridu nitgħallmu dak kollu li nistgħu dwar Alla Ġeħova mill-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Iktar ma nitgħallmu dwaru u nersqu eqreb lejh kuljum, iktar se nħobbu s-sewwa tiegħu. (Ġak. 4:8) Irridu wkoll naċċettaw il-gwida tal-Kelma ispirata t’Alla meta jkun jeħtieġ li nieħdu xi deċiżjonijiet importanti fil-ħajja.
Fittex is-Sewwa t’Alla
4. X’jinvolvi li nfittxu s-sewwa t’Alla?
4 Aqra Mattew 6:33. Li nfittxu s-sewwa t’Alla jinvolvi iktar milli nqattgħu l-ħin nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Sabiex is-servizz sagru tagħna jkun aċċettabbli għal Ġeħova, il-kondotta tagħna taʼ kuljum trid tkun fi qbil mal-livelli għoljin tiegħu. X’għandhom jagħmlu dawk kollha li qed ifittxu s-sewwa taʼ Ġeħova? Huma għandhom ‘jilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’—Efes. 4:24.
5. X’se jgħinna negħlbu l-iskuraġġiment?
5 Hekk kif nistinkaw biex ngħixu fi qbil mal-livelli ġusti t’Alla, kultant forsi nħossuna skuraġġiti minħabba n-nuqqasijiet tagħna. X’jistaʼ jgħinna negħlbu l-iskuraġġiment li jdgħajjifna u nitgħallmu nħobbu u nipprattikaw is-sewwa? (Prov. 24:10) Irridu nduru lejn Ġeħova bit-talb regolarment “bi qlub sinċieri u b’fiduċja sħiħa u bil-fidi.” (Ebr. 10:19-22) Sew jekk aħna Kristjani midlukin u sew jekk għandna t-tama għall-art, aħna neżerċitaw il-fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù Kristu u fis-servizzi tiegħu bħala l-aqwa Qassis il-Kbir tagħna. (Rum. 5:8; Ebr. 4:14-16) Proprju fl-ewwel ħarġa taʼ din ir-rivista bl-Ingliż intwera kemm kien effettiv id-demm imxerred taʼ Ġesù. (1 Ġw. 1:6, 7) L-artiklu qal: “Huwa fatt magħruf li [meta] oġġett lewn l-iskarlat jew il-krimżi [jiġi] osservat minn ħġieġa ħamra fid-dawl, l-oġġett jidher abjad; għalhekk, għalkemm dnubietna jistgħu jkunu lewn l-iskarlat jew il-krimżi, meta nqisu dnubietna bil-mod kif iqishom Alla permezz tal-valur tad-demm taʼ Kristu, dawn jitqiesu bħala bojod.” (Lulju 1879, p. 6) Xi provvediment meraviljuż għamel Ġeħova għalina permezz tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ibnu l-għażiż!—Is. 1:18.
Iċċekkja l-Armatura Spiritwali Tiegħek
6. Għala hu kruċjali li niċċekkjaw l-armatura spiritwali tagħna?
6 F’kull ħin u f’kull mument jeħtieġ li nkunu lebsin “il-kurazza tas-sewwa” għax hija parti essenzjali mill-armatura spiritwali mingħand Alla. (Efes. 6:11, 14) Sew jekk m’ilniex ħafna li ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova u sew jekk ilna naqduh għal għaxriet taʼ snin, huwa kruċjali li niċċekkjaw l-armatura spiritwali tagħna kuljum. Għala? Għax ix-Xitan u d-demonji tiegħu twaddbu għal isfel lejn il-viċinanzi tal-art. (Riv. 12:7-12) Satana hu rrabjat u jaf li ż-żmien tiegħu hu limitat. B’hekk, hu qed jattakka lill-poplu t’Alla iktar minn qatt qabel u b’iktar ħruxija. Napprezzaw aħna l-importanza taʼ li nkunu lebsin “il-kurazza tas-sewwa”?
7. Kif se nġibu ruħna jekk napprezzaw il-bżonn li jkollna “l-kurazza tas-sewwa”?
7 Il-kurazza tipproteġi l-qalb fiżika. Minħabba n-natura imperfetta tagħna, il-qalb figurattiva tagħna għandha t-tendenza li tkun qarrieqa u ddisprata. (Ġer. 17:9) Minħabba li qalbna hi inklinata li tagħmel il-ħażin, huwa vitali li tiġi mħarrġa u dixxiplinata. (Ġen. 8:21) Jekk napprezzaw il-bżonn li jkollna “l-kurazza tas-sewwa,” mhux se ninżgħuha, lanqas għal ftit, billi nagħżlu divertiment li jobgħod Alla; lanqas mhu se noqogħdu noħolmu dwar li nagħmlu xi għemil ħażin. Mhux se naħlu ammont kbir taʼ ħin prezzjuż naraw it-televixin. Minflok, se nkomplu nissieltu biex nagħmlu dak li jogħġob lil Ġeħova. Anki kieku kellna nitfixklu, billi għal mument inċedu għall-ħsibijiet tal-laħam li mhumiex sewwa, bl-għajnuna taʼ Ġeħova nerġgħu nqumu.—Aqra Proverbji 24:16.
8. Għala għandna bżonn “it-tarka kbira tal-fidi”?
8 Fost il-partijiet tal-armatura spiritwali tagħna hemm “it-tarka kbira tal-fidi.” Din tgħinna ‘nitfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin.’ (Efes. 6:16) B’hekk, il-fidi u l-imħabba b’qalb sħiħa għal Ġeħova jgħinuna nipprattikaw is-sewwa u nibqgħu fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Iktar ma nitgħallmu nħobbu lil Ġeħova, iktar se nqisu s-sewwa tiegħu bħala li hu taʼ valur. Iżda xi ngħidu għall-kuxjenza tagħna? Din kif tgħinna fl-isforzi tagħna biex inħobbu s-sewwa?
Żomm Kuxjenza Tajba
9. Kif nibbenefikaw meta nżommu kuxjenza tajba?
9 Fil-magħmudija tagħna tlabna lil Ġeħova biex ikollna “kuxjenza tajba.” (1 Pt. 3:21) Minħabba li neżerċitaw fidi fil-fidwa, id-demm taʼ Ġesù jgħatti d-dnubiet tagħna u b’hekk inkunu approvati quddiem Alla. Madankollu, sabiex jibqaʼ jkollna din l-approvazzjoni, jeħtieġ li nżommu kuxjenza tajba. Jekk il-kuxjenza tagħna kultant takkużana u twissina, għandna nkunu grati li qed taħdem tajjeb. Dan it-tingiż tal-kuxjenza tagħna jindika li din għadha sensittiva fejn jidħlu l-mogħdijiet ġusti taʼ Ġeħova. (1 Tim. 4:2) Iżda l-kuxjenza jistaʼ jkollha rwol ieħor għal dawk li jridu jħobbu s-sewwa.
10, 11. (a) Irrakkonta esperjenza li turi għala għandna nisimgħu mill-kuxjenza tagħna mħarrġa mill-Bibbja. (b) L-imħabba għas-sewwa għala tistaʼ tferraħna bil-kbir?
10 Meta nagħmlu l-ħażin, il-kuxjenza tagħna tistaʼ tikkundannana jew titturmentana. Żagħżugħ żvija mill-“mogħdijiet tas-sewwa.” Hu qabad il-vizzju tal-pornografija u beda jpejjep il-marijuana. Kien iħossu ħati meta jmur il-laqgħat u jħossu ipokrita meta jieħu sehem fis-servizz tal-għalqa, u għalhekk kien waqaf jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet Kristjani. Hu qal, “Imma ma bsartx li l-kuxjenza tiegħi kienet se ġġegħelni nħossni responsabbli għall-azzjonijiet tiegħi. Domt erbaʼ snin ngħix f’din il-ħajja taʼ bluha.” Imbagħad beda jaħseb li jerġaʼ lura lejn it-triq tal-verità. Għalkemm ħaseb li Ġeħova ma kienx se jismaʼ t-talba tiegħu, hu talab xorta waħda u talab maħfra. Inqas minn għaxar minuti wara, ommu marret iżżuru u inkuraġġietu biex jerġaʼ jibda jattendi l-laqgħat. Hu mar is-Sala tas-Saltna u talab lil wieħed mill-anzjani biex jistudja miegħu. Maż-żmien tgħammed u jħossu grat lejn Ġeħova talli salvalu ħajtu.
11 Mhuwiex minnu li aħna wkoll jistaʼ jkollna ferħ kbir meta nagħmlu dak li hu sewwa? Hekk kif nitgħallmu nħobbu s-sewwa u nipprattikawh iktar bis-sħiħ, se nsibu iktar ferħ f’li nagħmlu dak li jogħġob lil Missierna tas-sema. U aħseb ftit! Se jasal il-jum li fih il-bnedmin kollha se jesperjenzaw biss sentimenti pjaċevoli minħabba l-kuxjenza tagħhom; huma se jirriflettu x-xbieha t’Alla b’mod perfett. Għalhekk, ejja issa nnaqqxu mħabba għas-sewwa fil-fond taʼ qalbna u nferrħu lil Ġeħova.—Prov. 23:15, 16.
12, 13. Kif nistgħu nħarrġu l-kuxjenza tagħna?
12 X’nistgħu nagħmlu sabiex inħarrġu l-kuxjenza tagħna? Meta nistudjaw l-Iskrittura u l-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja, importanti niftakru li “qalb il-ġust timmedita sabiex twieġeb.” (Prov. 15:28) Ikkunsidra kif dan ikun taʼ benefiċċju meta niffaċċjaw kwistjonijiet taʼ impjieg. Jekk ikun ovvju li ċertu tip taʼ xogħol ikun f’konflitt mal-ħtiġijiet Skritturali, ħafna minna malajr nobdu d-direzzjoni provduta permezz tal-klassi tal-ilsir leali u għaqli. Madankollu, meta ma jkunx ċar daqs il-kristall jekk xi tip taʼ xogħol huwiex aċċettabbli jew le, għandna nsibu l-prinċipji Bibliċi li jkunu japplikaw u naħsbu u nitolbu dwarhom. a Dan japplika għall-prinċipji bħal, pereżempju, il-bżonn li nevitaw li noffendu l-kuxjenza taʼ ħaddieħor. (1 Kor. 10:31-33) Għandna nkunu konċernati b’mod speċjali dwar il-prinċipji involuti fir-relazzjoni tagħna m’Alla. Jekk Ġeħova hu reali għalina, l-ewwel nett se nistaqsu lilna nfusna, ‘Jekk nagħmel dan ix-xogħol, Ġeħova se jħossu mweġġaʼ?’—Salm 78:40, 41.
13 Meta nippreparaw l-Istudju tat-Torri tal-Għassa jew l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, irridu nżommu f’moħħna l-bżonn li nimmeditaw fuq l-informazzjoni li tkun qed tiġi preżentata. Insibu ruħna aħna dejjem nimmarkaw taʼ fuq fuq it-tweġibiet għall-mistoqsijiet fl-istudju u ngħaddu għall-paragrafu li jkun imiss? Sessjonijiet taʼ studju bħal dawn ma tantx se jqawwu l-imħabba tagħna għas-sewwa jew jiżviluppaw fina kuxjenza sensittiva. Sabiex inħobbu s-sewwa, jeħtieġ inħabirku fl-istudju tagħna u nimmeditaw fuq dak li naqraw fil-Kelma miktuba t’Alla. Sabiex nitgħallmu nħobbu s-sewwa b’qalbna kollha jeħtieġ sforz.
Ġuħ u Għatx għas-Sewwa
14. Alla Ġeħova u Ġesù Kristu kif iridu li nħossuna dwar is-servizz sagru tagħna?
14 Alla Ġeħova u Ġesù Kristu jriduna nkunu ferħanin hekk kif inwettqu s-servizz sagru tagħna. X’se jgħinna nkunu ferħanin? L-imħabba għas-sewwa! Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx għas-sewwa, għax għad jimtlew.” (Mt. 5:6) Xi jfisser dan il-kliem għal dawk li għandhom ix-xewqa li jħobbu s-sewwa?
15, 16. Il-ġuħ u l-għatx spiritwali b’liema modi jistgħu jiġu sodisfati?
15 Id-dinja li qed ngħixu fiha hi maħkuma mill-wieħed mill-agħar. (1 Ġw. 5:19) Jekk naqbdu gazzetta fi kwalunkwe pajjiż, insibu rapporti taʼ krudeltà u vjolenza fuq skala li ma bħalha. Il-krudeltà tan-nies lejn xulxin hi inkwetanti għan-nies li huma ġusti. (Ekk. 8:9) Bħala wħud li nħobbu lil Ġeħova, aħna nafu li hu biss jistaʼ jissodisfa l-ġuħ u l-għatx spiritwali taʼ individwi li jixtiequ jitgħallmu s-sewwa. Dawk li huma mbegħdin minn Alla dalwaqt se jitneħħew, u dawk li jħobbu s-sewwa mhux se jesperjenzaw iktar niket kaġunat minn nies li jisfidaw il-liġi u mill-għemejjel ħżiena tagħhom. (2 Pt. 2:7, 8) X’serħan se jkun dan!
16 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova u segwaċi taʼ Ġesù Kristu, aħna nirrealizzaw li dawk kollha li huma bil-ġuħ u bil-għatx għas-sewwa “għad jimtlew.” Se jiġu sodisfati bis-sħiħ permezz tal-arranġament t’Alla tas-smewwiet ġodda u l-art ġdida li fihom “tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pt. 3:13) Mela ħalli ma niskuraġġux ruħna jew nibqgħu skantati minħabba li l-moħqrija u l-vjolenza ġabu fix-xejn is-sewwa f’din id-dinja satanika. (Ekk. 5:8) Ġeħova, l-Iktar Għoli, jaf x’inhu jiġri u dalwaqt se jeħles lil dawk li jħobbu s-sewwa.
Ħobb is-Sewwa u Bbenefika
17. X’inhuma xi benefiċċji li jiġu meta wieħed iħobb is-sewwa?
17 Salm 146:8 jenfasizza benefiċċju li jispikka li jiġi meta nsegwu l-mogħdija tas-sewwa. Is-salmista kanta: “Ġeħova jħobb lill-ġusti.” Immaġina ftit! Is-Sovran tal-univers iħobbna talli nħobbu s-sewwa! Peress li Ġeħova jħobbna, aħna fiduċjużi li hu se jipprovdilna l-bżonnijiet hekk kif inkomplu npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjitna. (Aqra Salm 37:25; Proverbji 10:3.) Eventwalment, din il-pjaneta kollha kemm hi se titgawda minn uħud li jħobbu s-sewwa. (Prov. 13:22) Għall-biċċa l-kbira min-nies t’Alla, il-premju talli jpoġġu s-sewwa fil-prattika se jkun ferħ kbir immens u ħajja mingħajr tmiem f’ġenna tal-art mill-isbaħ. Anki issa, dawk li jħobbu s-sewwa t’Alla jiġu premjati b’paċi ġewwinija li tgħin biex ikun hemm l-għaqda fil-familji u fil-kongregazzjonijiet tagħhom.—Flp. 4:6, 7.
18. Liema affarijiet pożittivi nistgħu nagħmlu aħna u nistennew il-jum taʼ Ġeħova?
18 Aħna u nistennew il-wasla tal-jum il-kbir taʼ Ġeħova, irridu nkomplu nfittxu s-sewwa tiegħu. (Sof. 2:2, 3) Għalhekk, ejja nuru mħabba ġenwina għall-mogħdijiet retti t’Alla Ġeħova. Dan jinkludi li nżommu “l-kurazza tas-sewwa” soda f’postha biex tipproteġi l-qalb figurattiva tagħna. Jeħtieġ ukoll inżommu kuxjenza tajba—waħda li se tagħti pjaċir lilna u tferraħ qalb Alla tagħna.—Prov. 27:11.
19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u x’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
19 “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Kemm hu taʼ faraġ dan il-kliem għalina hekk kif nagħmlu dak li hu sewwa minkejja li niffaċċjaw l-instabbiltà, il-vjolenza, u l-ħażen f’din id-dinja kollha inkwiet! Tabilħaqq, il-mogħdijiet ġusti tagħna jistgħu jikkonfondu lil għadd kbir taʼ nies li huma mbegħdin minn Alla. Iżda aħna stess nibbenefikaw bil-kbir jekk inżommu mas-sewwa taʼ Ġeħova. (Is. 48:17; 1 Pt. 4:4) Mela għalhekk, ejja b’qalb sħiħa nkunu determinati li nkomplu nsibu għaxqa f’li nħobbu u nipprattikaw is-sewwa b’qalbna kollha. Madankollu, li jkollna qalb sħiħa jinkludi wkoll li nobogħdu l-ksur tal-liġi. L-artiklu li jmiss se jurina xi jfisser dan.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dwar il-prinċipji Bibliċi relatati maʼ kwistjonijiet taʼ impjieg, ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ April, 1999, paġni 28-30.
Int Kif Twieġeb?
• L-apprezzament għall-fidwa għala hu neċessarju sabiex inħobbu s-sewwa?
• Għala hu vitali li nilbsu “l-kurazza tas-sewwa”?
• Kif nistgħu nħarrġu l-kuxjenza tagħna?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 26]
Kuxjenza mħarrġa tgħinna nsolvu kwistjonijiet taʼ impjieg