Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ġesù qal lis-semmiegħa tiegħu: “Kunu . . . perfetti, bħalma hu perfett Missierkom tas-sema.” Il-bnedmin kif jistgħu jkunu “perfetti” llum?—Mt. 5:48.
Biex inwieġbu din il-mistoqsija hu fundamentali li nifhmu kif il-kliem “perfett” u “perfezzjoni” jintuża fil-Bibbja. Mhux kulma jiġi deskritt bħala “perfett” fl-Iskrittura jkun perfett għalkollox. Ovvjament, Ġeħova għandu perfezzjoni assoluta bħal din. In-nies jew l-affarijiet jistgħu jkunu perfetti biss sa ċertu punt. Il-kliem Bibliku bl-Ebrajk u l-Grieg li jiġi tradott “perfett” spiss ifisser “komplut,” “matur,” jew “bla difett” skont il-livelli li tpoġġi xi awtorità. Fid-diskors taʼ kuljum, il-kelma ġeneralment tintuża meta xi ħaġa tiġi mqabbla m’oħra. L-espressjoni “skiet perfett” hija eżempju wieħed.
Adam u Eva ġew maħluqin perfetti moralment, spiritwalment, u fiżikament. Huma kienu perfetti skont il-livell li għamel il-Ħallieq tagħhom. Minħabba d-diżubbidjenza, huma ma laħqux dan il-livell, u għalhekk tilfu l-perfezzjoni għalihom infushom u għal nisilhom. Għalhekk, kien permezz t’Adam li d-dnub, l-imperfezzjoni, u l-mewt laħqu lill-umanità.—Rum. 5:12.
Però, bħalma wera ċar Ġesù fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, anki n-nies imperfetti jistgħu jkunu perfetti sa ċertu punt. F’din it-taħdita, hu poġġa livelli għal imħabba perfetta, jew kompluta. Din hi mħabba bħal dik li Alla juri lejn l-umanità. Ġesù qal: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet, għax hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:44, 45) Id-dixxipli taʼ Ġesù jistgħu jimitaw l-eżempju perfett t’Alla billi juru l-imħabba bħalma juriha Alla.
Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jistinkaw biex iżommu livell għoli bħal dan taʼ mħabba lejn oħrajn. Huma jixtiequ jgħinu lin-nies minn kull kultura, razza, u reliġjon biex ikollhom għarfien eżatt tal-verità tal-Bibbja. Fʼ236 pajjiż, ix-Xhieda bħalissa jikkonduċu iktar minn 7,000,000 studju tal-Bibbja maʼ wħud interessati.
Ġesù staqsa: “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom? Mhux hekk ukoll jagħmlu l-kolletturi tat-taxxi? U jekk issellmu lil ħutkom biss, x’qed tagħmlu speċjali? Mhux hekk ukoll jagħmlu n-nies tal-ġnus?” (Mt. 5:46, 47) Il-Kristjani veri ma jurux parzjalità lejn nies taʼ ċerta edukazzjoni jew kultura; lanqas ma juru mħabba biss lejn dawk li jistgħu juruhielhom lura. Minflok, huma jgħinu lill-foqra u lill-morda, lill-kbar u liż-żgħar. B’dawn il-modi, il-Kristjani jimitaw l-imħabba taʼ Ġeħova, u għalhekk ikunu perfetti sa ċertu punt.
Qatt se nkunu nistgħu ngawdu l-perfezzjoni li tilef Adam? Iva, permezz tal-fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù, l-umanità ubbidjenti se tilħaq stat perfett għalkollox matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu, meta ‘l-Iben t’Alla jkisser l-għemejjel tax-Xitan.’—1 Ġw. 3:8.