Ġeħova Jismaʼ l-Għajta tal-Imnikket
Ġeħova Jismaʼ l-Għajta tal-Imnikket
BĦALMA osserva s-sultan għaref Salamun t’Iżrael tal-qedem, “iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekk. 9:11) Ġrajja traġika jew prova diffiċli tistaʼ taqilbilna ħajjitna taʼ taħt fuq. Pereżempju, il-mewt ħabta u sabta taʼ membru intimu tal-familja tistaʼ tkissirna emozzjonalment. Fil-ġimgħat u x-xhur taʼ wara, nistgħu nħossuna maħkumin minn sentimenti taʼ niket u disperazzjoni. Persuna tant tistaʼ ssir konfuża li tibda tħoss li ma jistħoqqilhiex tersaq lejn Ġeħova bit-talb.
F’sitwazzjoni bħal din, individwu jkollu bżonn l-inkuraġġiment, il-konsiderazzjoni, u l-imħabba. Is-salmista David kanta dan il-kliem taʼ faraġ: “Ġeħova qed iżomm lil kulmin qed jaqaʼ, u qed iqajjem lil kulmin hu mtaqqal.” (Salm 145:14) Il-Bibbja tgħidilna li “għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Hu jinsab ‘flimkien maʼ l-imfarrak u dak bi spirtu umli, biex iqajjem mill-ġdid l-ispirtu taʼ l-umli u jqajjem mill-ġdid qalb l-imfarrkin.’ (Is. 57:15) Ġeħova kif jipprovdi appoġġ u faraġ lill-imfarrak u lil dak bi spirtu umli?
“Kelma f’Waqtha”
Wieħed mill-modi kif Ġeħova jipprovdi l-għajnuna f’waqtha hu permezz tal-fratellanza Kristjana. Il-Kristjani huma mwissijin biex ‘jikkonslaw lid-dipressi.’ (1 Tess. 5:14) Individwu li jkun għaddej minn niket u għali jistaʼ jiġi megħjun ħafna minn sħabu fit-twemmin meta b’mogħdrija dawn jesprimu interess u mħabba lejh. Meta saħansitra f’konversazzjoni qasira jingħad kliem li jfarraġ, min ikollu qalbu sewda jistaʼ jiġi inkuraġġit bil-kbir. Kummenti taʼ qalb tajba bħal dawn jistgħu jiġu minn xi ħadd li ssaporta wġigħ mentali u emozzjonali simili. Jew jistgħu jkunu kummenti għaqlin minn ħabib li jkun tal-esperjenza f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Permezz taʼ dawn l-azzjonijiet mill-aħwa, Ġeħova jistaʼ jgħin lill-imnikket jieħu r-ruħ.
Ikkunsidra l-każ t’anzjan Kristjan, li jismu Alex, li kien għadu kif iżżewweġ u ħabta u sabta tilef lil martu fil-mewt għax laqtitha marda li ma titfejjaqx. B’mogħdrija, indokratur li jivvjaġġa għamilha mira li jfarraġ lil Alex. Hu wkoll kien tilef lil martu fil-mewt imma minn dakinhar ’l hawn reġaʼ żżewweġ. L-indokratur li jivvjaġġa spjega kif kien ħassu maħkum mill-emozzjonijiet fraġli tiegħu stess. Hu kien iħossu tajjeb meta kien Prov. 15:23.
ikun m’oħrajn fil-ministeru u fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Madankollu, meta kien jidħol f’kamartu u jagħlaq il-bieb warajh, kien iħossu tassew waħdu. Alex jgħid: “X’faraġ ħassejt meta sirt naf li s-sentimenti li kont qed inħoss kienu normali u li anki oħrajn ġarrbuhom.” Żgur li “kelma f’waqtha” tistaʼ tkun appoġġ taʼ faraġ fi żmien taʼ niket.—Anzjan Kristjan ieħor, li jaf diversi individwi li tilfu lill-imseħbin tagħhom fil-mewt, ġie mqanqal jaqsam xi kliem inkuraġġanti m’Alex. Filwaqt li wrieh kemm iħoss għalih, hu bi mħabba wrieh li Ġeħova jaf kif inħossuna u x’għandna bżonn. Il-ħu qal: “Jekk fix-xhur u s-snin li ġejjin tħoss il-bżonn taʼ sieħba, fis-sitwazzjoni li għandek issa Ġeħova għamel il-provvediment taʼ mħabba li wieħed jerġaʼ jiżżewweġ.” M’għandniex xi ngħidu, mhux kull min jitlef lis-sieħeb jew lis-sieħba fil-mewt u jkun jixtieq jerġaʼ jiżżewweġ jistaʼ jagħmel dan. Imma wara li ħaseb dwar il-kliem tal-ħu, Alex qal, “Minħabba li ġejt imfakkar li dan hu l-provvediment taʼ Ġeħova, serraħt rasi minn sentimenti taʼ ħtija li ma nkunx leali lejn marti jew lejn l-arranġament taʼ Ġeħova għaż-żwieġ kieku kelli nerġaʼ niżżewweġ fil-futur.”—1 Kor. 7:8, 9, 39.
Is-salmista David, li personalment esperjenza ħafna provi u tbatijiet, għaraf li “għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-għajta tagħhom għall-għajnuna.” (Salm 34:15) Mingħajr l-iċken dubju, Ġeħova jistaʼ jwieġeb l-għajta tal-imnikket fil-waqt xieraq permezz taʼ kliem għaqli u mimli dehen minn ħbieb Kristjani li huma maturi u li jagħdru. Provvediment bħal dan hu kemm prezzjuż u kemm prattiku.
Għajnuna Permezz tal-Laqgħat Kristjani
Persuna li tħossha mnikkta faċli tibda taħseb f’affarijiet negattivi li jġegħluha tinqataʼ għaliha waħedha. Madankollu, Proverbji 18:1 iwissi: “Min jinqataʼ għalih se jfittex ix-xewqa egoistika tiegħu stess; kontra kull għaqal jiħodha.” Alex ammetta: “Meta titlef lis-sieħba tiegħek, moħħok jimtela bi ħsibijiet negattivi.” Hu jiftakar meta kien jistaqsi lilu nnifsu: “‘Stajt nagħmel xi ħaġa b’mod differenti? Stajt nuri iktar konsiderazzjoni u fehma?ʼ Ma ridtx inkun waħdi. Ridt inkun miżżewweġ. Huwa diffiċli li tieqaf taħseb b’dan il-mod għaliex kuljum tiġi mfakkar li int waħdek.”
Iktar minn qatt qabel, min ikollu spirtu mfarrak għandu bżonn sħubija li tibni. Din jistaʼ jsibha faċilment fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. F’ambjent bħal dan, aħna niftħu moħħna għall-ħsibijiet t’Alla li huma pożittivi u li jibnu.
Il-laqgħat Kristjani jgħinuna jkollna ħarsa bilanċjata lejn is-sitwazzjoni tagħna. Hekk kif nisimgħu siltiet Bibliċi u nimmeditaw fuqhom, aħna niffokaw il-ħsibijiet tagħna fuq l-iktar żewġ kwistjonijiet importanti—il-vindikazzjoni tas-sovranità taʼ Ġeħova u t-taqdis t’ismu—u mhux fuq it-tbatija persunali tagħna biss. Iktar minn hekk, matul perijodi bħal dawn t’istruzzjoni spiritwali, aħna nissaħħu minħabba li nafu li anki jekk oħrajn ma jkunux jafu bin-niket li qed niffaċċjaw jew jekk ma jifhmux kif inħossuna, Ġeħova żgur li jifhem. Hu jaf li “minħabba l-uġigħ taʼ qalb hemm spirtu mdejjaq.” (Prov. 15:13) L-Alla l-veru jrid jgħinna, u dan jimmotivana u jsaħħaħna biex inkampaw.—Salm 27:14.
Meta kien għaddej minn pressjoni estrema mill-għedewwa tiegħu, is-Sultan David għajjat lil Alla: “L-ispirtu tiegħi nfena fija; ġo fija qalbi mtarrxa.” (Salm 143:4) L-għawġ spiss jixrob is-saħħa fiżika u emozzjonali tal-individwu, saħansitra jtarraxlu qalbu. It-tbatija tistaʼ tiġi fuqna permezz taʼ mard jew nuqqas taʼ saħħa fiżika fit-tul. Nistgħu nkunu kunfidenti fil-fatt li Ġeħova se jgħinna nissaportu. (Salm 41:1-3) Waqt li Alla llum ma jfejjaq lil ħadd b’mod mirakoluż, hu jagħti l-għerf u s-saħħa meħtiġin lil wieħed li jkun qed ibati biex ikun jistaʼ jkampa mal-kundizzjoni tiegħu. Żomm f’moħħok li meta David kien imtaqqal bil-provi hu dar lejn Ġeħova. Hu kanta: “Jien ftakart fil-jiem taʼ żmien twil ilu; immeditajt fuq l-attività kollha tiegħek; minn qalbi bqajt nikkunsidra xogħol idejk.”—Salm 143:5.
Il-fatt li dawn is-sentimenti ispirati ġew imniżżlin bil-miktub fil-Kelma t’Alla jindika li Ġeħova jifhem kif inħossuna. Dan il-kliem hu garanzija li hu jismaʼ t-talb bil-ħrara li nitolbu. Jekk naċċettaw l-għajnuna taʼ Ġeħova, hu ‘jsostnina.’—Salm 55:22.
“Itolbu bla Waqfien”
Ġakbu 4:8 jgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” Mod wieħed kif nersqu qrib lejn Alla hu permezz tat-talb. L-appostlu Pawlu jwissina biex ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tess. 5:17) Anki jekk insibuha diffiċli biex nesprimu eżatt dak li nkunu qed inħossu, “l-ispirtu nnifsu jitlob bil-ħniena għalina bi krib li ma jitlissinx.” (Rum. 8:26, 27) Ġeħova żgur li jifhem kif inħossuna.
Monika, li tgawdi ħbiberija intima bħal din maʼ Ġeħova, tgħid: “Permezz tat-talb, il-qari tal-Bibbja, u l-istudju persunali, sirt inħoss li Ġeħova sar l-eqreb Ħabib tiegħi. Tant sar reali għalija li nħossu jieħu ħsiebi l-ħin kollu. Verament ifarraġni l-fatt li naf li anki meta ma nkunx nistaʼ nesprimi kif inħossni, hu jifhimni. Naf li l-ħniniet u l-barkiet tiegħu huma bla tmiem.”
Għalhekk, mela, ejja naċċettaw dak li bi mħabba jagħmlu magħna l-Kristjani sħabna biex ifarrġuna, napplikaw il-pariri li jingħatawlna b’qalb tajba u t-tfakkiriet li jsaħħulna l-fidi mogħtijin fil-laqgħat Kristjani, u nferrgħu qalbna maʼ Ġeħova permezz tat-talb. Dawn il-provvedimenti f’waqthom huma dak li juża Ġeħova biex jurina li jimpurtah minna. Alex jitkellem mill-esperjenza persunali tiegħu meta jgħid, “Jekk nagħmlu kulma nistgħu biex nibbenefikaw minn dak kollu li Alla Ġeħova jipprovdi għalina ħalli jżommna f’saħħitna spiritwalment, aħna se jkollna ‘qawwa iktar min-normal’ biex nissaportu kwalunkwe prova li nistgħu niffaċċjaw.”—2 Kor. 4:7.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]
Faraġ għall-Imnikket
Is-salmi huma mimlijin bi kliem taʼ bnedmin li jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom flimkien m’assiguranzi ripetuti li Ġeħova tassew jismaʼ l-għajta taʼ wieħed imnikket li hu maħkum minn ħafna stress emozzjonali. Ikkunsidra l-istanzi li ġejjin:
“Fin-niket tiegħi bqajt insejjaħ lil Ġeħova, u lil Alla tiegħi bqajt ngħajjat għall-għajnuna. Minn ġot-tempju tiegħu hu semaʼ leħni, u l-għajta għall-għajnuna li għajjatt quddiemu issa waslet f’widnejh.”—Salm 18:6.
“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.” —Salm 34:18.
“[Ġeħova] qed ifejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-ġrieħi li juġgħuhom.”—Salm 147:3.
[Stampa f’paġna 17]
Kemm tistaʼ tkun taʼ faraġ “kelma f’waqtha” fi żmien taʼ niket!