Int Tħalli lil Ġeħova Jistaqsik?
Int Tħalli lil Ġeħova Jistaqsik?
IL-BIBBJA fiha mijiet taʼ mistoqsijiet li jinżlu fil-fond tal-qalb. Fil-fatt, Alla Ġeħova nnifsu juża l-mistoqsijiet biex jgħallem veritajiet importanti. Pereżempju, Ġeħova uża diversi mistoqsijiet meta wissa lil Kajjin biex jirranġa t-triq distruttiva li kien qabad. (Ġen. 4:6, 7) F’okkażjonijiet oħrajn, mistoqsija waħda mingħand Ġeħova kienet biżżejjed biex tqanqal lil dak li jkun jieħu azzjoni pożittiva. Xħin semaʼ lil Ġeħova jistaqsi: “Lil min se nibgħat, u min se jmurilna?” il-profeta Isaija wieġeb: “Hawn jien! Ibgħat lili.”—Is. 6:8.
Ġesù, l-Għalliem il-Kbir, ukoll uża l-mistoqsijiet b’mod effettiv. Fl-Evanġelji hemm iktar minn 280 mistoqsija taʼ Ġesù. Għalkemm kultant kien juża l-mistoqsijiet biex isikket lil dawk li kkritikawh, ġeneralment l-iskop tiegħu kien li jilħaq qalb is-semmiegħa tiegħu, billi jqanqalhom jirriflettu fuq l-istat spiritwali tagħhom stess. (Mt. 22:41-46; Ġw. 14:9, 10) B’mod simili, l-appostlu Pawlu, li kiteb 14-il ktieb mill-Iskrittura Griega Kristjana, uża l-mistoqsijiet b’mod persważiv. (Rum. 10:13-15) Pereżempju, l-ittra tiegħu lir-Rumani fiha għadd kbir taʼ mistoqsijiet. Il-mistoqsijiet taʼ Pawlu jqanqlu lill-qarrejja tiegħu biex japprezzaw “kemm huma profondi r-rikkezzi u l-għerf u l-għarfien t’Alla.”—Rum. 11:33.
Filwaqt li xi mistoqsijiet iqanqlu tweġiba bil-kliem, oħrajn għandhom l-iskop li jqanqlu lil dak li jkun biex jaħseb b’mod profond. Fl-Evanġelji nsibu li Ġesù spiss uża mistoqsijiet bħal dawn tal-aħħar. F’okkażjoni minnhom, Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira t’Erodi,” jiġifieri, l-ipokrisija u t-tagħlim falz tagħhom. (Mk. 8:15; Mt. 16:12) Id-dixxipli taʼ Ġesù ma fehmux il-punt u bdew jargumentaw għax kienu nsew jieħdu l-ħobż magħhom. Innota l-mod kif Ġesù uża l-mistoqsijiet fil-konversazzjoni qasira li kellhom wara. “Qalilhom: ‘Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? Qlubkom għadhom tqal biex jifhmu? “Għandkom għajnejn u ma tarawx; widnejn u ma tisimgħux?” . . . Għadkom ma fhimtux?’” Il-mistoqsijiet taʼ Ġesù kellhom l-iskop li jġiegħlu lid-dixxipli tiegħu jaħsbu, billi jqanqluhom jirriflettu fuq it-tifsir veru taʼ kliemu.—Mk. 8:16-21.
“Ħa Nistaqsik”
Alla Ġeħova uża l-mistoqsijiet biex jirranġa l-mod taʼ ħsieb tal-qaddej tiegħu Ġob. Permezz taʼ għadd taʼ mistoqsijiet, Ġeħova għallem lil Ġob dwar kemm kien insinifikanti meta mqabbel maʼ Dak li għamlu. (Ġob, kap. 38-41) Stenna Ġeħova tweġiba bil-kliem għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet? X’aktarx li le. Mistoqsijiet bħal “Fejn kont int meta jien sejjist l-art?” milli jidher kellhom l-iskop li jqanqlu l-mod taʼ ħsieb u l-emozzjonijiet taʼ Ġob. Wara ftit minn dawn il-mistoqsijiet, Ġob tħalla kważi bla kliem. Sempliċement qal: “X’se nwieġbek? Inqiegħed idi fuq fommi.” (Ġob 38:4; 40:4) Ġob fehem il-punt u umilja ruħu. Madankollu, Ġeħova ma kienx sempliċement qed jgħallem lil Ġob biex ikun umli. Il-mod kif kien jaħseb Ġob ġie koreġut ukoll. B’liema mod?
Għalkemm Ġob kien “raġel bla ħtija u rett,” kultant kliemu kixef ħarsa żbaljata, u Eliħu rrefera għaliha meta widdeb lil Ġob minħabba li “ddikjara lil ruħu ġusta minflok lil Alla.” (Ġob 1:8; 32:2; 33:8-12) B’hekk, il-mistoqsijiet taʼ Ġeħova kkoreġew ukoll il-fehma taʼ Ġob. Alla kellem lil Ġob minn ġo riefnu u qallu: “Min hu dan li qed joskura l-pariri bi kliem mingħajr għarfien? Ħażżem ġenbejk, jekk jogħġbok, bħal raġel b’saħħtu, u ħa nistaqsik, u int għarrafni.” (Ġob 38:1-3) Permezz tal-mistoqsijiet, Ġeħova mbagħad ġibed l-attenzjoni lejn l-għerf u l-qawwa bla limitu tiegħu kif jintwerew fl-għemejjel meraviljużi tiegħu. Din il-fehma ċara għenet lil Ġob biex jafda bħal qatt qabel fil-ġudizzju taʼ Ġeħova u fil-mod kif jagħmel l-affarijiet. X’esperjenza tal-għaġeb għal Ġob—li Alla li Jistaʼ Kollox innifsu jistaqsih mistoqsijiet!
Kif Nistgħu Nħallu lil Ġeħova Jistaqsina
Xi ngħidu għalina? Nistgħu aħna wkoll nibbenefikaw mill-mistoqsijiet imniżżlin fil-Bibbja? Iva, nistgħu! Aħna nistgħu ngawdu barkiet għonja spiritwalment jekk inħallu dawn il-mistoqsijiet iqanqluna nieqfu u naħsbu. Il-mistoqsijiet profondi fil-Kelma t’Alla jikkontribwixxu għall-effettività tagħha. Tabilħaqq, “il-kelma t’Alla hi . . . qawwija . . . u tistaʼ tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebr. 4:12) Madankollu, biex niksbu l-akbar benefiċċju rridu nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna, bħallikieku Ġeħova qed jistaqsina personalment. (Rum. 15:4) Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.
“Sejjer l-Imħallef taʼ l-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?” (Ġen. 18:25) Abraham għamel din il-mistoqsija retorika lil Ġeħova fi żmien il-ġudizzju t’Alla kontra Sodoma u Gomorra. Abraham lanqas qatt ma kien jgħaddilu minn moħħu li Ġeħova jistaʼ xi darba jaġixxi b’mod inġust—li joqtol lin-nies sewwa flimkien maʼ dawk mill-agħar. Il-mistoqsija taʼ Abraham tirrifletti l-fidi profonda tiegħu fis-sewwa taʼ Ġeħova.
Illum, xi wħud għandhom mnejn jitħajru jispekulaw dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ġudizzji futuri taʼ Ġeħova, bħal min eżattament se jgħaddi ħaj minn Armageddon jew min se jiġi rxoxtat. Minflok ma nħallu ħsibijiet bħal dawn jinkwetawna, nistgħu niftakru fil-mistoqsija taʼ Abraham. Il-fatt li nafu lil Ġeħova bħala Missier tas-sema qalbu tajba u għandna fiduċja sħiħa fil-ġustizzja u l-ħniena tiegħu, bħalma kellu Abraham, iżommna milli naħlu l-ħin u l-enerġija fuq inkwiet bla bżonn, dubji li jdgħajfu, u dibattiti bla siwi.
“Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?” (Mt. 6:27) Meta indirizza folla kbira li fosthom kien hemm id-dixxipli tiegħu, Ġesù uża din il-mistoqsija biex jenfasizza l-bżonn li jħallu ruħhom fl-idejn kollhom imħabba taʼ Ġeħova. L-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar iġibu ħafna ansjetajiet, imma mbilli niffokaw fuqhom mhux se ntawlu ħajjitna jew intejbu l-kwalità tal-ħajja.
Kull meta nħossuna ansjużi dwarna nfusna jew dwar il-maħbubin tagħna, jekk infakkru lilna nfusna dwar il-mistoqsija taʼ Ġesù nistgħu niġu megħjunin biex ikollna ħarsa xierqa lejn kwistjonijiet li jagħmluna ansjużi. Nistgħu niġu megħjunin biex nieqfu ninkwetaw u biex ma naħsbux b’mod negattiv, għax dawn jgħejjuna mentalment, emozzjonalment, u fiżikament. Bħalma assigurana Ġesù, Missierna tas-sema, li jitmaʼ l-għasafar tas-sema u jlibbes il-ħaxix tar-rabaʼ, jaf tajjeb dak li neħtieġu.—“Jistaʼ raġel jiġmaʼ n-nar f’ħobbu u madankollu ħwejġu ma jinħarqux?” (Prov. 6:27) Fl-ewwel disaʼ kapitli tal-ktieb tal-Proverbji nsibu pariri għaqlin li missier qed jagħti lil ibnu. Il-mistoqsija kwotata hawn fuq tirreferi għall-konsegwenzi taʼ wġigħ li jiġu mill-adulterju. (Prov. 6:29) Jekk nindunaw li nkunu qed nitkessħu maʼ dawk tas-sess oppost jew li nkunu qed naħsbu dwar xewqat ħżiena sesswalment, din il-mistoqsija għandha tiġbdilna l-attenzjoni lejn il-periklu. Bħala prinċipju, din il-mistoqsija tistaʼ ssir kull meta persuna tkun imħajra taqbad triq mhix għaqlija. Kemm jenfasizza b’mod ċar il-prinċipju prattiku tal-Bibbja: ‘Tiżraʼ dak li taħsad’!—Gal. 6:7.
“Int min int biex tiġġudika l-qaddej taʼ dar ħaddieħor?” (Rum. 14:4) Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu ddiskuta xi problemi li qamu fil-kongregazzjoni tal-ewwel seklu. Xi Kristjani, li kienu ġejjin minn diversi sfondi kulturali, kellhom it-tendenza li jiġġudikaw id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet taʼ sħabhom fit-twemmin. Il-mistoqsija taʼ Pawlu fakkrithom biex jilqgħu lil xulxin u biex iħallu l-ġudizzju f’idejn Ġeħova.
Illum, bl-istess mod, in-nies taʼ Ġeħova jiġu minn kull sfond tal-ħajja. Madankollu, Ġeħova ġabarna flimkien f’unità prezzjuża. Nikkontribwixxu aħna għal din l-unità? Jekk għandna t-tendenza li nkunu ħfief biex nesprimu diżapprovazzjoni għal azzjoni li ħu jkun ħa fi qbil mal-kuxjenza tiegħu, kemm ikun għaqli li nistaqsu lilna nfusna l-mistoqsija taʼ Pawlu hawn fuq!
Il-Mistoqsijiet Iressquna Eqreb Lejn Ġeħova
Dawn il-ftit eżempji juru kif il-mistoqsijiet li hemm fil-Kelma t’Alla jistgħu jqanqlu lil dak li jkun biex jeżamina lilu nnifsu. Jekk nikkunsidraw il-kuntest taʼ kull mistoqsija, nistgħu niġu megħjunin biex napplikawha b’mod prattiku għaċ-ċirkustanzi tagħna stess. U hekk kif naqraw il-Bibbja se ninnotaw mistoqsijiet oħrajn li huma taʼ għajnuna.—Ara l-kaxxa f’paġna 14.
Jekk inħallu l-mistoqsijiet profondi li jinsabu fil-Kelma t’Alla jmissulna qalbna se niġu megħjunin inġibu moħħna u qalbna fi qbil mat-triqat ġusti taʼ Ġeħova. Wara li Ġeħova għamillu l-mistoqsijiet, Ġob iddikjara: “B’widnejja smajt dwarek, imma issa narak b’għajnejja.” (Ġob 42:5) Iva, Ġeħova kien sar iktar reali għal Ġob, bħallikieku Hu kien preċiż quddiem għajnejh. Id-dixxiplu Ġakbu iktar tard esprimieha b’dan il-mod: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġak. 4:8) Jalla nħallu l-Kelma t’Alla kollha kemm hi, inkluż il-mistoqsijiet tagħha, tgħinna nikbru spiritwalment u ‘naraw’ lil Ġeħova dejjem iktar ċar!
[Kaxxa f’paġna 14]
Il-fatt li tistaqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet kif jistaʼ jgħinek tadotta l-ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-kwistjonijiet?
▪ “Jitgħaxxaq Ġeħova bl-offerti tal-ħruq u bis-sagrifiċċji daqskemm jitgħaxxaq b’wieħed li jismaʼ minn leħen Ġeħova?”—1 Sam. 15:22.
▪ “Dak li fforma l-għajn, ma jarax?”—Salm 94:9.
▪ “Meta n-nies ifittxu l-glorja tagħhom stess, xi glorja tkun din?”—Prov. 25:27.
▪ “Għandek għalfejn tagħdab daqshekk?”—Ġona 4:4.
▪ “X’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha imma jitlef ruħu?” —Mt. 16:26.
▪ “Min se jifridna mill-imħabba tal-Kristu?”—Rum. 8:35.
▪ “X’għandek li ma rċivejtx?”—1 Kor. 4:7.
▪ “X’għandu x’jaqsam id-dawl mad-dlam?”—2 Kor. 6:14.
[Stampa f’paġna 15]
Ġob x’tgħallem mill-mistoqsijiet li għamillu Ġeħova?