Żomm “il-Purità tal-Qalb” f’Dawn iż-Żminijiet Kritiċi
Żomm “il-Purità tal-Qalb” f’Dawn iż-Żminijiet Kritiċi
“ĦADD ma jistaʼ jiċħad li llum il-kastità hija problema fil-Knisja.” Il-ġurnalista Kattoliku Vittorio Messori għamel din l-osservazzjoni dwar l-iskandli tas-sess li dan l-aħħar involvew lill-Knisja fl-Italja. “U ma tistax tiġi solvuta billi jitneħħa ċ-ċelibat tal-kleru għaliex 80 fil-mija mill-każi jinvolvu l-omosesswali—każi taʼ devjazzjoni sesswali mill-qassisin li jabbużaw mill-irġiel u mis-subien.”—La Stampa.
Bla dubju, il-ħażen bla kontroll huwa sinjal taʼ dawn “l-aħħar jiem” taʼ din is-sistema dinjija. (2 Tim. 3:1-5) Bħalma juru r-rapporti tal-aħbarijiet, it-taħsir morali li dan il-ħażen ġab miegħu għandu influwenza negattiva mhux biss fuq in-nies inġenerali imma wkoll fuq dawk li jsostnu li huma rġiel t’Alla. Qalbhom, li hi korrotta u mhix safja, tqanqalhom biex jagħmlu atti immorali. (Efes. 2:2) Mhux taʼ b’xejn li Ġesù wissa li “mill-qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa.” (Mt. 15:19) Madankollu, Alla Ġeħova jixtieq li l-qaddejja tiegħu jħobbu “l-purità tal-qalb.” (Prov. 22:11) Għalhekk, Kristjan kif jistaʼ jżomm qalb safja, jew pura, f’dawn iż-żminijiet kritiċi?
Xi Jfisser li Tkun ‘Qalbek Safja’
Fil-Bibbja, il-kelma “qalb” spiss tintuża f’sens simboliku. Skont xogħol taʼ referenza, il-kelma Biblika għall-qalb tindika “l-iktar parti ġewwinija taʼ bniedem” u l-parti mill-bniedem li hi importanti għal Alla, li fiha tiġi stabbilita r-relazzjoni taʼ dak li jkun m’Alla, u li tiddetermina l-kondotta morali. Il-qalb tirrappreżenta dak li aħna tassew minn ġewwa. Bħalma tenfasizza r-referenza li semmejna hawn fuq hija l-qalb li jeżamina Ġeħova u li japprezza fil-qaddejja tiegħu.—1 Pt. 3:4.
Fil-Bibbja, il-kliem “safa” u “ndafa” jistaʼ jindika dak li hu nadif f’sens fiżiku. Imma l-kliem jiġi applikat ukoll għal dak li mhux kontaminat—mhux imħallat, maħmuġ, jew korrott—f’sens morali u reliġjuż. Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù ddikjara: “Henjin dawk taʼ qalbhom safja.” Hu kien qed jirreferi għal dawk li, fil-fatt, huma nodfa minn ġewwa. (Mt. 5:8) L-affezzjonijiet, ix-xewqat, u l-motivi tagħhom huma safjin. Motivati mill-imħabba u mill-gratitudni, huma jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha, bis-sinċerità, mingħajr ipokrisija. (Lq. 10:27) Int trid tkun safi f’dan is-sens, hux hekk?
L-Isfida—Li Tibqaʼ ‘Qalbek Safja’
Qaddej taʼ Ġeħova m’għandux ikollu biss “idejh innoċenti” imma wkoll “qalbu nadifa.” (Salm 24:3, 4) Madankollu, illum qed isir dejjem iktar taʼ sfida għall-qaddejja t’Alla li jibqgħu ‘qalbhom nadifa.’ Satana u d-dinja li qiegħda taħt il-ħakma tiegħu, kif ukoll il-ġisem imperfett tagħna, jagħmlulna pressjoni qawwija biex ibegħduna minn Ġeħova. Biex nirreżistu dawn il-pressjonijiet, huwa importanti ferm li nħobbu “l-purità tal-qalb” u li nżommu qabda soda magħha. Dan se jħarisna u jgħinna nkomplu nkunu l-ħbieb t’Alla. Kif nistgħu nżommu qalb safja?
F’Ebrej 3:12 insibu t-twissija: “Attenti, ħuti, li ma tmurx tiżviluppa f’xi ħadd minnkom qalb mill-agħar li tkun nieqsa mill-fidi u titbiegħdu mill-Alla l-ħaj.” Ma nistgħux nibqgħu Kol. 2:8) Il-qari tal-Bibbja kuljum u l-meditazzjoni profonda huma difiżi ewlenin kontra dawn l-attakki. Għarfien eżatt dwar il-Kelma t’Alla se jsaħħilna l-imħabba għal Ġeħova u l-apprezzament tagħna għall-mod kif jittratta lin-nies. Imħabba u apprezzament bħal dawn huma indispensabbli jekk irridu niċħdu rraġunar falz u nżommu l-fidi tagħna f’Ġeħova b’saħħitha sabiex inkunu nistgħu nżommu qalb safja.—1 Tim. 1:3-5.
‘qalbna safja’ jekk niżviluppaw qalb “nieqsa mill-fidi.” Satana x-Xitan liema ideat xerred biex idgħajjef il-fidi f’Alla? Dawn jinkludu t-teorija tal-evoluzzjoni, l-idea li ma jeżisti ebda livell veru taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin, u d-dubju dwar l-ispirazzjoni divina tal-Iskrittura Mqaddsa. M’għandniex inħallu lilna nfusna niġu effettwati minn ħsibijiet perikolużi bħal dawn. (Meta Niffaċċjaw ix-Xewqat tal-Laħam
Tip ieħor taʼ attakk li għandna mnejn niffaċċjaw meta nipprovaw inżommu “l-purità tal-qalb” jinvolvi xewqat tal-laħam u xewqat materjalistiċi. (1 Ġw. 2:15, 16) L-imħabba għall-flus jew ix-xewqa li ngeddsu r-rikkezzi u li jkollna affarijiet materjali tistaʼ tikkorrompi lill-qalb. Dan iwassal lil Kristjan biex jagħmel affarijiet li huma kontra r-rieda t’Alla. Xi wħud saru diżonesti fuq ix-xogħol, qarrqu b’oħrajn, jew saħansitra serqu flus jew oġġetti li ma kinux tagħhom.—1 Tim. 6:9, 10.
Mill-banda l-oħra, billi nikkultivaw biżaʼ bnin li ma nogħġbux lil Ġeħova, inħobbu l-ġustizzja, u nkunu determinati li jkollna kuxjenza tajba, nuru li nħobbu “l-purità tal-qalb.” Din l-imħabba tqanqalna biex inkomplu “nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebr. 13:18) Meta naġixxu b’mod rett, l-onestà tistaʼ tirriżulta f’xhieda tajba. Emilio, Xhud Taljan li jaħdem bħala xufier għal kumpanija taʼ trasport pubbliku, sab kartiera li kien fiha 470 ewro. Sħabu tax-xogħol baqgħu skantati meta hu ta l-kartiera lill-imgħallem tiegħu, li iktar tard ta l-kartiera lil dak li kien tilifha. Xi wħud minn sħab Emilio tant impressjonaw ruħhom b’dak li għamel li wrew interess fil-Bibbja u bdew jistudjaw. Minħabba f’hekk, sebaʼ individwi minn żewġ familji aċċettaw il-verità. Iva, imġiba onesta li tiġi minn qalb safja tassew tistaʼ tqanqal lil oħrajn biex ifaħħru lil Alla.—Titu 2:10.
Xi ħaġa oħra li jistaʼ jkollha influwenza negattiva fuq is-safa taʼ qalb Kristjan hija ħarsa mgħawġa u immorali lejn is-sess. Il-fatt li relazzjonijiet qabel iż-żwieġ, barra ż-żwieġ, u omosesswali jitqiesu li huma normali minn ħafna jistaʼ jikkorrompi lill-qalb taʼ Kristjan. Wieħed li jċedi għall-immoralità sesswali jistaʼ b’ipokrisija jgħix ħajja doppja, billi jaħbi d-dnub. Dan żgur li ma jirriflettix “il-purità tal-qalb.”
Gabriele tgħammed meta kellu 15-il sena u mill-ewwel beda jaqdi bħala pijunier. Madankollu, iktar tard beda jqattaʼ xi ħin maʼ kumpanija ħażina fid-diskoteki. (Salm 26:4) Dan kien il-bidu taʼ ħajja immorali u ipokrita, u kellu jiġi maqtugħ mis-sħubija mill-kongregazzjoni Kristjana. Dixxiplina bħal din minn Ġeħova ġegħlitu jaħseb bis-serjetà. Gabriele jiftakar: “Bdejt nagħmel l-affarijiet kollha li qabel qatt ma kont ħadthom bis-serjetà. Qrajt il-Bibbja kuljum, u pprovajt nifhem dak li kien qed jgħid tassew Ġeħova, u studjat bir-reqqa l-pubblikazzjonijiet teokratiċi. Rajt kemm jistaʼ jkun premjanti u sodisfaċenti l-istudju persunali u kemm isaħħuk il-qari tal-Bibbja u t-talb ħerqan.” Dan għen lil Gabriele jabbanduna l-kondotta immorali tiegħu u jerġaʼ jistabbilixxi r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova.
Issa Gabriele qed jerġaʼ jaqdi bħala pijunier, flimkien maʼ martu. Dak li ġralu jikkonferma kif studju tal-Bibbja u taʼ pubblikazzjonijiet mill-“ilsir leali u għaqli” jistaʼ jgħin lil dak li jkun biex ikollu qalb safja u jiċħad l-immoralità.—Mt. 24:45; Salm 143:10.
“Il-Purità tal-Qalb” fil-Provi
Il-pressjoni minn dawk li jopponuna, it-tbatija ekonomika, u l-mard serju skuraġġew lil xi wħud mill-qaddejja t’Alla. Kultant qalbhom ukoll ġiet effettwata b’mod negattiv. Anki s-Sultan David għadda minn esperjenza bħal din: “L-ispirtu tiegħi nfena fija; ġo fija qalbi mtarrxa.” (Salm 143:4) X’għenu jegħleb mumenti bħal dawn? David ftakar fil-mod kif Alla ttratta mal-qaddejja Tiegħu u kif hu nnifsu kien esperjenza l-ħelsien. Hu mmedita dwar dak li kien għamel Ġeħova għan-nom taʼ Ismu l-kbir. David baqaʼ jikkunsidra l-għemejjel t’Alla. (Salm 143:5) B’mod simili, il-meditazzjoni dwar il-Ħallieq tagħna u dwar dak kollu li għamel u jkompli jagħmel għalina tgħinna saħansitra meta nkunu għaddejjin mill-provi.
Meta niġu trattati ħażin jew inħossu li ġejna trattati ħażin, nistgħu nimtlew bl-imrar. Il-fatt li l-ħin kollu naħsbu dwar dak li ġara jistaʼ jirriżulta f’li jkollna sentimenti negattivi dwar ħutna. Nistgħu ningħalqu fina nfusna, billi niżolaw ruħna u ma tantx nuru interess f’oħrajn. Madankollu, se tkun reazzjoni bħal din fi qbil max-xewqa tagħna li jkollna “l-purità tal-qalb”? Jidher ċar li l-mira li jkollna kundizzjoni tal-qalb bħal din tinvolvi l-mod kif naġixxu maʼ ħutna l-Kristjani, u kif nirreaġixxu jekk ikun hemm nuqqas taʼ qbil.
F’dinja li qed issir iktar u iktar korrotta u baxxa moralment, aħna bħala Kristjani veri nispikkaw għaliex inħobbu “l-purità tal-qalb.” Ħajjitna tiġi influwenzata b’mod pożittiv hekk kif nesperjenzaw il-paċi ġewwinija li tirriżulta milli nagħmlu r-rieda t’Alla. Fuq kollox, ingawdu ħbiberija intima mal-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, li jħobb lil dawk li “għandhom qalbhom nadifa.” (Salm 73:1) Iva, nistgħu niġu inklużi fost dawk li se jkunu henjin għaliex bħalma wiegħed Ġesù, “għad jaraw lil Alla,” hekk kif Hu jaġixxi għan-nom taʼ dawk li jħobbu “l-purità tal-qalb.”—Mt. 5:8.