Warrabt Ħin Biex Tistudja l-Bibbja?
IS-SENA l-oħra, il-Ġemgħa li Tiggverna ħabbret aġġustament fl-iskeda tal-laqgħat tal-kongregazzjoni li jippermetti iktar ħin għall-istudju u għal diskussjoni fuq il-Bibbja bħala familja. Jekk int kap taʼ familja, kun ċert li tagħmel studju regulari tal-Bibbja tal-familja maʼ martek u wliedek li jolqot il-ħtiġijiet tagħhom. Koppji miżżewġin bla tfal għandhom jużaw dan il-ħin biex jistudjaw il-Bibbja flimkien. Aħwa mhux miżżewġin u li m’għandhomx responsabbiltajiet tal-familja se jkunu jistgħu jagħmlu użu tajjeb minn dan il-ħin għall-istudju persunali tal-Bibbja.
Ħafna esprimew apprezzament għall-arranġament tal-lejla tal-Qima tal-Familja. Pereżempju, wieħed anzjan jismu Kevin kiteb: “Il-kelma ‘grazzi’ mhijiex biżżejjed biex tesprimi kif inħossuna aħna fil-kongregazzjoni. Bħala anzjani ddiskutejna kif nużaw din il-lejla mingħajr laqgħat biex nagħmlu preċiż dak li qaltilna nagħmlu l-Ġemgħa li Tiggverna—biex nistudjaw mal-familji tagħna.”
Jodi, li r-raġel tagħha hu anzjan, kitbet: “Aħna għandna tlett ibniet, waħda taʼ 15, l-oħra taʼ 11, u l-oħra taʼ sentejn. Dan l-aħħar morna naqdu f’kongregazzjoni tal-lingwa tas-sinjali. Jeħtieġ ħafna ħin u sforz biex nippreparaw għal-laqgħat kollha. Issa, b’dan l-aġġustament, għandna lejla oħra li tgħinna niffokaw fuq il-qima tal-familja!”
John u JoAnn, koppja miżżewġa li qed jaqdu bħala pijunieri regulari, kitbu: “L-istudju tal-Bibbja tal-familja tagħna spiss kien irregulari għax kellna ndeffsuh bejn id-diversi attivitajiet tal-kongregazzjoni. Dan l-arranġament ġdid hu għotja mingħand Ġeħova li tirrifreskana spiritwalment—jekk nużaw il-ħin bil-mod li suppost nużawh.”
Tony, ħu li mhuwiex miżżewweġ u li għandu madwar 25 sena, iwarrab il-ġurnata tat-Tlieta filgħaxija bħala l-lejla għall-istudju persunali tiegħu. Hu juża ħinijiet oħrajn matul il-ġimgħa biex jipprepara għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Madankollu, Tony jgħid, “Jien inħares ’il quddiem speċjalment għal nhar taʼ Tlieta.” Għala? “Dik il-lejla hi l-ħin speċjali tiegħi maʼ Ġeħova.” Tony jispjega: “Għal madwar sagħtejn, nistudja suġġetti li jsaħħuli r-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova. Peress li għandi iktar ħin għall-istudju nkun nistaʼ nimmedita fuq il-versi li naqra mill-Bibbja.” Ir-riżultat? “Il-pariri taʼ Ġeħova qed jinżlu iktar fil-fond f’qalbi minn qabel.” Jistaʼ jagħti xi eżempju taʼ dan? “Fil-ktieb Insight qrajt dwar il-ħbiberija bejn David u Ġonatan. Tgħallimt ħafna mill-karattru mhux egoist taʼ Ġonatan. L-eżempju tiegħu għenni nara iktar ċar xi jfisser li tkun ħabib veru. Tassew inħares ’il quddiem biex niskopri ħafna u ħafna iktar ħaġar prezzjuż nhar taʼ Tlieta filgħaxija!”
Bla dubju, il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova se jibbenefikaw ħafna milli jużaw tajjeb dan il-ħin li żdidilna, u li issa huwa disponibbli għal studju tal-Bibbja li jolqot il-ħtiġijiet tagħna u għall-qima tal-familja.