Għala Għandna Nimxu Wara “l-Kristu”?
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu . . . u jibqaʼ miexi warajja.”—LQ. 9:23.
1, 2. Għala hu importanti għalina li nikkunsidraw għala għandna nimxu wara “l-Kristu”?
MIN jaf kemm jitgħaxxaq Ġeħova meta jara fost il-qtajjiet miġburin flimkien t’aduraturi tiegħu fuq l-art lilkom il-ġodda li qed turu interess u lilkom iż-żgħażagħ! Hekk kif tkomplu tistudjaw il-Bibbja, tattendu l-laqgħat Kristjani regolarment, u tikbru fl-għarfien tagħkom dwar il-verità li ssalva l-ħajja u li tinsab fil-Kelma t’Alla, għandkom bżonn tieħdu bis-serjetà din l-istedina taʼ Ġesù: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu jum wara l-ieħor u jibqaʼ miexi warajja.” (Lq. 9:23) Ġesù qed jgħid li l-fatt li tiċħad lilek innifsek u ssir segwaċi tiegħu hu xi ħaġa li għandek tkun trid tagħmilha. Għalhekk, hu importanti għalina li nikkunsidraw għala għandna nimxu wara “l-Kristu.”—Mt. 16:13-16.
2 Xi ngħidu għal dawk minna li diġà qed jimxu wara l-passi taʼ Ġesù Kristu? Aħna mħeġġin biex ‘inkomplu nagħmlu dan iktar bis-sħiħ.’ (1 Tess. 4:1, 2) Sew jekk ħaddanna l-qima vera dan l-aħħar u sew jekk ħafna snin ilu, jekk nirriflettu dwar ir-raġunijiet għala għandna nimxu wara l-Kristu se niġu megħjunin napplikaw it-twissija taʼ Pawlu u nimxu wara l-Kristu dejjem iktar bis-sħiħ fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Ejja nikkunsidraw ħames raġunijiet għala għandna nkunu rridu nimxu wara l-Kristu.
Biex Nersqu Eqreb Lejn Ġeħova
3. B’liema żewġ modi nistgħu nsiru nafu lil Ġeħova?
3 Meta indirizza lill-Atenjani hekk kif ‘kien wieqaf f’nofs l-Arjopagu,’ l-appostlu Pawlu qalilhom: “[Alla] b’digriet ordna ż-żminijiet stabbiliti u l-limiti fissi fejn jgħammru l-bnedmin, biex huma jfittxu ’l Alla, jekk iteftfu fid-dlam għalih u jirnexxilhom isibuh, għalkemm, fil-fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:22, 26, 27) Aħna nistgħu nfittxu lil Alla u tassew insiru nafuh. Per eżempju, il-ktieb tal-ħolqien fih volumi sħaħ dwar il-kwalitajiet u l-abbiltajiet t’Alla. Jekk nirriflettu b’apprezzament fuq l-għemejjel taʼ ħolqien tiegħu nkunu nistgħu nitgħallmu ħafna dwar il-Ħallieq. (Rum. 1:20) Ġeħova rrivela wkoll xi dettalji dwaru nnifsu fil-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja. (2 Tim. 3:16, 17) Iktar ma ‘nimmeditaw fuq l-attività tiegħu’ u ‘nikkunsidraw għemilu,’ iktar inkunu nistgħu nsiru nafu lil Ġeħova.—Salm 77:12.
4. Il-fatt li nimxu wara l-Kristu kif jistaʼ jgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova?
4 Wieħed mill-aqwa modi biex tersaq saħansitra eqreb lejn Ġeħova hu li timxi wara l-Kristu. Immaġina biss il-glorja li kellu Ġesù maġenb Missieru “qabel ma kienet teżisti d-dinja”! (Ġw. 17:5) Hu “l-bidu tal-ħolqien li għamel Alla.” (Riv. 3:14) Bħala “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu,” hu għex għal żmien twil ħafna fis-sema maʼ Missieru, Ġeħova. Matul l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù għamel iktar milli sempliċement qattaʼ l-ħin maʼ Missieru. Kien is-sieħeb persunali t’Alla, jaħdem bil-ferħ flimkien maʼ Dak li Jistaʼ Kollox, u fforma miegħu l-iktar rabta b’saħħitha taʼ mħabba li qatt eżistiet. Ġesù mhux biss osserva l-mod taʼ kif Missieru jagħmel l-affarijiet, billi nnota s-sentimenti u l-attributi Tiegħu, imma wkoll assorba u adotta kulma tgħallem dwar Missieru. Minħabba f’hekk, dan l-Iben ubbidjenti sar preċiż bħal Missieru—tant hu hekk li l-Bibbja tirreferi għalih bħala “x-xbieha t’Alla li ma jidhirx.” (Kol. 1:15) Billi nimxu mill-qrib wara l-Kristu, aħna nistgħu nersqu eqreb lejn Ġeħova.
Biex Nimitaw lil Ġeħova Iktar bis-Sħiħ
5. X’se jgħinna nimitaw lil Ġeħova iktar bis-sħiħ, u għala?
5 Aħna ‘magħmulin fix-xbieha t’Alla, skond suritu,’ u għalhekk għandna l-kapaċità li nirriflettu l-attributi t’Alla. (Ġen. 1:26) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jimitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin.’ (Efes. 5:1) Jekk nimxu wara l-Kristu niġu megħjunin biex nimitaw lil Missierna tas-sema. Dan hu għaliex Ġesù rrifletta l-ħsieb, is-sentimenti, u l-personalità t’Alla aħjar u ddeskrivieh iktar bis-sħiħ milli setaʼ jagħmel xi ħadd ieħor. Meta kien fuq l-art, Ġesù mhux biss għarraf l-isem taʼ Ġeħova, imma wkoll irrivela l-Persuna li dak l-isem jirrappreżenta. (Aqra Mattew 11:27.) Ġesù għamel dan bil-kliem u bl-għemejjel tiegħu, bit-tagħlim u bl-eżempju tiegħu.
6. It-tagħlim taʼ Ġesù x’jirrivela dwar Ġeħova?
6 Bit-tagħlim tiegħu, Ġesù wera x’jirrikjedi minna Alla u kif iħossu dwar l-aduraturi tiegħu. (Mt. 22:36-40; Lq. 12:6, 7; 15:4-7) Per eżempju, wara li kkwota wieħed mill-Għaxar Kmandamenti—“tagħmilx adulterju”—Ġesù spjega l-ħarsa t’Alla dwar dak li jiġri fil-qalb taʼ bniedem ħafna qabel ma jikkommetti dan l-att. Hu qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Eżo. 20:14; Mt. 5:27, 28) Wara li stqarr l-interpretazzjoni Fariżajka taʼ stqarrija li hemm fil-Liġi—“ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek”—Ġesù għarraf il-ħsieb taʼ Ġeħova, billi qal: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mt. 5:43, 44; Eżo. 23:4; Lev. 19:18) Jekk nifhmu kif jaħseb u jħossu Alla u x’jirrikjedi minna se niġu megħjunin biex nimitawh iktar bis-sħiħ.
7, 8. X’nitgħallmu dwar Ġeħova mill-eżempju taʼ Ġesù?
7 Ġesù rrivela wkoll il-personalità taʼ Missieru bl-eżempju tiegħu. Meta naqraw fl-Evanġelji li Ġesù kien iħoss il-mogħdrija għal dawk fil-bżonn, l-empatija għal dawk li kienu jsofru, u l-għadab għad-dixxipli tiegħu li ċanfru lit-tfal żgħar, ma nimmaġinawhx aħna lill-Missier iħoss l-istess emozzjonijiet? (Mk. 1:40-42; 10:13, 14; Ġw. 11:32-35) Immaġina kif l-aġir taʼ Ġesù jitfaʼ dawl fuq l-attributi kardinali t’Alla. Ma jurux il-mirakli li wettaq Kristu l-qawwa tremenda li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu? Madankollu, hu qatt m’uża dik il-qawwa għall-gwadann persunali tiegħu jew bl-intenzjoni li jagħmel ħsara lil ħaddieħor. (Lq. 4:1-4) Kemm turi b’mod ċar is-sens taʼ ġustizzja tiegħu l-azzjoni li ħa meta xeħet lil merkanti rgħibin ’il barra mit-tempju! (Mk. 11:15-17; Ġw. 2:13-16) It-tagħlim tiegħu u l-kliem ħelu li uża biex jilħaq il-qlub tan-nies jindikaw li hu kien “akbar minn Salamun” fl-għerf. (Mt. 12:42) X’nistgħu ngħidu dwar l-imħabba li wera Ġesù billi ċeda ruħu għan-nom t’oħrajn ħlief li “ħadd m’għandu mħabba akbar minn din”?—Ġw. 15:13.
8 L-Iben t’Alla tant irrappreżenta lil Ġeħova b’mod perfett f’kulma qal u għamel li setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.” (Aqra Ġwanni 14:9-11.) Il-fatt li nimxu wara l-Kristu huwa ugwali għal li nimitaw lil Ġeħova.
Ġesù Hu l-Midluk taʼ Ġeħova
9. Ġesù meta u kif sar il-Midluk t’Alla?
9 Ikkunsidra x’ġara fil-ħarifa tas-sena 29 E.K. meta Ġesù, li kellu 30 sena, mar għand Ġwanni l-Għammied. “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-ilma; u, ara, is-smewwiet infetħu, u hu ra l-ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuqu.” Dakinhar, hu sar il-Kristu, jew Messija. Dakinhar, Ġeħova nnifsu għarraf li Ġesù kien il-Midluk tiegħu, billi qal: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mt. 3:13-17) Kemm hi raġuni tajba din għalina biex inkunu rridu nimxu wara l-Kristu!
10, 11. (a) It-titlu “Kristu” b’liema modi jintuża b’referenza għal Ġesù? (b) Għala m’għandniex nonqsu li nimxu wara Ġesù Kristu?
10 Fil-Bibbja, it-titlu “Kristu” jintuża b’referenza għal Ġesù b’diversi modi, bħal per eżempju, Ġesù Kristu, Kristu Ġesù, u l-Kristu. Ġesù nnifsu kien l-ewwel li uża t-terminu “Ġesù Kristu”—l-isem segwit mit-titlu. Meta talab lil Missieru, hu qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġw. 17:3) Dan l-użu b’mod ċar jiġbed l-attenzjoni lejn il-wieħed li ntbagħat minn Alla u sar il-Midluk tiegħu. Meta t-titlu jitqiegħed qabel l-isem, bħal fi “Kristu Ġesù,” l-enfasi ma tibqax fuq il-persuna imma tmur fuq il-pożizzjoni, jew il-kariga, li għandu. (2 Kor. 4:5) L-użu taʼ l-espressjoni “l-Kristu,” it-titlu bl-artiklu definit quddiemu, hu mod ieħor kif tiġi enfasizzata l-kariga taʼ Ġesù bħala l-Messija.—Atti 5:42.
11 Jintuża kif jintuża t-titlu “Kristu” b’referenza għal Ġesù, jenfasizza din il-verità importanti: Avolja l-Iben t’Alla ġie fuq l-art bħala bniedem u għarraf ir-rieda taʼ Missieru, hu la kien bniedem ordinarju u lanqas sempliċement profeta; hu sar il-Midluk taʼ Ġeħova. M’għandniex nonqsu li nimxu wara dan il-Wieħed.
Ġesù Hu l-Unika Triq għas-Salvazzjoni
12. Liema stqarrija li saret lill-appostlu Tumas għandha tifsir għalina?
12 Raġuni vitali oħra biex nibqgħu mexjin wara l-Messija tinsab fil-kliem li qal Ġesù lill-appostli leali tiegħu, kliem li ntqal ftit sigħat biss qabel ma miet. Biex iwieġeb il-mistoqsija taʼ Tumas dwar l-istqarrija taʼ Ġesù li se jmur u jħejji post għalihom, Ġesù qal: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 14:1-6) Dak il-ħin Ġesù kien qed ikellem lill-11-il appostlu leali. Hu wegħedhom post fis-sema, imma kliemu għandu tifsir ukoll għal dawk li jittamaw li jiksbu l-ħajja taʼ dejjem fuq l-art. (Riv. 7:9, 10; 21:1-4) Kif?
13. Ġesù f’liema sens hu “t-triq”?
13 Ġesù Kristu hu “t-triq.” Jiġifieri, hu l-uniku wieħed li permezz tiegħu huwa possibbli għalina li nersqu lejn Alla. Dan hu minnu fil-kwistjoni tat-talb, għax huwa biss billi nitolbu permezz taʼ Ġesù li jkollna l-assiguranza li l-Missier se jagħtina kulma nitolbuh fi qbil mar-rieda Tiegħu. (Ġw. 15:16) Madankollu, Ġesù hu “t-triq” ukoll f’sens ieħor. Id-dnub biegħed lill-bnedmin minn Alla. (Is. 59:2) Ġesù ta “ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Minħabba f’hekk, il-Bibbja tispjega: “Id-demm taʼ . . . Ġesù jnaddafna minn kull dnub.” (1 Ġw. 1:7) B’hekk, l-Iben fetaħ it-triq taʼ rikonċiljazzjoni m’Alla. (Rum. 5:8-10) Huwa billi jkollna l-fidi f’Ġesù u billi nobduh li jistaʼ jkollna relazzjoni approvata m’Alla.—Ġw. 3:36.
14. Ġesù kif inhu “l-verità”?
14 Ġesù hu “l-verità” mhux biss għaliex dejjem qal u għex il-verità imma wkoll għaliex il-profeziji kollha miktubin dwar il-Messija—li huma ħafna—twettqu fih. “Il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma,” kiteb l-appostlu Pawlu, “saru Iva permezz tiegħu.” (2 Kor. 1:20) Saħansitra “dell taʼ l-affarijiet tajbin li għandhom jiġu” u li jinsab fil-Liġi Mosajka sar realtà fi Kristu Ġesù. (Ebr. 10:1; Kol. 2:17) Ġesù hu l-punt ċentrali li fuqu jikkonċentraw il-profeziji kollha, u dawn jixħtu dawl fuq l-irwol ċentrali tiegħu fit-twettiq taʼ l-iskop taʼ Ġeħova. (Riv. 19:10) Sabiex nibbenefikaw mit-twettiq taʼ l-iskop li Alla għandu għalina, aħna għandna bżonn nimxu wara l-Messija.
15. Ġesù f’liema sens hu “l-ħajja”?
15 Ġesù hu “l-ħajja” għaliex hu xtara lir-razza umana bid-demm taʼ ħajtu, u l-ħajja taʼ dejjem hi għotja li jagħti Alla “bi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” (Rum. 6:23) Ġesù hu “l-ħajja” wkoll għal dawk li mietu. (Ġw. 5:28, 29) Iktar minn hekk, immaġina x’se jagħmel bħala Qassis il-Kbir matul ir-Renju Millennjali tiegħu. Hu se jikseb ħelsien għal dejjem mid-dnub u l-mewt għas-sudditi tiegħu fuq l-art!—Ebr. 9:11, 12, 28.
16. X’raġuni għandna biex nimxu wara Ġesù?
16 Għalhekk, it-tweġiba taʼ Ġesù lil Tumas għandha tifsir kbir għalina. Ġesù hu t-triq u l-verità u l-ħajja. Hu l-wieħed li Alla bagħat fid-dinja biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu. (Ġw. 3:17) U ħadd ma jmur għand il-Missier ħlief permezz tiegħu. Il-Bibbja tistqarr b’mod ċar: “F’ħadd iżjed m’hemm salvazzjoni, għax m’hemmx isem ieħor taħt is-sema li ngħata lill-bnedmin u li bih nistgħu niġu salvati.” (Atti 4:12) Għalhekk, minkejja dak li konna nemmnu qabel, ikun għaqli li nemmnu b’Ġesù, nimxu warajh, u b’hekk niksbu l-ħajja.—Ġw. 20:31.
Kmandati Biex Nisimgħu mill-Kristu
17. Għala huwa importanti għalina li nisimgħu mill-Iben t’Alla?
17 Pietru, Ġwanni, u Ġakbu raw b’għajnejhom stess it-trasfigurazzjoni. F’dik l-okkażjoni, huma semgħu leħen mis-sema jgħid: “Dan hu Ibni, il-magħżul. Isimgħu minnu.” (Lq. 9:28, 29, 35) Il-fatt li nobdu l-kmand biex nisimgħu mill-Messija hu kwistjoni serja.—Aqra Atti 3:22, 23.
18. Kif nistgħu nisimgħu minn Ġesù Kristu?
18 Il-fatt li nisimgħu minn Ġesù jinvolvi li ‘nħarsu fiss lejh, nirriflettu sew l-eżempju tiegħu.’ (Ebr. 12:2, 3) Għaldaqstant nagħmlu sew li “noqogħdu attenti iktar mis-soltu għal dak li” naqraw dwaru fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet taʼ “l-ilsir leali u għaqli,” kif ukoll għal dak li nisimgħu dwaru fil-laqgħat Kristjani. (Ebr. 2:1; Mt. 24:45) Bħala n-nagħaġ tiegħu, ejja nkunu ħerqanin biex nisimgħu minn Ġesù u nimxu warajh.—Ġw. 10:27.
19. X’se jgħinna nibqgħu mexjin wara l-Kristu?
19 Jistaʼ jirnexxilna nibqgħu mexjin wara l-Kristu, huma x’inhuma d-diffikultajiet li niffaċċjaw? Iva, jistaʼ jirnexxilna, bil-patt li ‘nibqgħu nżommu l-mudell taʼ kliem mimli saħħa’ billi nipprattikaw dak li nitgħallmu “bil-fidi u l-imħabba li huma fi Kristu Ġesù.”—2 Tim. 1:13.
X’Tgħallimt?
• Għala nistgħu nersqu eqreb lejn Ġeħova jekk nimxu wara “l-Kristu”?
• Il-fatt li nimitaw lil Ġesù għala huwa ugwali għal li nimitaw lil Ġeħova?
• Ġesù kif inhu “t-triq, il-verità, u l-ħajja”?
• Għala għandna nisimgħu mill-Midluk taʼ Ġeħova?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 29]
It-tagħlim taʼ Ġesù rrifletta l-ħsieb superjuri taʼ Ġeħova
[Stampa f’paġna 30]
Għandna nimxu fedelment wara l-Midluk taʼ Ġeħova
[Stampa f’paġna 32]
Ġeħova ddikjara: “Dan hu Ibni . . . isimgħu minnu”