Ara! Il-Qaddej Approvat taʼ Ġeħova
Ara! Il-Qaddej Approvat taʼ Ġeħova
“Ara! Il-qaddej tiegħi, . . . li ruħi approvat!”—IS. 42:1.
1. In-nies taʼ Ġeħova x’inhuma inkuraġġiti biex jagħmlu, partikolarment hekk kif toqrob it-Tifkira, u għala?
HEKK kif joqrob iż-żmien biex jikkommemoraw il-mewt taʼ Kristu, in-nies t’Alla jagħmlu sew li jsegwu l-parir taʼ l-appostlu Pawlu biex ‘iħarsu fiss lejn Ġesù, l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna.’ Pawlu żied: “Tabilħaqq, irriflettu sew dwar dak li ssaporta l-kliem ostili minn dawk li jidinbu kontra l-interessi tagħhom stess, biex ma tegħjewx u ċċedu f’ruħkom.” (Ebr. 12:2, 3) Il-fatt li jħarsu mill-qrib lejn il-ħajja taʼ fedeltà taʼ Kristu, li laħqet il-quċċata bis-sagrifiċċju tiegħu, se jgħin kemm lill-Kristjani midlukin u kemm lil sħabhom in-nagħaġ oħrajn biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova fedelment u biex jevitaw li ‘jċedu f’ruħhom.’—Qabbel Galatin 6:9.
2. X’nistgħu nitgħallmu mill-profeziji taʼ Isaija li huma relatati maʼ l-Iben t’Alla?
2 Permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova nebbaħ serje taʼ profeziji relatati direttament maʼ Ibnu. Dawn il-profeziji se jgħinuna biex “inħarsu fiss lejn . . . l-Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-fidi tagħna,” Kristu Ġesù. a Jixħtu dawl fuq il-personalità tiegħu, is-sofferenzi tiegħu, u l-eżaltazzjoni tiegħu bħala s-Sultan u l-Feddej tagħna. Se jgħinuna nifhmu iktar dwar it-Tifkira, li din is-sena se nikkommemorawha nhar il-Ħamis, 9 t’April, wara nżul ix-xemx.
Il-Qaddej Identifikat
3, 4. (a) Fil-ktieb taʼ Isaija, il-kelma “qaddej” għal min tapplika? (b) Il-Bibbja stess kif tidentifika l-Qaddej imsemmi f’Isaija kapitli 42, 49, 50, 52, u 53?
3 Il-kelma “qaddej” tidher ħafna drabi fil-ktieb taʼ Isaija. Kultant tapplika għall-profeta nnifsu. (Is. 20:3; 44:26) Xi drabi tapplika għall-ġens kollu taʼ Israel, jew Ġakobb. (Is. 41:8, 9; 44:1, 2, 21) Imma xi ngħidu għall-profeziji li jispikkaw rigward il-Qaddej dokumentati f’Isaija kapitli 42, 49, 50, 52, u 53? L-Iskrittura Griega Kristjana ma tħallilna ebda dubju dwar l-identità tal-Qaddej taʼ Ġeħova deskritt f’dawn il-kapitli. Taʼ interess, l-uffiċjal Etjopjan imsemmi fil-ktieb taʼ l-Atti kien qed jaqra waħda minn dawn il-profeziji meta Filippu l-evanġelizzatur kien immexxi mill-ispirtu biex javviċinah. Wara li qara s-silta Biblika li issa nsibuha f’Isaija 53:7, 8, l-uffiċjal staqsa lil Filippu: “Nitolbok, Għal min qed jgħid dan il-profeta? Għalih innifsu jew għal ħaddieħor?” Filippu ma tilifx ħin biex jispjegalu li Isaija kien qed jitkellem dwar il-Messija, Ġesù.—Atti 8:26-35.
4 Waqt li Ġesù kien għadu tarbija, raġel sewwa jismu Simegħon iddikjara bil-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis li ċ-“ċkejken Ġesù” kellu jsir “dawl biex ineħħi l-velu lill-ġnus,” bħalma tbassar f’Isaija 42:6 u 49:6. (Lq. 2:25-32) Barra minn hekk, l-umiljazzjoni li esperjenza Ġesù fil-lejl tal-ġuri tiegħu kienet imbassra fil-profezija taʼ Isaija 50:6-9. (Mt. 26:67; Lq. 22:63) Wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru identifika b’mod ċar lil Ġesù bħala l-“Qaddej” taʼ Ġeħova. (Is. 52:13; 53:11; aqra Atti 3:13, 26.) X’nistgħu nitgħallmu minn dawn il-profeziji Messjaniċi?
Ġeħova Jħarreġ lill-Qaddej Tiegħu
5. Il-Qaddej x’taħriġ irċieva?
5 Waħda mill-profeziji taʼ Isaija dwar il-Qaddej t’Alla titfaʼ dawl fuq ir-relazzjoni intima bejn Ġeħova u l-ewwel Iben imwieled tiegħu matul l-eżistenza taʼ l-Iben qabel ma sar bniedem. (Aqra Isaija 50:4-9.) Il-Qaddej innifsu jirrivela li Ġeħova kien iħarrġu kontinwament, billi jgħid: “Hu jqajjimli widinti biex nismaʼ bħal wieħed li ġie mgħallem [jew dixxiplu].” (Is. 50:4) Matul dak iż-żmien kollu, il-Qaddej taʼ Ġeħova ta widen lil Missieru u tgħallem mingħandu, u b’hekk sar dixxiplu sottomess. Xi privileġġ uniku li tkun mgħallem mill-Ħallieq taʼ l-univers!
6. Il-Qaddej kif indika s-sottomissjoni perfetta tiegħu lejn Missieru?
6 F’din il-profezija, il-Qaddej jitkellem dwar Missieru bħala “l-Mulej Sovran Ġeħova.” Dan juri li l-Qaddej kien tgħallem il-verità fundamentali dwar is-sovranità universali taʼ Ġeħova. Billi indika s-sottomissjoni perfetta tiegħu lejn Missieru, hu stqarr: “Il-Mulej Sovran Ġeħova nnifsu fetaħli widinti, u jien, min-naħa tiegħi, ma kontx ribelluż. Ma dortx fid-direzzjoni opposta.” (Is. 50:5) Hu ‘kien maġenb Ġeħova bħala ħaddiem tas-sengħa’ fil-ħolqien taʼ l-univers materjali u tal-bniedem. Dan il-“ħaddiem tas-sengħa” ‘kien jieħu pjaċir quddiem Ġeħova l-ħin kollu, jieħu pjaċir bil-ħamrija produttiva taʼ l-art tiegħu, u l-affarijiet li kien jgħożż [l-Iben t’Alla] kienu marbutin maʼ wlied il-bnedmin.’—Prov. 8:22-31.
7. X’juri li l-Qaddej kellu fiduċja fl-appoġġ taʼ Missieru matul il-provi tiegħu?
7 Dan it-taħriġ li rċieva l-Qaddej u l-affezzjoni tiegħu għall-bnedmin ħejjewh għal meta ġie fuq l-art u ffaċċja oppożizzjoni ħarxa. Hu baqaʼ jitgħaxxaq jagħmel ir-rieda taʼ Missieru, saħansitra meta ffaċċja persekuzzjoni ħarxa. (Salm 40:8; Mt. 26:42; Ġw. 6:38) Matul il-provi tiegħu fuq l-art, Ġesù kien fiduċjuż mill-approvazzjoni u l-appoġġ taʼ Missieru. Bħalma kien imbassar fil-profezija taʼ Isaija, Ġesù setaʼ jgħid: “Qrib hu Dak li qed jiddikjarani ġust. Min jistaʼ jħaqqaqha miegħi? . . . Ara! Il-Mulej Sovran Ġeħova nnifsu se jgħinni.” (Is. 50:8, 9) Ġeħova ċertament li għen lill-Qaddej leali tiegħu matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, bħalma turi profezija oħra taʼ Isaija.
Il-Ministeru tal-Qaddej fuq l-Art
8. X’jagħti prova li Ġesù kien il-“magħżul” taʼ Ġeħova, bħalma tbassar f’Isaija 42:1?
8 Il-Bibbja tgħidilna x’ġara meta tgħammed Ġesù fis-sena 29 E.K.: “Niżel fuqu l-ispirtu qaddis . . . u ġie leħen mis-sema: ‘Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.’” (Lq. 3:21, 22) B’hekk, Ġeħova identifika b’mod ċar il-“magħżul” tiegħu, imsemmi fil-profezija taʼ Isaija. (Aqra Isaija 42:1-7.) Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù wettaq din il-profezija b’mod meraviljuż. Fir-rakkont taʼ l-Evanġelju tiegħu, Mattew ikkwota l-kliem li nsibu f’Isaija 42:1-4 u applikah għal Ġesù.—Mt. 12:15-21.
9, 10. (a) Ġesù kif wettaq Isaija 42:3 matul il-ministeru tiegħu? (b) Kristu kif ‘wera l-ġustizzja’ meta kien fuq l-art, u meta se “jġib il-ġustizzja fuq l-art”?
9 In-nies komuni fost il-Lhud kienu mistmerrin mill-mexxejja reliġjużi Lhud. (Ġw. 7:47-49) In-nies kienu trattati ħażin u setgħu jitqabblu maʼ ‘qasab miksur’ jew ‘ftejjel tal-kittien’ meta jkunu fl-aħħar tnemnima tagħhom. Madankollu, Ġesù wera mogħdrija lejn il-foqra u l-magħkusin. (Mt. 9:35, 36) Hu offra stedina ħelwa lil uħud bħal dawn, billi qalilhom: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.” (Mt. 11:28) Barra minn hekk, Ġesù ‘wera l-ġustizzja’ billi għallem il-livelli taʼ Ġeħova dwar it-tajjeb u l-ħażin. (Is. 42:3) Hu wera wkoll li l-Liġi t’Alla kellha bżonn tiġi applikata bir-raġunevolezza u bil-ħniena. (Mt. 23:23) Ġesù wera wkoll il-ġustizzja billi ppriedka mingħajr preġudizzju kemm lill-għonja u kemm lill-foqra.—Mt. 11:5; Lq. 18:18-23.
10 Il-profezija taʼ Isaija tbassar ukoll li l-“magħżul” taʼ Ġeħova “jġib il-ġustizzja fuq l-art.” (Is. 42:4) Dan se jagħmlu dalwaqt meta, bħala Sultan tas-Saltna Messjanika, jeqred is-saltniet politiċi kollha u jissostitwihom bil-ħakma ġusta tiegħu stess. Hu se jintroduċi dinja ġdida, fejn “tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pt. 3:13; Dan. 2:44.
“Dawl” u “Patt”
11. Ġesù f’liema sens kien “dawl għall-ġnus” fl-ewwel seklu, u kif għadu hekk sa llum?
11 Bi twettiq taʼ Isaija 42:6, Ġesù tabilħaqq wera li kien “dawl għall-ġnus.” Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, hu ġab dawl spiritwali primarjament għal-Lhud. (Mt. 15:24; Atti 3:26) Imma Ġesù stqarr: “Jien id-dawl tad-dinja.” (Ġw. 8:12) Hu sar dawl kemm għal-Lhud u kemm għall-ġnus mhux biss billi ġab tidwil spiritwali imma wkoll billi offra l-ħajja umana u perfetta tiegħu bħala fidwa għall-bnedmin kollha. (Mt. 20:28) Wara l-irxoxt tiegħu, hu inkariga lid-dixxipli tiegħu biex ikunu xhieda tiegħu “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Matul il-ministeru tagħhom, Pawlu u Barnaba kkwotaw l-espressjoni “dawl għall-ġnus” u applikawha għax-xogħol taʼ l-ippridkar li kienu qed iwettqu fost dawk li ma kinux Lhud. (Atti 13:46-48; qabbel Isaija 49:6.) Dan ix-xogħol għadu qed isir hekk kif l-aħwa midlukin taʼ Ġesù fuq l-art u sħabhom ixerrdu d-dawl spiritwali u jgħinu lin-nies biex ipoġġu l-fidi tagħhom f’Ġesù, id-“dawl għall-ġnus.”
12. Ġeħova kif ta lill-Qaddej tiegħu “bħala patt għan-nies”?
12 F’din l-istess profezija, Ġeħova qal lill-Qaddej magħżul tiegħu: “Se nħarsek u nagħtik bħala patt għan-nies.” (Is. 42:6) Satana għamel sforzi persistenti biex jeqred lil Ġesù u ma jħallihx ilesti l-ministeru tiegħu fuq l-art, imma Ġeħova pproteġieh sakemm wasal iż-żmien stabbilit għalih biex imut. (Mt. 2:13; Ġw. 7:30) Imbagħad Ġeħova rxoxta lil Ġesù u tah bħala “patt,” jew pleġġ, għan-nies fuq l-art. Din il-wegħda solenni pprovdiet assiguranza li l-Qaddej leali t’Alla kien se jkompli bħala “dawl għall-ġnus,” billi jeħles lil dawk li qegħdin fi dlam spiritwali.—Aqra Isaija 49:8, 9. b
13. Ġesù b’liema mod ħeles “lil dawk bil-qiegħda fid-dlam” matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, u kif ikompli jagħmel hekk?
13 Fi qbil maʼ dan il-pleġġ, il-Qaddej magħżul taʼ Ġeħova kellu ‘jiftaħ l-għajnejn għomja,’ ‘joħroġ mill-kalzri lill-ħabsi,’ u jeħles “lil dawk bil-qiegħda fid-dlam.” (Is. 42:7) Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù għamel dan billi kixef it-tradizzjonijiet reliġjużi foloz u ppriedka l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mt. 15:3; Lq. 8:1) B’hekk, hu ħeles mill-jasar spiritwali lil xi Lhud li saru d-dixxipli tiegħu. (Ġw. 8:31, 32) B’mod simili, Ġesù ħeles spiritwalment lil miljuni taʼ wħud li m’humiex Lhud. Hu inkariga lis-segwaċi tiegħu biex ‘imorru u jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha,’ u wiegħed li se jkun mas-segwaċi tiegħu “sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:19, 20) Mill-pożizzjoni tiegħu fis-sema, Kristu Ġesù qed jindokra x-xogħol taʼ l-ippridkar globali.
Ġeħova Refaʼ lill-“Qaddej” Għal Pożizzjoni Ogħla
14, 15. Ġeħova għala u kif refaʼ lill-Qaddej tiegħu għal pożizzjoni ogħla?
14 Jerġaʼ fi profezija oħra rigward il-Qaddej Messjaniku tiegħu, Ġeħova jistqarr: “Ara! Il-qaddej tiegħi se jaġixxi bid-dehen. Se jkollu pożizzjoni għolja u se jintrefaʼ u jiġi eżaltat ferm.” (Is. 52:13) Minħabba s-sottomissjoni leali taʼ Ibnu lejn is-sovranità Tiegħu u l-fedeltà tiegħu taħt l-iktar prova estrema, Ġeħova refgħu għal pożizzjoni ogħla.
15 L-appostlu Pietru kiteb dwar Ġesù: “Hu qiegħed fuq il-leminija t’Alla, għax mar fis-sema; u l-anġli u l-awtoritajiet u l-qawwiet intgħamlu sottomessi lejh.” (1 Pt. 3:22) Bl-istess mod, l-appostlu Pawlu kiteb: “Umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura. Kien ukoll għalhekk li Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor, sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-sema, fuq l-art, u taħt l-art, u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-glorja t’Alla l-Missier.”—Flp. 2:8-11.
16. Ġesù kif ġie “eżaltat ferm” fl-1914, u x’wettaq minn dakinhar ’l hawn?
16 Fl-1914, Ġeħova refaʼ lil Ġesù għal pożizzjoni saħansitra ogħla. Hu ġie “eżaltat ferm” meta Ġeħova poġġieh fuq it-tron bħala s-Sultan tas-Saltna Messjanika. (Salm 2:6; Dan. 7:13, 14) Minn dakinhar ’l hawn, Kristu ‘mar irażżan f’nofs l-għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:2) Hu l-ewwel rażżan lil Satana u lid-demonji tiegħu, billi waddabhom għal isfel fil-viċinanza taʼ l-art. (Riv. 12:7-12) Imbagħad, billi aġixxa bħala Ċiru Akbar, Kristu ħeles lill-fdal taʼ ħutu l-midlukin fuq l-art minn taħt difrejn “Babilonja l-Kbira.” (Riv. 18:2; Is. 44:28) Hu dderieġa x-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja li rriżulta fil-ġbir tal-“bqija” taʼ ħutu spiritwali u mbagħad fil-ġbir taʼ miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn,” l-imseħbin leali tal-“merħla żgħira.”—Riv. 12:17; Ġw. 10:16; Lq. 12:32.
17. X’tgħallimna s’issa billi studjajna l-profeziji taʼ Isaija rigward il-“qaddej”?
17 L-istudju taʼ dawn il-profeziji meraviljużi fil-ktieb taʼ Isaija żgur li żidilna l-apprezzament lejn is-Sultan u l-Feddej tagħna, Kristu Ġesù. Is-sottomissjoni tiegħu bħala iben matul il-ministeru tiegħu fuq l-art irriflettiet it-taħriġ li rċieva meta kien maġenb Missieru qabel ma ġie fuq l-art. Hu wera li hu d-“dawl għall-ġnus” permezz tal-ministeru tiegħu stess u permezz tax-xogħol taʼ l-ippridkar li indokra sa żmienna. Bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss, profezija oħra rigward il-Qaddej Messjaniku tirrivela li hu kellu jsofri u jagħti ħajtu għall-benefiċċju tagħna, kwistjonijiet li għandna ‘nirriflettu sew’ dwarhom hekk kif toqrob it-Tifkira tal-mewt tiegħu.—Ebr. 12:2, 3.
[Noti taʼ taħt]
a Dawn il-profeziji tistaʼ ssibhom f’Isaija 42:1-7; 49:1-12; 50:4-9; u 52:13–53:12.
b Għal diskussjoni dwar il-profezija f’Isaija 49:1-12, ara Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II, paġni 136-145.
Bħala Reviżjoni
• Min hu l-“qaddej” imsemmi fil-profeziji taʼ Isaija, u kif nafu?
• Il-Qaddej x’taħriġ irċieva minn Ġeħova?
• Ġesù kif inhu “dawl għall-ġnus”?
• Il-Qaddej kif ġie merfugħ għal pożizzjoni ogħla?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 21]
Filippu identifika b’mod ċar il-“qaddej” imsemmi minn Isaija bħala Ġesù, il-Messija
[Stampa f’paġna 23]
Bħala l-Qaddej magħżul taʼ Ġeħova, Ġesù wera mogħdrija lejn il-foqra u l-magħkusin
[Stampa f’paġna 24]
Ġesù ġie eżaltat minn Missieru u mpoġġi fuq it-tron bħala s-Sultan tas-Saltna Messjanika