Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Rut

Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Rut

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb taʼ Rut

HUWA ġrajja drammatika vera li tferraħ taʼ lealtà bejn żewġ nisa. Huwa rakkont t’apprezzament għal Alla Ġeħova u taʼ fiduċja fl-​arranġament tiegħu. Huwa storja li tenfasizza l-​interess ġenwin taʼ Ġeħova fil-​linja tad-​dixxendenza tal-​Messija. Huwa ġrajja kommoventi dwar il-​ferħ u n-​niket taʼ familja. Il-​ktieb Bibliku taʼ Rut jinkludi dan kollu u iżjed.

Il-ktieb taʼ Rut ikopri perijodu taʼ madwar 11-il sena “fi żmien meta kienu jaħkmu l-​imħallfin” f’Iżrael. (Rut 1:1) Ir-​rakkonti dokumentati setgħu seħħew kmieni fi żmien l-​Imħallfin, ladarba sid l-​art li kien jismu Bogħaż, karattru minn din il-​ġrajja drammatika vera, kien it-​tifel taʼ Raħab taʼ żmien Ġożwè. (Ġożwè 2:​1, 2; Rut 2:1; Mattew 1:5) X’aktarx li r-​rakkont inkiteb mill-​profeta Samwel fis-​sena 1090 Q.E.K. Dan hu l-​uniku ktieb fil-​Bibbja li jġib l-​isem taʼ mara li mhix Iżraelija. Il-​messaġġ li fih ‘hu ħaj u qawwi.’​—Ebrej 4:​12.

“FEJN TMUR INT, IMMUR JIEN”

(Rut 1:1–​2:​23)

Meta Nagħomi u Rut jaslu Betlehem, huma jiġbdu l-​attenzjoni taʼ kulħadd. Filwaqt li jippontaw lejn l-​ixjeħ mara, in-​nisa tal-​belt joqogħdu jistaqsu: “Din hi Nagħomi?” Għal dan Nagħomi tgħid: “Issejjħulix Nagħomi: sejjħuli Mâra, għax bl-​imrar imlieni Alla li jistaʼ kollox. Mimlija tlaqt minn hawn u b’xejn reġġagħni lura l-​Mulej.”​—Rut 1:​19-​21.

Meta l-​ġuħ f’Iżrael iġiegħel lill-​familja tagħha titlaq minn Betlehem għall-​art taʼ Mowab, Nagħomi hi “mimlija” fis-​sens li għandha raġel u żewġ ulied subien. Iżda ftit taż-​żmien wara li jissetiljaw f’Mowab, żewġha, Elimelek, imut. Iktar tard, iż-​żewġ uliedha jiżżewġu lin-​nisa Mowabin Għorfa u Rut. Jgħaddu madwar għaxar snin u ż-​żewġ ulied imutu mingħajr ma jkollhom tfal, u b’hekk iħallu lit-​tliet nisa waħedhom. Meta l-​kunjata, Nagħomi, tiddeċiedi li tmur lura f’Ġuda, in-​nisa romol imorru magħha. Huma u sejrin, Nagħomi tħeġġeġ lin-​nisa taʼ wliedha jmorru lura Mowab biex isibu jiżżewġu raġel minn fost nieshom stess. Għorfa finalment taqbel. Iżda Rut tibqaʼ maʼ Nagħomi u tgħid: “Fejn tmur int, immur jien; fejn toqgħod int, noqgħod jien; niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi.”​—Rut 1:​16.

Iż-żewġ romol, Nagħomi u Rut, jaslu Betlehem fil-​bidu tal-​ħsad tax-​xgħir. Permezz t’arranġament li kien hemm fil-​Liġi t’Alla, Rut tistaʼ tibda tlaqqat f’għalqa li tinzerta tkun taʼ qarib taʼ Elimelek​—Lhudi mdaħħal fiż-​żmien jismu Bogħaż. Dan għandu pjaċir b’Rut u hi tibqaʼ tlaqqat fl-​għalqa tiegħu ‘sakemm jintemmu ħsad ix-​xgħir u ħsad il-​qamħ.’​—Rut 2:​23.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:8—Nagħomi għala qalet lin-​nisa taʼ wliedha biex jerġgħu lura “kull waħda f’dar ommha” minflok f’dar missierha? Jekk missier Għorfa kienx ħaj jew le dak iż-​żmien ma nafux. Iżda missier Rut kien. (Rut 2:​11) Minkejja dan, Nagħomi semmiet dar l-​omm għax forsi ħasbet li jekk issemmilhom lil ommhom setgħet tfakkarhom fis-​serħan taʼ l-​affezzjoni taʼ l-​omm. Dan kien ikun partikolarment taʼ faraġ għal nisa maħkumin min-​niket taʼ li jkollhom jinfirdu mill-​kunjata għażiża tagħhom. Il-​kumment jistaʼ juri wkoll li l-​ommijiet taʼ Rut u Għorfa kellhom djar stabbli, mhux bħal Nagħomi.

1:​13, 21​—Kien Ġeħova li mela ħajjet Nagħomi bl-​imrar u li kkaġunalha niket kbir? Le, u Nagħomi ma waħħlitx f’Alla għall-​ħażen li ġralha. Madankollu, minħabba l-​affarijiet kollha li għaddiet minnhom, hi ħasbet li Ġeħova kien kontra tagħha. Ħassitha mnikkta u diżappuntata. Barra minn hekk, f’dak iż-​żmien, frott il-​ġuf kien meqjus bħala barka iżda kien saħta jekk tibqaʼ bla tfal. In-​nuqqas taʼ neputijiet kif ukoll il-​mewt t’uliedha t-​tnejn jistaʼ jkun li ġagħlu lil Nagħomi tħossha ġustifikata f’li taħseb li kien Ġeħova li umiljaha.

2:​12​—Liema ‘ħlas sħiħ’ ħadet Rut mingħand Ġeħova? Rut wildet tifel u kellha l-​privileġġ li jkollha sehem fl-​iktar nisel importanti taʼ l-​istorja​—dak taʼ Ġesù Kristu.​—Rut 4:​13-​17; Mattew 1:​5, 16.

Lezzjonijiet Għalina:

1:8; 2:​20. Minkejja t-​traġedji li għaddiet minnhom, Nagħomi baqgħet fiduċjuża fil-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova. Aħna għandna nagħmlu l-​istess, partikolarment meta ngħaddu minn provi ħorox.

1:9. Dar m’għandhiex sempliċement tkun post fejn il-​membri tal-​familja jieklu u jorqdu. Għandha tkun post taʼ paċi, mistrieħ, u faraġ.

1:​14-​16. Għorfa “reġgħet lura għand niesha u l-​allat tagħha.” Rut ma marritx. Ħalliet il-​kumdità u s-​sigurtà taʼ art twelidha u baqgħet leali lejn Ġeħova. Il-​fatt li nikkultivaw imħabba leali lejn Alla u nuru li għandna spirtu taʼ sagrifiċċju se jgħinna nkunu protetti milli nċedu għax-​xewqat egoistiċi u milli “nerġgħu lura biex ninqerdu.”​—Ebrej 10: 39.

2:2. Rut riedet tieħu vantaġġ mill-​provvediment tat-​tilqit li kien intgħamel għall-​benefiċċju tal-​barranin u dawk fil-​bżonn. Kienet mara umli. Kristjan fil-​bżonn m’għandux ikun kburi żżejjed biex jaċċetta l-​għajnuna mogħtija bi mħabba mingħand sħabu fit-​twemmin jew xi għajnuna mill-​gvern li jkun intitolat għaliha.

2:7. Għalkemm kellha d-​dritt li tlaqqat, Rut talbet il-​permess għalih. (Levitiku 19:​9, 10) Dan kien sinjal taʼ umiltà min-​naħa tagħha. Inkunu għaqlin jekk ‘infittxu l-​umiltà,’ għax “il-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”​—Sofonija 2:3; Salm 37:11.

2:​11. Rut kienet iżjed minn sempliċement qariba għal Nagħomi. Kienet ħabiba vera. (Proverbji 17:17) Il-​ħbiberija tagħhom kienet soda għax kienet mibnija fuq kwalitajiet bħall-​imħabba, il-​lealtà, l-​empatija, il-​qalb tajba, u l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju. Iżjed importanti minn hekk, kienet mibnija fuq l-​ispiritwalità tagħhom​—ix-​xewqa tagħhom li jaqdu lil Ġeħova u li jkunu fost l-​aduraturi tiegħu. Aħna wkoll għandna opportunitajiet eċċellenti biex nikkultivaw ħbiberiji ġenwini m’aduraturi veri.

2:​15-​17. Anki meta Bogħaż għamel ix-​xogħol iktar faċli għal Rut, hi “damet tlaqqat fir-​rabaʼ sa filgħaxija.” Rut kienet ħabrieka tabilħaqq. Kristjan għandu jkun magħruf bħala ħaddiem bieżel.

2:​19-​22. Nagħomi u Rut gawdew konversazzjonijiet pjaċevoli matul is-​sigħat taʼ fil-​għaxija; l-​akbar fosthom kienet turi interess fl-​attivitajiet tal-​waħda iżgħar, u t-​tnejn kienu jesprimu l-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħhom bil-​miftuħ. L-​istess għandu japplika għall-​familja Kristjana.

2:​22, 23. Kuntrarju għal Dina bint Ġakobb, Rut fittxet sħubija m’aduraturi taʼ Ġeħova. X’eżempju mill-​aħjar għalina!​—Ġenesi 34:​1, 2; 1 Korintin 15:33.

NAGĦOMI ‘TIMTELAʼ

(Rut 3:1–​4:​22)

Nagħomi hija kbira wisq biex ikollha t-​tfal. Għalhekk, tidderieġi lil Rut biex tiled minflokha permezz taʼ żwieġ tal-​fidwa, jiġifieri billi tiżżewweġ l-​eqreb qarib taʼ żewġha. Billi toqgħod għad-​direzzjoni taʼ Nagħomi, Rut titlob lil Bogħaż jaġixxi bħala l-​wieħed li għandu d-​dritt tal-​fidwa. Bogħaż lest li jaċċetta. Iżda, hemm xi ħadd li jiġi iżjed mill-​qrib u li għandu jingħata l-​ewwel opportunità.

Bogħaż ma jitlifx żmien biex jissetilja l-​kwistjoni. L-​għada fil-​għodu stess jiġbor għaxart irġiel ixjeħ taʼ Betlehem quddiem il-​qarib u jistaqsih jekk iridx jifdi. Ir-​raġel ma jaċċettax. B’hekk, Bogħaż isir dak li jifdi u jiżżewweġ lil Rut. Miż-​żwieġ tagħhom ikollhom tifel, Għobed, in-​nannu tas-​Sultan David. In-​nisa taʼ Betlehem issa jgħidu lil Nagħomi: “Mbierek il-​Mulej . . . Hu jfarraġlek ruħek u jwieżnek fi xjuħitek, għaliex wilditu mart ibnek, li tħobbok, u li għalik hi aħjar minn sebaʼ wlied.” (Rut:4:​14, 15) Il-​mara li ġiet lura Betlehem “b’xejn” reġgħet saret “mimlija”!​—Rut 1:​21.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

3:​11​—Rut għala kienet magħrufa bħala “mara sewwa”? Ma kienx “l-​immaljar tax-​xagħar” jew “l-​ilbis t’ornamenti tad-​deheb jew taʼ ħwejjeġ” li ġagħal lil oħrajn jammiraw lil Rut. Pjuttost, kienet “il-​persuna minn ġewwa, fil-​qalb”​—il-​lealtà u l-​imħabba tagħha, l-​umiltà u l-​ispirtu ġwejjed, il-​bżulija u l-​ispirtu tagħha taʼ sagrifiċċju. Kull mara li għandha l-​biżaʼ t’Alla u li tixtieq ikollha reputazzjoni bħal dik taʼ Rut għandha tistinka biex tikkultiva dawn il-​kwalitajiet.​—1 Pietru 3:​3, 4; Proverbji 31:​28-​31.

3:​14​—Għala Rut u Bogħaż qamu qabel sebaħ? Ma kienx għaliex saret xi ħaġa immorali matul il-​lejl u ma riedu juru lil ħadd. L-​azzjonijiet taʼ Rut dak il-​lejl milli jidher kienu skond dak li s-​soltu kienu jagħmlu n-​nisa li jkunu qed ifittxu d-​dritt għal żwieġ bejn armla u l-​eqreb qarib taʼ żewġha. Hi aġixxiet skond l-​istruzzjonijiet taʼ Nagħomi. Iktar minn hekk, l-​aġir taʼ Bogħaż jindika b’mod ċar li ma ra xejn ħażin f’dak li għamlet Rut. (Rut 3:​2-​13) Milli jidher, Rut u Bogħaż qamu kmieni sabiex ħadd ma jkollu għalxiex jaqlaʼ qlajjiet foloz.

3:​15​—X’kien ifisser li Bogħaż ta lil Rut sitt tikjiliet xgħir? Dan il-​ġest jistaʼ jkun li kien ifisser li bħalma jum taʼ mistrieħ kien jiġi wara sitt ijiem taʼ xogħol, il-​jum taʼ mistrieħ taʼ Rut kien fil-​qrib. Bogħaż ried ikun ċert li hi jkollha “l-​mistrieħ” f’dar żewġha. (Rut 1:9; 3:1) Jistaʼ jkun ukoll li sitt tikjiliet xgħir kienu kulma Rut setgħet iġġorr fuq rasha.

3:​16—Skond il-​kliem oriġinali bl-​Ebrajk Nagħomi għala staqsiet lil Rut: “Min int, binti?” M’għarfithiex lil mart binha? Jistaʼ jkun li m’għarfithiex, għaliex meta Rut marret lura għand Nagħomi għandu mnejn kien għadu d-​dlam. Madankollu, il-​mistoqsija tistaʼ tfisser ukoll li Nagħomi kienet qiegħda tistaqsi dwar l-​identità l-​ġdida li setaʼ kellha Rut b’konnessjoni mal-​fidwa tagħha.

4:6​—Dak li jifdi b’liema mod setaʼ ‘jagħmel ħsara’ lill-​wirt tiegħu billi jwettaq id-​dritt tal-​fidwa? L-​ewwelnett, jekk dak li waqaʼ fil-​faqar kien bigħ l-​art li wiret, wieħed li jifdi kellu joħroġ il-​flus biex jixtri l-​art bi prezz li jiġi determinat skond in-​numru taʼ snin li jibqaʼ sal-​Ġublew li jmiss. (Levitiku 25:​25-​27) Jekk jagħmel hekk kien se jnaqqas il-​valur tal-​proprjetà tiegħu. Iktar minn hekk, jekk Rut ikollha tifel, dan kellu jiret l-​għalqa mixtrija u mhux xi qarib taʼ dak li jifdi li kien jgħix dak iż-​żmien.

Lezzjonijiet Għalina:

3:​12; 4:​1-6. Bogħaż segwa l-​arranġament taʼ Ġeħova sa l-​iċken dettall. Kuxjenzjużi aħna biex nimxu skond il-​proċeduri teokratiċi?​—1 Korintin 14:40.

3:​18. Nagħomi kienet tafda lil Bogħaż. M’għandniex aħna nafdaw bl-​istess mod lil sħabna leali fit-​twemmin? Rut kienet lesta li tiżżewweġ lill-​eqreb qarib taʼ żewġha li bilkemm kienet tafu, wieħed li ma jissemmiex b’ismu fil-​Bibbja. (Rut 4:1) Għala? Għaliex kellha fiduċja fl-​arranġament t’Alla. Għandna aħna l-​istess fiduċja? Meta niġu biex infittxu xi sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ, per eżempju, nagħtu kas il-​parir biex niżżewġu “biss fil-​Mulej”?​—1 Korintin 7:​39.

4:​13-​16. Xi privileġġ irċiviet Rut għalkemm kienet Mowabija u qabel kienet tadura lill-​alla Kemos! Dan juri l-​prinċipju li “ma jiddependix minn min jixtieq u lanqas minn min jiġri, imma minn Alla li jħenn.”​—Rumani 9:​16.

Alla “Jeżaltakom fiż-​Żmien Xieraq”

Il-​ktieb taʼ Rut jiddeskrivi lil Ġeħova bħala Alla taʼ qalb tajba bl-​imħabba, li jaġixxi għan-​nom tal-​qaddejja leali tiegħu. (2 Kronaki 16:9) Meta nirriflettu fuq kif Rut tbierket, naraw kemm jiswa li nafdaw f’Alla b’fidi assoluta, billi nemmnu bis-​sħiħ “li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”​—Ebrej 11:6.

Rut, Nagħomi, u Bogħaż kellhom fiduċja sħiħa fl-​arranġament taʼ Ġeħova u kellhom riżultati tajbin. Bl-​istess mod, “Alla jġiegħel l-​għemejjel kollha tiegħu jaħdmu id f’id għall-​ġid taʼ dawk li jħobbu lil Alla, dawk imsejħin skond l-​iskop tiegħu.” (Rumani 8:​28) Mela ejja napplikaw il-​parir taʼ l-​appostlu Pietru: “Għalhekk, umiljaw ruħkom taħt l-​id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-​żmien xieraq; waqt li titfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.”​—1 Pietru 5:​6, 7.

[Stampa f’paġna 26]

Taf għala Rut m’abbandunatx lil Nagħomi?

[Stampa f’paġna 27]

Rut għala kienet magħrufa bħala “mara sewwa”?

[Stampa f’paġna 28]

X’kien ‘il-​ħlas sħiħ’ li Ġeħova ta lil Rut?