Huwa Alla Responsabbli għall-Problemi Tagħna?
Huwa Alla Responsabbli għall-Problemi Tagħna?
META t-tifla taʼ Marion ġarrbet ħsara kbira fil-moħħ, Marion għamlet dak li ħafna minna konna nagħmlu kieku konna fis-sitwazzjoni tagħha. * Talbet lil Alla għall-għajnuna. “Ma stajtx naħseb f’okkażjoni oħra li fiha ħassejtni daqshekk mifxula u waħdi,” tgħid Marion. Iktar tard, il-kundizzjoni tat-tifla tagħha qalbet għall-agħar, u Marion bdiet tiddubita jekk Alla kienx verament jimpurtah. Hi bdiet tistaqsi: “Għala qed jiġri dan?” Ma setgħetx tifhem kif Alla taʼ mħabba u li jimpurtah setaʼ jabbandunaha.
L-esperjenza taʼ Marion m’hijiex l-unika waħda. Ħafna nies madwar id-dinja ħassewhom abbandunati minn Alla meta kellhom bżonnu l-iktar. “Għadni nissielet mal-mistoqsijiet dwar għala Alla jippermetti affarijiet ħżiena,” tgħid Lisa wara li nqatel in-neputi tagħha. “Il-fidi tiegħi f’Alla ma tlifthiex għalkollox imma m’għadhiex bħalma kienet.” B’mod simili, wara li esperjenzat traġedja li involviet lit-tifel żgħir tagħha, waħda mara qalet: “Alla ma tani l-ebda faraġ għal dak li kien ġara. Ma wrieni l-ebda sinjal u l-ebda mogħdrija.” Kompliet tgħid: “Jien qatt ma se naħfirlu lil Alla.”
Oħrajn jiżviluppaw sentimenti taʼ rabja għal Alla meta jħarsu lejn id-dinja taʼ madwarhom. Huma jaraw soċjetajiet magħkusin bil-faqar u l-ġuħ, refuġjati tal-gwerra ddisprati, numru bla għadd taʼ tfal li sfaw orfni minħabba l-AIDS, u miljuni taʼ nies mifnijin minħabba mard ieħor. Meta jseħħu traġedji bħal dawn jew oħrajn simili, ħafna jwaħħlu f’Alla għax iħossu li m’huwiex qed jintervieni.
Biss, il-verità hi li Alla m’għandux x’jaħti għall-problemi li qed jifnu lill-umanità. Fil-fatt, hemm raġunijiet validi għala għandna nemmnu li Alla dalwaqt se jneħħi l-ħsara li ġiet fuq il-familja umana. Nistidnuk taqra l-artiklu li jmiss sabiex tara li Alla verament jimpurtah minna.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 2 L-ismijiet ġew mibdulin.