Min Kienu l-Anabattisti?
Min Kienu l-Anabattisti?
DAWK li jkunu qed iżuru għall-ewwel darba ċ-ċentru tal-belt taʼ Münster f’Westphalia, il-Ġermanja, kważi dejjem jieqfu jħarsu lejn tliet gaġeġ tal-ħadid li hemm imdendlin mal-kampnar tal-knisja. Il-gaġeġ ilhom hemm kważi 500 sena, ħlief għal xi ftit perijodi taʼ żmien. Oriġinalment fihom kien hemm l-iġsma taʼ tliet irġiel li kienu torturati u maqtula fil-pubbliku. L-irġiel kienu Anabattisti, u l-gaġeġ huma fdalijiet tas-saltna tagħhom.
Min kienu l-Anabattisti? Il-moviment tagħhom kif inbeda? X’kien it-tagħlim prinċipali tagħhom? L-irġiel għala nqatlu? U x’konnessjoni hemm bejn it-tliet gaġeġ u s-saltna?
Riforma fil-Knisja—Imma Kif Tistaʼ Ssir?
Fl-aħħar tas-seklu 15 u fil-bidu tas-seklu 16 żdiedet ħafna l-kritika kontra l-Knisja Kattolika Rumana u l-kleru. Il-knisja mtliet bil-korruzzjoni u l-immoralità, u għalhekk, ħafna ħassew li kien hemm bżonn bidliet kbar. Fl-1517, Martin Luteru talab pubblikament li ssir riforma, u hekk kif oħrajn ngħaqdu fid-dibattitu, malajr bdiet tiżviluppa r-Riforma Protestanta.
Imma r-riformisti ma kellhom l-ebda pjan konsistenti taʼ x’kellu jsir u sa liema punt kellhom jaslu dawn il-bidliet. Ħafna għarfu l-bżonn li jżommu maʼ dak li tgħid il-Bibbja fejn tidħol il-qima. Madankollu, ir-riformisti lanqas biss setgħu jaqblu fuq interpretazzjoni komuni tat-tagħlim Bibliku. Xi wħud ħassew li l-progress li kienet qed tagħmel ir-Riforma kien wisq bil-mod. U kien minn fost dawn ir-riformisti li ħareġ il-moviment taʼ l-Anabattisti.
Fil-ktieb tiegħu Die Täufer—Geschichte und Deutung, Hans-Jürgen Goertz kiteb: “Fil-fatt, ma kienx hemm biss moviment wieħed tal-battisti; kien hemm diversi movimenti.” Per eżempju, fl-1521 erbat irġiel li kienu magħrufin bħala l-profeti taʼ Zwickau qajmu l-inkwiet minħabba li ppridkaw it-tagħlim taʼ l-Anabattisti f’Wittenberg. U fl-1525 grupp ieħor t’Anabattisti ġie fformat f’Zurich, l-Isvizzera. Xi komunitajiet Anabattisti ġew ifformati wkoll fil-Moravja—issa r-Repubblika Ċeka—u fl-Olanda.
Il-Magħmudija—Għat-Trabi jew għall-Adulti?
Il-maġġuranza tal-komunitajiet Anabattisti kienu żgħar, u l-membri ġeneralment kienu paċifiċi. Huma ma kinux jaħbu t-twemmin tagħhom; fil-fatt, huma ppridkaw lil oħrajn. Id-duttrini bażiċi tat-twemmin taʼ l-Anabattisti kienu spjegati fid-Dikjarazzjoni taʼ Schleitheim fl-1527. Fost affarijiet oħra, huma rrifjutaw li jieħdu sehem f’servizz militari, baqgħu separati mid-dinja, u keċċew lil dawk li waqgħu f’xi ħażen. Imma l-iktar karatteristika li kienet tispikka fit-twemmin taʼ l-Anabattisti, dik li ġagħlithom jidhru verament differenti minn reliġjonijiet oħra, kienet li huma kienu konvinti li l-magħmudija kienet għall-adulti u mhux għat-trabi. *
Il-magħmudija taʼ l-adulti ma kinitx sempliċement kwistjoni taʼ xi domma reliġjuża; kienet kwistjoni taʼ poter. Jekk il-magħmudija kienet titħalla sa ma individwu jikber—u b’hekk dak li jkun setaʼ jieħu deċiżjoni bbażata fuq il-fidi—xi wħud jispiċċaw biex lanqas biss jitgħammdu. U sa ċertu punt, il-knisja ma kellhiex kontroll fuq individwi mhux mgħammdin. Għal xi knejjes,
il-magħmudija taʼ l-adulti kienet tfisser li kienu tilfu xi ftit mill-poter.Għalhekk, kemm il-Kattoliċi u kemm il-Luterani riedu jiskuraġġixxu l-magħmudija taʼ l-adulti. Wara l-1529, għallinqas f’xi postijiet, dawk li kienu jitgħammdu bħala adulti u dawk li għammduhom x’aktarx li kienu jingħataw il-mewt. Il-ġurnalist Thomas Seifert jispjega li l-Anabattisti kienu “persegwitati bl-aħrax fl-Imperu Ruman Qaddis tan-Nazzjon Ġermaniż kollu.” Il-persekuzzjoni laħqet il-quċċata tagħha f’Münster.
Il-Belt Medjevali taʼ Münster Trid Bidla
Münster medjevali kellha madwar 10,000 abitant u kienet imdawra bi swar li ħadd ma setaʼ jirbaħhom u li kienu wesgħin madwar 90 metru u kellhom ċirkonferenza taʼ 5 kilometri. Madankollu, is-sitwazzjoni ġewwa l-belt ma kinitx stabbli daqs id-difiża tagħha. The Kingdom of the Anabaptists, pubblikat mill-Mużew tal-Belt taʼ Münster, isemmi li “ġewwa kien hemm tilwim politiku bejn il-membri tal-Kunsill Leġislattiv tal-belt u x-Xirkiet tas-Snajjaʼ.” Barra minn hekk, l-abitanti kienu rrabjati minħabba l-imġiba tal-kleru. Il-belt taʼ Münster appoġġat ir-Riforma u fl-1533 inbidlet minn belt Kattolika għal waħda Luterana.
Bernhard Rothmann, wieħed mill-qassisin riformisti prinċipali f’Münster, kien bniedem kemxejn impulsiv. L-awtur Friedrich Oehninger jispjega li l-opinjonijiet taʼ Rothmann ‘ċertament saru bħal dawk taʼ l-Anabattisti; hu u xi kollegi oħra rrifjutaw li jgħammdu lit-trabi.’ Hu kiseb l-appoġġ taʼ ħafna nies f’Münster, għalkemm l-opinjonijiet drastiċi tiegħu kienu wisq estremi għal xi wħud. “Iktar u iktar uħud li kienu jħobbu s-sitwazzjoni reliġjuża taʼ qabel telqu mill-belt, mimlijin taqtigħ il-qalb u biżaʼ li kienet se tiġri xi ħaġa ħażina. Folol kbar t’Anabattisti bdew ġejjin Münster minn kullimkien, bit-tama li jaraw l-ideali tagħhom isiru realtà.” Il-fatt li nġabar dan in-numru kbir t’Anabattisti f’Münster wassal għal ġrajja tal-biżaʼ.
Ġerusalemm il-Ġdida Assedjata
Żewġ emigranti Olandiżi li marru Münster—Jan Mathys, furnar minn Haarlem, u Jan Beuckelson, magħruf bħala John taʼ Leiden—kien se jkollhom irwol importanti fl-iżviluppi t’hemmhekk. Mathys stqarr li hu kien profeta u ħabbar li f’April taʼ l-1534 kellu jkun hemm it-tieni miġja taʼ Kristu. Il-belt ġiet dikjarata bħala Ġerusalemm il-Ġdida msemmija fil-Bibbja, u n-nies kienu qed jistennew li se tispiċċa d-dinja. Rothmann iddeċieda li l-proprjetà kollha kellha tinqasam bejn kulħadd. L-abitanti li kienu adulti kellhom jieħdu deċiżjoni: Jitgħammdu jew jitilqu. Folol sħaħ tgħammdu u dawn inkludew uħud li tgħammdu sempliċement biex jevitaw li jkollhom jitilqu minn djarhom u jħallu kulma kellhom warajhom.
Komunitajiet oħra kienu qed josservaw imbeżżgħin hekk kif Münster saret l-ewwel belt li fiha l-Anabattisti kienu l-iktar forza reliġjuża u politika b’saħħitha. Skond il-ktieb Die Täufer zu Münster, dan wassal biex Münster ġabet fuqha l-ostilità taʼ l-Imperu Ruman Qaddis tan-Nazzjon Ġermaniż. Il-Konti Franz von Waldeck, li kien prinċep, isqof, u uffiċjal magħruf, ġabar armata biex jassedjaw il-belt taʼ Münster. Din l-armata kienet magħmula minn Luterani u Kattoliċi. Dawn iż-żewġ reliġjonijiet, li sa dan iż-żmien kienu fuq naħat opposti fil-kwistjoni tar-Riforma u li dalwaqt kienu se jitqabdu kontra xulxin fil-Gwerra taʼ Tletin Sena, ngħaqdu flimkien kontra l-Anabattisti.
Il-Qerda tas-Saltna taʼ l-Anabattisti
Is-saħħa taʼ l-armata li kienet qed tassedja l-belt xejn ma beżżgħethom lil dawk li kienu protetti wara s-swar. F’April taʼ l-1534, meta suppost kellha sseħħ it-tieni miġja taʼ Kristu, Mathys ħareġ mill-belt riekeb fuq żiemel abjad billi ħaseb li kien se jkollu l-protezzjoni divina. Immaġina kif twerwru dawk li appoġġaw lil Mathys hekk kif ittawlu minn fuq is-swar tal-belt u raw lit-truppi li kienu qed jassedjawhom iqattgħu lil Mathys f’biċċiet u jdendlu rasu fuq għuda.
John taʼ Leiden sar is-suċċessur taʼ Mathys u ġie msejjaħ is-Sultan Jan taʼ l-Anabattisti f’Münster. Hu pprova jirranġa l-iżbilanċ li kien hemm bejn is-sessi—il-belt kellha ħafna iktar nisa milli rġiel—billi inkuraġġixxa lill-irġiel sabiex jiżżewġu kemm-ilmara riedu. Eżempju taʼ l-estremitajiet li saru fis-saltna Anabattista f’Münster kien li min jikkommetti l-adulterju u ż-żína kien jingħata l-mewt, filwaqt li l-poligamija kienet tollerata, saħansitra inkuraġġita. Is-Sultan Jan innifsu kellu 16-il mara. Meta waħda minnhom, Elisabeth Wandscherer, talbitu permess biex titlaq mill-belt, ordna li jaqtgħulha rasha fil-pubbliku.
L-assedju dam 14-il xahar, sa Ġunju taʼ l-1535 meta fl-aħħar il-belt waqgħet f’idejn l-għedewwa tagħha. Münster ġarrbet qerda li l-belt qatt ma reġgħet rat bħalha sat-tieni gwerra dinjija. Rothmann ħarab, imma s-Sultan Jan u żewġ Anabattisti mlaħħqin oħra nqabdu, ġew torturati, u maqtulin. L-iġsma tagħhom tpoġġew f’gaġeġ u ddendlu mal-kampnar tal-Knisja taʼ San Lambert. Dan kellu “jservi taʼ twissija tal-biżaʼ għal dawk kollha li setgħu jaqilgħu l-inkwiet,” jispjega Seifert. Iva, il-fatt li ndaħlu fil-politika ġabilhom konsegwenzi drastiċi.
X’sar minnhom il-komunitajiet Anabattisti l-oħra? Il-persekuzzjoni baqgħet għaddejja għal diversi snin madwar l-Ewropa. Il-maġġuranza taʼ l-Anabattisti żammew mal-prinċipji paċifiċi tagħhom, għalkemm kien hemm xi ftit minnhom li baqgħu jiġġieldu. Maż-żmien, Menno Simons, dak li qabel kien qassis, ħa t-tmexxija taʼ l-Anabattisti, u l-grupp eventwalment sar magħruf bħala l-Mennoniti jew b’ismijiet oħra.
It-Tliet Gaġeġ
L-Anabattisti kienu bażikament nies reliġjużi li pprovaw iżommu mal-prinċipji Bibliċi. Imma l-estremisti f’Münster ġagħlu lill-Anabattisti jabbandunaw dan il-mod taʼ ħajja u jinvolvu ruħhom fil-politika. Malli ġara dan, il-moviment inbidel u sar forza rivoluzzjonarja. Dan kien ifisser diżastru għall-moviment taʼ l-Anabattisti u għall-belt medjevali taʼ Münster.
Dawk li jżuru ċ-ċentru tal-belt għadhom jiġu mfakkrin f’dawn il-ġrajjiet tal-biżaʼ li seħħew kważi 500 sena ilu. Kif? Permezz tat-tliet gaġeġ tal-ħadid li hemm imdendlin mal-kampnar tal-knisja.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 9 Dan l-artiklu ma jeżaminax l-argument dwar jekk il-magħmudija hijiex għat-trabi jew le. Għal iktar dettalji fuq dan is-suġġett, ara l-artiklu “Għandhom It-Trabi Jkunu Mgħammdin?” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Ġunju, 1986.
[Stampi f’paġna 13]
Is-Sultan Jan kien torturat, maqtul, u mdendel mal-kampnar tal-Knisja taʼ San Lambert