‘Ejja u Għinna’
Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
‘Ejja u Għinna’
F’LULJU taʼ l-2000 saret stedina fl-Awstrija, fil-Ġermanja, u fl-Isvizzera biex dawk l-aħwa li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż imorru joqogħdu l-Bolivja. Għala? Għax xi 300 kilometru madwar Santa Cruz, fil-Bolivja, fil-komunitajiet tal-bdiewa, il-Mennoniti li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż urew interess kbir fil-Bibbja.
Madwar 140 Xhud wieġbu għall-istedina. Xi wħud marru għal ftit ġimgħat, oħrajn għal sena jew iktar. Billi għamlu dan, huma wrew spirtu bħal dak tal-missjunarji taʼ l-ewwel seklu li taw kas is-sejħa: “Ejja l-Maċedonja u għinna.”—Atti 16:9, 10.
Kif inhu t-territorju hemmhekk? Anzjan fil-kongregazzjoni lokali jispjega: “Biex tivvjaġġa lejn wieħed mit-43 komunità Mennonita, tistaʼ ddum tmien sigħat għaddej minn ġo toroq imħarbtin b’vettura li għandha sistema li tikkontrolla l-erbaʼ roti. Taʼ spiss, biex iżżur postijiet li qegħdin iktar fil-bogħod tistaʼ ddum tivvjaġġa erbat ijiem, u xi ljieli saħansitra tispiċċa torqod fit-tined. Iżda l-isforz żgur li mhux għalxejn, għax kważi ħadd minn dawn in-nies ma qatt semaʼ dwar il-verità qabel.”
Għall-ewwel, ħafna mill-Mennoniti m’apprezzawx iż-żjajjar tagħna. Iżda, permezz taʼ sforzi ripetuti ġew megħjunin japprezzaw dak li x-Xhieda kellhom x’joffru. Per eżempju, wieħed bidwi qal li kien ilu jaqra r-rivista Stenbaħ! għal madwar sena. Imbagħad żied: “Jien naf li ħafna nies hawnhekk ma jaqblux maʼ dak li tgħidu, iżda jien nemmen li hija l-verità.” F’komunità oħra, wieħed raġel qal: “Xi wħud mill-ġirien tiegħi jgħidu li intom profeti foloz, oħrajn jgħidu li għandkom il-verità. Nixtieq niskopri dan għalija nnifsi.”
Issa hemm kongregazzjoni li fiha jitkellmu bil-Ġermaniż fil-Bolivja, b’35 pubblikatur, u 14 minnhom huma evanġelizzaturi full-time. S’issa hemm 14-il Mennonita li saru proklamaturi tas-Saltna, u hemm 9 oħra li jattendu regolarment għal-laqgħat. Wieħed raġel anzjan li m’ilux li tgħammed qal: “Tassew naraw id-direzzjoni taʼ Jehovah. Hu bagħtilna aħwa rġiel u nisa taʼ esperjenza li jitkellmu bil-Ġermaniż biex jgħinuna. Aħna tassew grati.” It-tifla taʼ dan ir-raġel li għandha 17-il sena, li hi wkoll mgħammda, żiedet: “L-entużjażmu li għandhom l-aħwa żgħażagħ irġiel u nisa li ġew hawnhekk jittieħed. Bosta minnhom huma pijunieri, u jagħtu minn ħinhom u flushom biex jgħinu lil oħrajn. Dan iqanqal ix-xewqa fija biex nagħmel l-istess.”
Bla dubju taʼ xejn, dawk li għamlu sforz biex imorru jgħinu qegħdin jaħsdu ferħ u sodisfazzjon kbir.